This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012AE1045
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions — Towards an EU Criminal Policy: Ensuring the effective implementation of EU policies through criminal law’ COM(2011) 573 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn Politika Kriminali tal-UE: L-iżgurar ta’ implimentazzjoni effettiva tal-politiki tal-UE permezz tal-liġi kriminali” COM(2011) 573 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn Politika Kriminali tal-UE: L-iżgurar ta’ implimentazzjoni effettiva tal-politiki tal-UE permezz tal-liġi kriminali” COM(2011) 573 final
ĠU C 191, 29.6.2012, p. 97–102
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
29.6.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 191/97 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn Politika Kriminali tal-UE: L-iżgurar ta’ implimentazzjoni effettiva tal-politiki tal-UE permezz tal-liġi kriminali”
COM(2011) 573 final
2012/C 191/17
Relatur: is-Sur DE LAMAZE
Nhar l-20 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn Politika Kriminali tal-UE: L-iżgurar ta’ implimentazzjoni effettiva tal-politiki tal-UE permezz tal-liġi kriminali
COM(2011) 573 final.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-22 ta’ Marzu 2012.
Matul l-480 sessjoni plenarja tiegħu li saret nhar il-25 u s-26 ta’ April 2012 (seduta tal-25 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’ 131 vot favur, l-ebda voti kontra u 2 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-KESE jappoġġja l-għan tal-Komunikazzjoni li tipprevedi l-eżerċizzju tal-kompetenza tal-UE fil-qasam tal-politika kriminali li ngħatatilha skont l-Artikolu 83(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fis-setturi armonizzati l-ġodda. B'hekk, l-UE jista' jkollha għodda effikaċi biex ittejjeb u iżżid l-applikazzjoni tal-politiki tagħha, sabiex jitkomplew l-avvanzi ġurisprudenzjali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE tal-2005 u taż-żewġ Direttivi tal-2008 u l-2009 li kellhom l-għan li jistabbilixxu leġislazzjoni kriminali ambjentali.
1.2 Bla dubju, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni hija pass 'il quddiem għax għall-ewwel darba l-UE qed tipproponi li tiddefinixxi politika li tagħti direzzjoni lill-azzjoni tagħha fil-materji kriminali. Il-KESE jemmen li dan għandu jingħata appoġġ politiku kbir.
1.3 B'referenza għall-avvanzi legali msemmijin hawn fuq, il-KESE jixtieq qabel kollox ifakkar li x-xewqa li jiġi żgurat li l-politiki tal-Unjoni jitwettqu mhijiex biżżejjed biex tiġġustifika rikors għal-liġi kriminali, peress li t-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni legali Ewropew huwa soġġett għar-rispett tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.
1.4 Minħabba n-natura punittiva u li tinfama tas-sanzjonijiet kriminali, il-kriminalizzazzjoni ta’ Stat Membru imposta mill-Unjoni għal ċerta mġiba għandha tkun l-aħħar mezz (“ultima ratio”). Id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom l-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ politika tal-UE, li jikkompromettu l-effikaċja tal-politika m'għandhomx ikunu biżżejjed biex jiġġustifikaw ir-rikors għal-liġi kriminali. L-imġiba inkwistjoni għandha tkun ta’ ksur serju ta’ interess meqjus bħala fundamentali.
1.5 Il-KESE jqis li l-proġett tal-Kummissjoni jirrikjedi l-ewwel identifikazzjoni ċara ta’ x'jista' jkopri l-kunċett ta’ interess ġenerali definit fil-livell Ewropew. Attwalment dan il-kunċett ma jeżistix fil-liġi iżda huwa neċessarju biex jiġġustifika li jiġu imponuti sanzjonijiet kriminali definiti fil-livell tal-UE fuq iċ-ċittadini tal-UE. L-interess tal-konsumaturi waħdu mhuwiex biżżejjed biex jiġġustifika r-rikors għal miżuri bħal dawn.
1.6 B'mod iktar ġenerali, il-KESE jappella biex jiġi eżaminat kif id-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet soċjali, fil-futur jistgħu jiġu mħarsa mis-sanzjonijiet kriminali definiti fil-livell tal-UE u għandha tingħata kunsiderazzjoni ta’ kif dawn jistgħu jiġu armonizzati fl-Istati Membri differenti. Billi d-definizzjoni tal-inkriminazzjonijiet u tas-sanzjonijiet tista' tvarja minn Stati Membru għal ieħor sal-punt li tippreġudika d-drittijiet fundamentali billi tikser il-prinċipji tal-proporzjonalità u ċ-ċertezza legali, il-KESE jemmen li f'dawn il-każijiet l-armonizzazzjoni tal-kwistjonijiet kriminali tkun neċessarja.
