Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AR1529

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Governanza Aqwa tas-Suq Uniku”

ĠU C 62, 2.3.2013, p. 39–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/39


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Governanza Aqwa tas-Suq Uniku”

2013/C 62/08

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, is-Suq Uniku għandu jiġi ggwidat mil-leġislazzjoni tal-UE biss sal-punt li jkun tabilħaqq neċessarju. Jekk ma jiġix ikkunsidrat il-prinċipju tas-sussidjarjetà jistgħu jinħolqu l-problemi fil-fażi ta’ implimentazzjoni, u meta jasal dak l-istadju ma jkunx għad hemm lok għall-flessibbiltà fil-livell nazzjonali u b’hekk jiġi pperikolat l-iżvilupp ekonomiku.

Meta tkun qed titħejja l-leġislazzjoni, huwa importanti li jiġi kkunsidrat ir-rwol sinifikanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Il-prinċipju “aħseb l-ewwel fiż-żgħir”, b’mod partikolari, jenfasizza l-importanza tal-attività lokali u l-kundizzjonijiet ekonomiċi li jinħolqu għall-intrapriżi fil-livell lokali. Il-qafas jinħoloq fil-livell Ewropew imma l-fatturi li huma determinanti għall-prosperità u l-attività ekonomika tagħna jinbtu fil-livell lokali. Fl-iżvilupp tar-regoli għas-suq intern dan l-aspett għandu jitqies, għax huwa l-uniku mod kif nistgħu noħolqu rabta bejn l-ekonomija pan-Ewropea u d-dimensjoni lokali.

L-awtoritajiet lokali u reġjonali jimplimentaw proporzjon kbir ħafna tal-leġislazzjoni tas-Suq Uniku. Madankollu, biex jiġi evitat li l-problemi joħorġu fid-dieher meta jiġu implimentati dawn ir-regoli fil-prattika jeħtieġ li l-KtR u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkollhom rwol fl-iżvilupp tal-leġislazzjoni tal-UE.

Meta jkunu qed jiġu identifikati l-oqsma ewlenin, il-prijorità għandha tingħata lil dawk l-oqsma li jkunu f’qagħda li jinnovaw u joħolqu impjiegi ta’ kwalità. Il-prestazzjoni tas-suq uniku diġitali u tas-servizzi kollha kemm huma, huma prijoritajiet ewlenin u urġenti.

Relatur

Is-Sur MARKKULA (FI/PPE), Membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Espoo

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Governanza Aqwa tas-Suq Uniku

COM(2012) 259

Opinjoni tal-Kumitat ta-Reġjuni – Governanza Aqwa tas-Suq Uniku

I.   PUNTI ĠENERALI

1.

Is-suq uniku huwa xprun ewlieni tat-tkabbir ekonomiku Ewropew. Għal żewġ deċenji, il-moviment liberu tal-merkanzija, is-servizzi, il-kapital u l-ħaddiema kien l-ixprun għall-prosperità Ewropea u l-ekonomija tal-Ewropa. Madankollu, dawn il-libertajiet, kif ukoll l-iżvilupp tal-modi tal-governanza tagħhom, jipprovdu opportunità biex ikompli jitħaffef l-irkupru mill-kriżi ekonomika u biex jinħolqu l-kundizzjonijiet biex b’mod koeżiv tinkiseb ekonomija tas-suq soċjali fl-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, il-politika ta’ koeżjoni taqdi rwol komplementari fil-ksib ta’ suq uniku fir-reġjuni kollha tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari billi ssaħħaħ il-kompetittività tal-SMEs, tekoloġizza l-ekonomija, u billi tenfasizza l-għarfien u l-innovazzjoni, speċjalment fir-reġjuni bi żvantaġġi strutturali.

2.

Il-KtR jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fl-istess ħin l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jagħżlu l-għodod tagħhom stess biex jistimolaw l-ekonomija tagħhom, billi jikkunsidraw il-bżonnijiet u l-interessi konkreti tal-ekonomija nazzjonali tagħhom.

IL-KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

3.