1.7 Id-deċiżjoni li jiġu adottati dispożizzjonijiet kriminali Ewropea ġodda fil-livell Ewropew għandha qabel kollox tkun ġustifikata permezz ta’ valutazzjoni tal-impatt li ssir f'kooperazzjoni mal-esperti fl-Istati Membri differenti li tqis b'mod partikolari studju komparattiv ibbażat fuq il-liġi tas-sistemi responsabbli għall-implimentazzjoni tar-regolamentazzjoni inkwistjoni fil-livell tal-Istati Membri u valutazzjoni tal-ħtieġa li jittejjeb l-istat tad-dritt li turi l-bżonn li din id-dispożizzjoni l-ġdida tiġi applikata fil-livell Ewropew.
1.8 Fi kliem ieħor, il-valutazzjoni għandha tagħti xhieda tal-bżonn ta’ standard Ewropew fil-qasam tal-pieni b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità (rekwiżit tal-ultima ratio) tas-sanzjoni kriminali fir-rigward tan-nuqqas inkwistjoni. Il-KESE huwa sodisfatt li huwa f'dan l-ispirtu li l-Kummissjoni qed tippjana li twessa' l-azzjoni tal-UE fil-materji kriminali.
1.9 Il-KESE jqis li l-effikaċja u l-impatt tal-liġi kriminali stabbilita fil-livell Ewropew fuq id-drittijiet fundamentali għandha tiġi soġġetta għal valutazzjoni xjentifika u indipendenti li hija komponent indispensabbli tal-valutazzjoni minn qabel tal-impatt.
1.10 Il-KESE jqis li huwa kruċjali li jiġi definit il-kontenut ta’ politika ta’ armonizzazzjoni f'materji kriminali b'mod partikolari b'relazzjoni ma’ jekk din hix intenzjonata li tarmonizza d-definizzjonijiet u s-sanzjonijiet u r-reati.
1.11 Il-KESE jqis li r-regoli minimi implimentati fil-livell tal-UE m'għandhomx jinterferixxu fid-definizzjoni tal-kategoriji ta’ ksur mill-awtoritajiet nazzjonali, li barra minn hekk hija marbuta mas-sistema ġudizzjarja tagħhom, u li għandu jitħalla f'idejhom li jiddefinixxu l-istrateġija tagħhom tal-infurzar f'konformità stretta mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.
1.12 Il-KESE jenfasizza li, fi kwalunkwe każ, l-armonizzazzjoni progressiva tar-regoli sostanzjali tal-liġi kriminali ser tkun tista' sseħħ biss b'mod organiku abbażi ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet tal-infurzar (ministeri tal-ġustizzja u prosekuturi) u l-awtoritajiet ġudizzjarji. Din il-kooperazzjoni għandha tiġi garantita permezz ta’ baġit speċifiku. Din l-armonizzazzjoni madanakollu mhux ser tneħħi l-eteroġeneità tar-regoli nazzjonali dwar il-proċeduri kriminali, b'mod partikolari fil-qasam tal-garanzija speċifika tad-drittijiet tad-difiża (pereżempju l-appelli). Barra minn hekk, il-kwistjonijiet proċedurali ma jaqgħux taħt din il-komunikazzjoni. Għaldaqstant, il-proċedimenti kriminali u l-prattiki tas-sistemi ta’ infurzar differenti jwasslu għal varjazzjonijiet li l-leġislatur Ewropew mhuwiex qed jipprevedi. F'dawn il-kundizzjonijiet, il-KESE jemmen li hu partikolarment importanti li l-prosekutur Ewropew futur ikun responsabbli li jsegwi fil-limiti tal-kompetenzi tiegħu l-armonizzazzjoni progressiva tal-leġislazzjonijiet kriminali nazzjonali li abbażi tagħhom ser isiru proċeduri ġudizzjarji.
1.13 Barra minn hekk, il-KESE jqis li għandha ssir riflessjoni dwar ir-responsabbiltà kriminali tal-persuni legali li bħalissa għadha ma ġietx aċċettata mill-Istati Membri kollha. Din l-inugwaljanza quddiem il-liġi titlob diskussjoni b'mod prijoritarju, peress li għadd kbir ta’ ksur fil-qasam ekonomiku, soċjali u ambjentali jsir mill-intrapriżi industrijali u kummerċjali.