Il-Komunikazzjoni tippreżenta l-pjan tal-Kummissjoni għall-iżvilupp tas-Suq Uniku u kif se jintlaħqu l-miri tal-istrateġija Ewropa 2020.

4.

Skont il-Komunikazzjoni d-defiċit medju għat-traspożizzjoni kien ta’ 1,2 % fi Frar ta’ din is-sena u l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tas-Suq Uniku qed iddum dejjem aktar. Barra minn hekk, ir-regoli mhux dejjem jaħdmu tajjeb fil-prattika, anke jekk ikunu ġew trasposti fil-livell nazzjonali.

5.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni titlob għal impenn imġedded biex is-Suq Uniku jsir effikaċi fir-rwol tiegħu għat-tkabbir. Il-proposta hija magħmula minn żewġ komponenti separati:

a.

pjan ta’ azzjoni sabiex iseħħ progress rapidu f’oqsma ewlenin li jkollhom l-akbar potenzjal ta’ tkabbir;

b.

miżuri prattiċi biex itejbu aktar il-mod li bih ir-regoli tas-Suq Uniku jiġu mfassla, implimentati, applikati u infurzati.

IL-FEHMIET TAL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

6.

It-tħassib tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp tas-Suq Uniku huwa ġġustifikat. Madankollu, filwaqt li l-Komunikazzjoni tressaq miżuri ġenerali, huwa biss f’oqsma speċifiċi jew f’ċerti Stati Membri li l-implimentazzjoni tar-regoli tista’ tkun partikolarment problematika.

7.

L-għan tal-Kummissjoni huwa li ttejjeb il-funzjonament tas-suq uniku abbażi tal-miżuri preżentati fil-Komunikazzjoni. Il-proposti tal-Kummissjoni huma mmirati lejn żewġ objettivi. Minn naħa, is-suq uniku jrid javvanza malajr fl-oqsma bl-ikbar potenzjal ta’ tkabbir, u min-naħa l-oħra, għandhom jittieħdu passi biex “iċ-ċiklu ta’ governanza” tas-suq intern isir iktar effettiv. Il-Kummissjoni beħsiebha tuża l-proċess tas-Semestru Ewropew biex timmonitorja l-progress. Il-Kumitat tar-Reġjuni jemmen li dawn huwa pjan ta’ azzjoni tajjeb.

8.

Il-Komunikazzjoni tiffoka b’mod partikolari fuq it-titjib tal-implimentazzjoni nazzjonali u t-tisħiħ tal-impenn tal-Istati Membri.

9.

Sa ċertu punt, ir-raġuni għalfejn l-implimentazzjoni qed timxi b’ritmu daqshekk bil-mod hija d-dgħufija tal-impenn politiku tal-Istati Membri biex jimplimentaw regoli individwali. L-unika soluzzjoni għal din il-problema hija li jiġi żgurat li jkun hemm ir-rieda u l-impenn fil-livell politiku. Id-differenza bejn il-kultura leġislattiva u dik amministrattiva għandha titqies sa mill-bidu nett tal-ħidma preparatorja dwar il-leġislazzjoni tas-Suq Uniku.

10.

Il-Kumitat tar-Reġjuni jaqbel mal-Kummissjoni li l-“goldplating” huwa problema serja li ħolqot piżijiet ġodda żejda u bla bżonn fuq in-negozji u ċ-ċittadini.

11.

F’xi aspetti l-proposti tal-Kummisjoni huma “ex post” u l-Komunikazzjoni ma tiġbidx biżżejjed attenzjoni għalfejn l-implimentazzjoni għaddejja b’ritmu bil-mod.

II.   ENFASI FUQ OQSMA LI GĦANDHOM L-AKBAR POTENZJAL TA’ TKABBIR

IL-KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

12.

Skont il-Komunikazzjoni, l-oqsma li għandhom l-akbar potenzjal ta’ tkabbir huma s-settur tas-servizzi (inklużi l-kummerċ bl-imnut u l-kummerċ bl-ingrossa, is-servizzi tan-negozji u tal-kostruzzjoni), is-servizzi finanzjarji, it-trasport, l-ekonomija diġitali u s-settur tal-enerġija.

13.