1.14 It-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni kriminali Ewropew jitlob qabel kollox li ssir diskussjoni fuq is-suġġetti li ġejjin:
— |
il-preferenza tal-liġi kriminali fuq sistemi oħra kollha ta’ prevenzjoni u rimedju, bħar-reġimi ta’ sanzjonijiet amministrattivi, inklużi dawk fiskali, u t-triq tal-azzjonijiet kollettivi (class action) kif ukoll il-medjazzjoni; |
— |
l-identifikazzjoni tal-livell adegwat għas-sanzjoni, li jrid jiġi definit fil-livell Ewropew, li mingħajrha f'ħafna leġislazzjonijiet fejn tapplika, il-liġi kriminali tkun inqas dissważiva; |
— |
ir-rwol tal-Eurojust u r-rwol tal-prosekutur Ewropew futur. |
1.15 Fl-aħħar nett, il-KESE jemmen li d-diskussjoni dwar il-prinċipju tat-twessigħ tal-liġi kriminali Ewropea tmur id f'id ma’ oħra dwar ir-rispett tad-drittijiet għad-difiża li huma inqas protetti barra mill-qafas legali li joffri l-proċess kriminali. Sabiex it-twessigħ taż-żona kriminali Ewropea jkun effettiv, irid ikun hemm tisħiħ tad-drittijiet tad-difiża, speċjalment fil-qafas tal-Eurojust u l-Europol. Dawn id-drittijiet għandhom jiġu garantiti b'mod effettiv fil-prattika u għal kull ċittadin tal-UE. Huwa biss b'dan il-mod li l-liġi kriminali Ewropea ser tissodisfa r-rekwiżit tar-rispett tad-drittijiet fundamentali mnaqqax fit-Trattati (l-Artikolu 67(1) u l-Artikolu 83(3) tat-TFUE).
2. Kontenut tal-Komunikazzjoni
2.1 Il-Kummissjoni temmen li fis-settur finanzjarju kif ukoll fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, il-protezzjoni tal-euro u l-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni, l-azzjoni tal-UE f'materji kriminali hija rikonoxxuta bħala waħda meħtieġa biex tissaħħaħ l-applikazzjoni effettiva tal-politiki tal-UE.
2.2 Hija tappella biex issir valutazzjoni tan-neċessità li l-azzjonijiet jiġu estiżi għall-oqsma li ġejjin: it-trasport bit-triq, il-protezzjoni tad-data, ir-regoli tad-dwana, il-protezzjoni tal-ambjent, il-politika tas-sajd u l-politiki marbutin mas-suq intern (falsifikazzjoni, korruzzjoni, akkwist pubbliku). Din il-lista ma tinkludix kollox.
2.3 Il-bażi legali għal din l-azzjoni tal-UE hija l-Artikolu 83(2) tat-TFUE li jipprevedi li “jekk l-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Membri f'materji kriminali tkun indispensabbli sabiex tiġi assigurata l-implimentazzjoni effiċjenti ta’ politika tal-Unjoni f'qasam li kien suġġett għall-miżuri ta’ armonizzazzjoni”, titqies il-possibbiltà li jiġu stabbiliti “regoli minimi fir-rigward tad-definizzjoni ta’ reati kriminali u sanzjonijiet fil-qasam ikkonċernat”.
2.4 Filwaqt li t-Trattat ta’ Lisbona jipprovdi bażi legali li tiffaċilita l-adozzjoni ta’ direttivi fil-materji ta’ liġi kriminali, minbarra d-drittijiet fundamentali garantiti mill-Karta u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali dawn id-direttivi għandhom jirrispettaw b'mod strett il-prinċipji fundamentali tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, u r-rikors għal-liġi kriminali għandu jsir, kif tgħid il-Komunikazzjoni, bħala l-aħħar mezz (“ultima ratio”).
2.5 Fid-dawl tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, u kif tispjega l-Komunikazzjoni, huwa biss jekk l-Istati Membri ma jkunux kapaċi jinfurzaw il-liġi tal-UE jew jekk ifeġġu diverġenzi sinifikanti fil-qasam bejn l-Istati Membri li jwasslu għal inkonsistenzi fl-implimentazzjoni tagħha, li l-UE tista' tintervjeni.
2.6 B'konformità mar-rekwiżiti tal-ultima ratio, il-Kummissjoni tistqarr li l-għażla bejn is-sanzjonijiet kriminali u dawk amministrattivi ser tkun abbażi ta’ valutazzjoni tal-impatt dettaljata. F'dan il-kompitu jgħinuha grupp ta’ esperti u dawn jipprovdu wkoll interpretazzjoni ta’ ċerti kunċetti bażiċi tal-liġi kriminali (“sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi”, “każijiet minuri” jew “għajnuna u kompliċità”).
2.7 Il-Kummissjoni tevalwa l-valur miżjud ta’ azzjoni mill-UE fil-qasam tal-liġi kriminali rigward l-erba' għanijiet li ġejjin:
— |
li jiġi mħeġġeġ il-moviment ħieles tal-persuni u tax-xiri transkonfinali (permezz ta’ standards minimi marbutin mad-drittijiet proċedurali). |
— |
li tiġi evitata l-eżistenza ta’ “żoni ta’ kenn”. |
— |
li tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-kooperazzjoni bejn is-servizzi ta’ infurzar. |
— |
il-prevenzjoni u s-sanzjonar tal-ksur serju ta’ liġijiet tal-Unjoni (ambjent, ġlieda kontra x-xogħol illegali, eċċ.). |
2.8 Il-Komunikazzjoni ma tmissx mal-miżuri li, skont l-Artikolu 83(1) tat-TFUE jistgħu jiġu adottati biex jingħelbu r-reati mniżżlin fil-lista limitata msejħin “ewroreati” minħabba l-gravità partikolari u l-aspett transkonfinali tagħhom (1).
3. Kummenti ġenerali
3.1 L-għan ta’ din il-Komunikazzjoni huwa partikolarment sensittiv għax, sa mill-bidu tal-eżistenza tal-Istati, il-politika kriminali kienet f'idejn is-setgħa sovrana, u r-regoli ta’ infurzar jaffettwaw direttament il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet ta’ kull ċittadin.
3.2 Filwaqt li ċerti oqsma, speċjalment dak tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni u l-esplojtazzjoni sesswali tat-tfal u tan-nisa, koperti mill-Artikolu 83(1) tat-TFUE, bla dubju jitolbu azzjoni mill-UE f'materji kriminali, il-KESE mhuwiex ċert jekk oqsma oħra li jaqgħu taħt l-Artikolu 83(2) tat-TFUE jitolbux din l-azzjoni.
3.3 Il-bażi ta’ leġislazzjoni Ewropea f'materji kriminali
3.3.1
3.3.1.1 L-elementi ġodda introdotti mit-Trattat ta’ Lisbona huma riżultat li l-KESE jilqa' bi pjaċir. Permezz ta’ dawn, l-adozzjoni tad-direttivi fil-qasam kriminali hija faċilitata u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali hija żgurata aħjar.
3.3.1.2 Madankollu, il-KESE jixtieq li mill-bidu jiċċara ħaġa li tista' twassal għal konfużjoni: l-Artikolu 83(2) tat-TFUE ma jistax jagħti x'jifhem li x-xewqa li tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni tista' fiha nnifisha tkun biżżejjed biex rikors għal-liġi kriminali jkun leġittimu.
3.3.1.3 L-“irkupru ekonomiku”, li l-Kummissjoni tirreferi għalih biex tasal għat-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni għall-azzjoni tal-UE f'materji kriminali (paġna 10), u li huwa rikonoxxut universalment bħala għan essenzjali u prijorità, ma jistax fih innifsu jikkostitwixxi interess leġittimu suffiċjenti biex jiġġustifika r-rikors għal-liġi kriminali. Barra minn hekk, dan l-għan jiddependi minn ħafna aktar mill-ġlieda kontra l-“ekonomija illegali u l-kriminalità finanzjarja”, li kif temmen il-Kummissjoni, l-azzjoni tal-UE f'materji kriminali dwar dan ma tistax tiġi ristretta.
3.3.1.4 Il-KESE jqis li l-proġett tal-Kummissjoni jirrikjedi l-ewwel identifikazzjoni ċara ta’ x'jista' jkopri l-kunċett ta’ interess ġenerali definit fil-livell Ewropew. Attwalment dan il-kunċett ma jeżistix fil-liġi iżda huwa neċessarju biex jiġġustifika li jiġu imponuti sanzjonijiet kriminali definiti fil-livell tal-UE fuq iċ-ċittadini tal-UE. L-interess tal-konsumaturi waħdu mhux biżżejjed biex jiġġustifika r-rikors għal miżuri bħal dawn.
3.3.1.5 B'mod iktar ġenerali, il-KESE jappella biex jiġi eżaminat kif id-drittijiet fundamentali u soċjali fil-futur jistgħu jiġu mħarsa mis-sanzjonijiet kriminali definiti fil-livell tal-UE u għandha tingħata kunsiderazzjoni ta’ kif dawn jistgħu jiġu armonizzati fl-Istati Membri differenti. Billi d-definizzjoni tal-inkriminazzjonijiet u s-sanzjonijiet tista' tvarja minn Stat Membru għal ieħor sal-punt li tippreġudika d-drittijiet fundamentali billi tikser il-prinċipji tal-proporzjonalità u ċ-ċertezza legali, il-KESE jemmen li l-armonizzazzjoni tal-kwistjonijiet kriminali tkun neċessarja f'dawn il-każijiet.
3.3.2
3.3.2.1 Fil-qafas ta’ leġislazzjoni Ewropea f'materji kriminali, il-KESE jagħti importanza partikolari għar-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà: dan huwa ta’ importanza partikolari minħabba li l-valuri soċjali protetti mil-liġi kriminali huma marbutin mill-qrib mal-istruttura soċjali u mal-identità nnifisha tas-soċjetajiet tal-Istati Membri. Din l-identità hija mnaqqxa fit-TFUE li jgħid li l-Istati Membri m'għandhomx iżommu lura milli jużaw il-prerogattivi tagħhom u jiġbdu l-“brejk ta’ emerġenza” jekk jikkunsidraw li l-leġislazzjoni proposta tolqot aspetti fundamentali tas-sistema tal-liġi kriminali nazzjonali tagħhom (Artikolu 83(3)).
3.3.2.2 Il-KESE jqis li r-regoli minimi stabbiliti fil-livell Ewropew f'materji kriminali m'għandhomx jinterferixxu fid-definizzjoni tal-kategoriji ta’ ksur mill-awtoritajiet nazzjonali, li barra minn hekk hija marbuta mas-sistema ġudizzjarja tagħhom, u li għandu jitħalla f'idejhom li jiddefinixxu l-istrateġija tagħhom tal-infurzar f'konformità stretta mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.
3.3.2.3 Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni tindika li, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-azzjoni tal-UE f'materji kriminali tkun ġustifikata biss jekk għadd kbir ta’ Stati Membri jew l-Istati Membri kollha ma jirnexxilhomx jiżguraw ir-rispett tal-liġi tal-Unjoni bil-mezzi leġislattivi tagħhom. Il-kwistjoni ta’ azzjoni tal-UE jistħoqqilha titqajjem jekk Stat Membru wieħed jew xi ftit minnhom jaslu għal din is-sitwazzjoni.
3.3.2.4 Minħabba li għandha t-tendenza tipperikola d-drittijiet tal-persuni, il-leġislazzjoni kriminali Ewropea għandha tistrieħ ukoll fuq il-prinċipju tal-proporzjonalità u, b'mod partikolari, fuq ir-rekwiżit tal-ultima ratio li jippresupponi li tingħata prova minn qabel li ma jeżistix mezz ieħor inqas aħrax biex jintlaħaq l-għan mixtieq.
3.3.2.5 Il-Komunikazzjoni tinsisti fuq l-importanza li dawn il-prinċipji jiġu implimentati, u dan ifisser li jridu jsiru valutazzjonijiet li jqisu kull miżuri alternattiva possibbli.
3.3.2.6 Il-KESE huwa konxju tar-rieda soda tal-Kummissjoni li twettaq dawn l-istudji. Il-Kummissjoni tħabbar li “se tiżviluppa pjanijiet biex tiġbor aktar dejta u evidenza statistika biex tindirizza l-oqsma koperti mill-Artikolu 325(4) u l-Artikolu 83(2)” (punt 2.2.2).
3.3.2.7 Rigward l-applikazzjoni tar-rekwiżit tal-ultima ratio, hija tgħid li l-leġislatur għandu jibbaża fuq studji tal-impatt li jinkludu “valutazzjoni ta’ jekk is-sistemi tas-sanzjonijiet tal-Istati Membri jiksbux ir-riżultat mixtieq u d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom l-awtoritajiet nazzjonali li jimplimentaw il-liġi tal-UE fil-prattika” (punt 2.2.1).
3.3.2.8 Irid jingħaraf li sal-lum ftit għad hemm valutazzjonijiet tat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni Ewropea mill-Istati Membri, u lanqas m'hemm xogħlijiet ta’ riċerka li jqabblu s-sistemi legali differenti. L-ewwel biċċa xogħol ser tikkonsisti fl-iżvilupp ta’ dawn l-istudji. Fil-fehma tal-KESE, huwa biss fid-dawl tas-sejbiet tagħhom li jkun jista' jiġi stabbilit verament kemm hija “essenzjali” l-armonizzazzjoni.
3.3.2.9 Il-KESE jinsisti fuq il-fatt li hemm bżonn li jintwerew kemm in-nuqqasijiet tas-sistemi legali tal-Istati Membri kif ukoll in-natura tad-diffikultajiet imqajmin fil-livell tal-Unjoni mid-differenzi fl-ideat dwar il-kriminalizzazzjoni, is-sanzjonijiet u l-effettività tal-infurzar tal-liġi.
3.3.2.10 Il-KESE jqis li l-istrument tal-liġi kriminali Ewropea għandu jkun soġġett għal valutazzjoni xjentifika indipendenti ta’ kemm huwa effikaċi u l-impatt tiegħu fuq id-drittijiet fundamentali. Hija biss evalwazzjoni bħal din li tista' tippermetti li l-miżuri verament effettivi jiġu mtejba u l-oħrajn abbandunati. Għalhekk l-Istati Membri għandu jkollhom strument finanzjarju speċifiku sabiex ir-riżorsi finanzjarji neċessarji jiġu allokati fi ħdan il-baġit tagħhom. Dan ifisser ukoll li titfassal metodoloġija komuni Ewropea li tistipula l-indikaturi prinċipali u l-istrumenti tal-kejl.
3.3.2.11 Il-KESE huwa konxju li d-diskussjoni dwar il-prinċipju tas-sussidjarjetà fil-qasam tal-liġi kriminali għadha biss fil-bidu tagħha. Il-ġurisprudenza għadha qed tinħoloq. F'dan ir-rigward, huwa jenfasizza l-bżonn li titkompla d-diskussjoni biex il-kunċett ikompli jiżviluppa. B'mod aktar ġenerali, huwa jappella biex id-diskussjoni tkompli tidħol aktar fid-dettall dwar il-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-leġislazzjoni Ewropea kollha f'materji kriminali.
3.3.2.12 Fil-fehma tal-KESE, ir-raġunijiet imsemmijin fil-Komunikazzjoni biex jenfasizzaw il-valur miżjud ta’ azzjoni tal-Unjoni f'materji kriminali (paġna 4) jistħoqqilhom li jiġu mixtarra aktar.
3.3.2.12.1 Il-KESE jemmen li, b'mod partikolari, jekk l-argument tad-differenzi bejn is-sanzjonijiet fi ħdan l-UE jqajjem b'mod speċjali l-kwistjoni tad-diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini tal-UE rigward id-drittijiet fundamentali, dan għandu jiġi kkwalifikat: l-ewwel nett minħabba s-setgħa diskrezzjonali tal-maġistrati f'għadd kbir ta’ Stati, u t-tieni għax l-effett ta’ dissważjoni jiddependi qabel kollox fuq l-effikaċja tas-servizzi ta’ infurzar.
3.3.2.12.2 Il-KESE jenfasizza li, fi kwalunkwe każ, l-armonizzazzjoni progressiva tar-regoli sostanzjali tal-liġi kriminali ser tkun tista' sseħħ biss mod organiku abbażi ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali u din il-kooperzzjoni għandha tiġi garantita permezz ta’ baġit speċifiku. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-armonizzazzjoni mixtieqa mhux ser tneħħi għal kollox id-differenzi fil-proċeduri kriminali, b'mod partikolari, rigward il-kunċett tal-proċess tal-akkuża u tad-drittijiet tad-difiża.
3.3.2.12.3 Peress li azzjoni fil-qasam tal-liġi kriminali tidher li hija essenzjali, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li tiġi mfittxija armonizzazzjoni fil-qasam tal-ġbir tal-provi.
3.3.2.13 Fl-aħħar, il-KESE jixtieq ifakkar li, minħabba r-rekwiżit tal-ultima ratio, it-triq tal-mezzi ta’ prevenzjoni, speċjalment permezz ta’ azzjonijiet fil-qasam soċjali, għandha tiġi esplorata. Dan jista' jiġi kkombinat b'mod effikaċi ma’ sanzjonijiet kriminali.
3.3.3
3.3.3.1 Il-KESE jfakkar li, b'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-leġislatur għandu l-obbligu li jippreżenta l-inkriminazzjonijiet b'mod ċar u preċiż, u dan jirrifletti sempliċiment l-obbligu ġenerali li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali. Skont il-KESE, dan l-obbligu għandu jinfirex għar-reati sekondarji bħall-attentati ta’ reati u l-kompliċità li għandhom definizzjonijiet differenti minn Stat għall-ieħor.
3.3.3.2 Kif tinnota l-Kummissjoni, il-proġett tal-armonizzazzjoni tal-leġislazzjonijiet ma jistax iwassal biex jogħlew il-livelli tas-sanzjonijiet applikabbli fl-Istati Membri. Il-KESE jfakkar li, fid-dawl tal-prinċipju tal-koerenza (vertikali), il-pieni minimi previsti mill-UE ma jistgħux iwasslu biex jiżdiedu l-ogħla pieni fi ħdan Stat Membru, għax dan imur kontra s-sistema legali ta’ dan l-Istat (Artikolu 67(1) tat-TFUE). Huwa jappella biex issir distinzjoni bejn il-kunċetti ta’ severità u ta’ effikaċja meta tiġi valutata sanzjoni.
3.3.3.3 Peress li dawn huma sanzjonijiet approvati diġà mill-UE, il-KESE jemmen li, sabiex ikun hemm koerenza orizzontali, iridu jitqiesu wkoll il-livelli ta’ sanzjoni li diġà huma stabbiliti fil-leġislazzjoni Ewropea.
3.4 Kunċetti legali li jridu jiġu ċċarati
3.4.1 B'mod ċar, il-Kummissjoni riedet li tniedi dibattitu saħansitra qabel ma jiġu definiti ċerti kunċetti essenzjali u huwa għalhekk li hemm nuqqas ta’ ċarezza fil-Komunikazzjoni. Minkejja li l-KESE huwa konxju tal-kamp ta’ applikazzjoni politiku tad-dokument, huwa jiddispjaċih li d-diskussjoni ma tistax issir fuq bażi stabbli, kif kien jixtieq. Huwa jenfasizza b'mod partikolari l-kumplessità tad-distinzjoni neċessarja bejn il-kunċetti ta’ sanzjoni kriminali u sanzjoni amministrattiva u jistaqsi x'wieħed irid jifhem bi “ksur serju” tal-liġi tal-Unjoni.
3.4.2 Il-ħidma tal-grupp ta’ esperti għandha tgħin biex jitneħħew ċerti ambigwitajiet. Il-KESE ser jiżgura li, kif kien tħabbar, dawn l-esperti jintgħażlu minn fost ġuristi, avukati, maġistrati, kriminologi, eċċ.
3.5 Għal liema setturi għandha titwessa' l-azzjoni tal-UE f'materji kriminali?
3.5.1 Il-Komunikazzjoni ġustament issemmi alternattivi għal-liġi kriminali mingħajr ma, fil-fehma tal-KESE, issemmi l-implikazzjonijiet kollha: f'għajnejn il-Kumitat, ir-reazzjoni tal-UE għal reati kriminali finanzjarji, soċjali u ekonomiċi għandha tintegra l-alternattiva ekonomika nnifisha, jiġifieri s-sanzjonijiet amministrattivi jew ċivili (il-projbizzjoni li wieħed jeżerċita professjoni, pereżempju).
3.5.2 In-nuqqas ta’ strateġija ġenerali fil-qasam tal-politika kriminali fil-livell Ewropew ifisser li m'hemmx ġustifikazzjoni rigoruża tal-lista tas-setturi li dwarhom il-Kummissjoni tista' tippjana li timplimenta inizjattivi.
3.5.3 Il-KESE jemmen li l-azzjoni tal-UE għandha tibbaża fuq tliet kriterji: il-livell ta’ serjetà (li jrid jiġi definit) u d-dimensjoni transkonfinali tal-ksur, iżda anke l-kriterju komuni dwar sa liema livell jiksru l-liġi skont l-iskala tal-interessi milquta.
3.6 Liema livell ta’ armonizzazzjoni?
3.6.1 Il-KESE jinnota l-għan tal-Kummissjoni li tistabbilixxi standards minimi. It-Trattat ma jippermettix li mmorru lil hinn minn dan u jeskludi l-armonizzazzjoni totali. Madanakollu, ir-regoli minimi jistgħu jirriflettu xewqa għal livell li jkun inqas jew aktar ambizzjuż. Il-KESE jqis li huwa importanti li jiġi definit preċiżament il-livell ta’ armonizzazzjoni mixtieq skont is-settur ikkonċernat. Filwaqt li l-Parlament Ewropew ser jipprovdi l-impetus politiku neċessarju u jipprovdi garanzija ta’ leġittimità demokratika, huwa essenzjali li fil-livell nazzjonali l-parlamenti jindirizzaw il-kwistjoni u jesprimu l-fehma tagħhom dwar is-suġġett, b'konformità mar-responsabbiltajiet il-ġodda tagħhom, sabiex tissaħħaħ il-fiduċja fil-liġi kriminali Ewropea.
3.6.2 U dan peress li l-biċċa xogħol kbira u li ma tispiċċa qatt tal-armonizzazzjoni tad-definizzjonijiet tal-ksur u tas-sanzjonijiet - anke jekk dan isir fuq bażi minima - fil-fehma tal-KESE mhux ser taffettwa l-identità ta’ kull sistema legali nazzjonali.
3.7 Drittijiet ta’ difiża
3.7.1 Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sanzjoni, amministrattiva jew kriminali, tinfluwenza l-garanzija korrispondenti għall-persuna soġġetta għal proċedimenti legali (applikazzjoni tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali), mentri fir-realtà, jista' jkun hemm xi differenzi fil-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża skont it-tip ta’ sanzjoni magħżula. Din is-sitwazzjoni de facto, f'għajnejn il-KESE, titlob definizzjoni ċara u minn qabel ta’ x'inhu kopert mis-sanzjonijiet amministrattivi u x'inhu kopert minn dawk kriminali.
3.7.2 Sabiex nipproteġu aħjar id-drittijiet tad-difiża fil-każ ta’ sanzjonijiet amministrattivi, il-KESE jappoġġja t-twaqqif tal-prinċipji mmirati li jiġbru tali sanzjonijiet taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti.
3.7.3 Il-KESE jixtieq jisħaq li l-kwistjoni tad-drittijiet ta’ difiża hija rilevanti wkoll għall-kooperazzjoni bejn is-servizzi ġudizzjarji u ta’ infurzar (Eurojust u Europol b'mod partikolari).
3.8 Kwistjonijiet sussidjarji
3.8.1
3.8.1.1 Il-fatt li ċerti Stati Membri għadhom ma jirrikonoxxux ir-responsabbiltà kriminali tal-persuni legali, joħloq vojt bejn l-effettività tal-metodi ta’ infurzar possibbli u l-assenjazzjoni tal-maġistrati kompetenti (kriminali jew ċivili, skont ir-regoli tal-assenjazzjoni tal-liġi internazzjonali privata, minn fejn jinħoloq ir-riskju ta’ “forum shopping”). Pereżempju, fil-każ ta’ tniġġis transkonfinali fuq skala kbira, m'hemmx għalfejn insemmu li l-aktar mogħdija effettiva hija dik kriminali kontra dawk responsabbli, li ġeneralment huma l-intrapriżi, minflok ma jinfetħu kawżi esklużivament kontra diretturi ta’ kumpaniji jew il-persunal tagħhom. Dan huwa suġġett li jistħoqqlu aktar riflessjoni, b'mod partikolari l-kwistjoni tas-setgħa li tiġi delegata r-responsabbiltà fil-kumpanija, inkella ma jkunx hemm ekwivalenza fl-infurzar u għaldaqstant, fl-effett ta’ deterrent tal-miżuri ta’ prevenzjoni.
3.8.1.2 Billi l-armonizzazzjoni tal-liġi kriminali tal-kumpaniji qed tiffaċċja diffikultajiet f'termini ta’ differenzi kunċettwali bejn l-Istati Membri, l-azzjoni kontra l-ksur tad-drittijiet fundamentali li tiżgura t-twaqqif ta’ standards Ewropej tiqba' ta’ natura esklużivament amministrattiva kemm jekk instigata mill-Kummissjoni u kemm jekk mill-Istati Membri u/jew l-awtoritajiet indipendenti tagħhom. Importanti li d-dritt tad-difiża tal-persuni legali mressqa quddiem dawn il-korpi bis-setgħa li jimponu sanzjonijiet jiġu garantiti hekk kif inhuma quddiem qorti kriminali.
3.8.2
3.8.2.1 Il-leġislazzjoni tal-Unjoni għandha tiddefinixxi n-negliġenza serja?
3.8.2.2 B'konformità mal-prinċipju tan-“nulla poena sine culpa” (ebda liġi mingħajr penali), il-KESE jemmen li kieku l-leġislazzjoni tal-UE f'materji kriminali legali tiddefinixxi l-imġiba intenzjonata, l-Istati Membri jkunu huma biss kompetenti li jistabbilixxu sanzjonijiet li jippenalizzaw in-negliġenza serja (għad trid tiġi diskussa).
3.8.3
3.8.3.1 Filwaqt li jidher li fil-prinċipju m'hemm xejn kontra l-istabbiliment ta’ piena għall-konfiska (b'distinzjoni mis-sekwestru tal-assi) fil-leġislazzjoni Ewropea, speċjalment rigward it-traffiku tad-drogi, il-kwistjoni tista' tistħoqqilha diskussjoni dettaljata dwar jekk hemmx pjani għal miżuri dwar il-konfiska ġenerali tal-assi, li mhijiex indirizzata f'bosta sistemi legali u li tista' tqajjem il-kwistjoni tal-proporzjonalità u l-inċertezzi dwar il-piena.
Brussell, 25 ta’ April 2012.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) It-terroriżmu, it-traffikar tal-persuni u l-esplojtazzjoni sesswali tan-nisa u t-tfal, it-traffiku illeċtu tad-drogi u tal-armi, il-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni, il-falsifikazzjoni tal-mezzi ta’ ħlas u l-kriminalità organizzata.