Sabiex jiġi żgurat li r-regoli tas-Suq Uniku tal-UE jiġu implimentati b’mod effikaċi, qed jiġi propost li l-Istati Membri jieħdu impenn ikbar biex jimplimentawhom u biex jikkooperaw mal-Kummissjoni fil-fażi ta’ implimentazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jimpenjaw lilhom infushom għall-prinċipju ta’ “tolleranza żero” fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-direttivi, jiġifieri d-defiċit tat-traspożizzjoni u d-defiċit tal-konformità jridu jkunu 0 %;

L-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni, b’mod informali, aspetti speċifiċi tal-miżuri li għandhom jittieħdu, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tagħti għajnuna effettiva waqt il-perjodu ta’ traspożizzjoni.

14.

Il-prijoritajiet tal-Kummissjoni jiffokaw fuq it-traspożizzjoni tar-regoli tal-UE u l-implimentazzjoni effettiva tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport annwali dwar l-integrazzjoni tas-Suq Uniku biex timmonitorja l-mod li bih is-Suq Uniku jiffunzjona fil-prattika u biex tidentifika azzjonijiet ġodda, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dak nazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tieħu passi biex tgħin tiżgura li l-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE fl-oqsma ewlenin tkun f’waqtha, korretta u effiċjenti.

IL-FEHMIET TAL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

15.

L-għan ewlieni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni huwa li s-suq uniku jibda jaħdem aħjar. L-għażla tal-oqsma ewlenin hija l-aħjar pjan ta’ azzjoni. Sabiex jiġi żviluppat Suq Uniku Ewropew, huwa essenzjali li jiġu identifikati liema miżuri jistgħu jkunu l-iżjed effettivi.

16.

Il-klima ekonomika attwali, l-istatus tas-servizzi finanzjarji, bħala wieħed mill-oqsma bl-ikbar potenzjal ta’ tkabbir, huwa importanti iżda fl-istess ħin huwa problematiku.

17.

Meta jkunu qed jiġu identifikati l-oqsma ewlenin, il-prijorità għandha tingħata lil dawk l-oqsma li jkunu f’qagħda li jinnovaw u joħolqu impjiegi ta’ kwalità. L-għażla tal-oqsma ewlenin kienet pożittiva għall-gvern lokali. Il-prestazzjoni tas-suq uniku diġitali u tas-servizzi kollha kemm huma, huma prijoritajiet ewlenin u urġenti.

18.

L-Istati Membri għad għandhom ħafna x’jagħmlu biex jiffaċilitaw l-attivitajiet tas-suq diġitali. L-awtoritajiet lokali jistgħu jaqdu rwol hawnhekk, pereżempju permezz tal-akkwist pubbliku. It-twettiq tal-akkwist pubbliku b’mezzi elettroniċi u bl-użu sħiħ tal-fatturar elettroniku jagħti kontribut sinifikanti għall-iżvilupp tas-suq diġitali. L-ostakli u l-isfidi involuti fl-implimentazzjoni tal-kummerċ elettroniku fis-settur pubbliku jmorru lil hinn mill-funzjonijiet tekniċi. L-appoġġ mill-maniġment superjuri, l-aġġustament tal-organizzazzjoni u t-taħriġ tal-persunal ilkoll huma fatturi kruċjali għas-suċċess tas-suq diġitali fil-livell lokali u reġjonali u l-akkwist pubbliku elettroniku assoċjat miegħu.

19.

It-twettiq tal-akkwist pubbliku b’mezzi elettroniċi ser jeħtieġ għadd ta’ miżuri fil-livell nazzjonali u lokali. Madankollu, fil-livell Ewropew għandhom jittieħdu miżuri biex tiġi ffaċilitata l-bidla għall-ambjent elettroniku. Il-prattiki tajbin għandhom jinxterdu b’mod iktar effettiv anke fil-livell Ewropew.

20.

L-awtoritajiet nazzjonali huma responsabbli għat-tħejjija tal-leġislazzjoni nazzjonali, u dawn huma meħtieġa jimplimentaw il-leġislazzjoni tal-UE b’mod korrett u adatt mil-lat nazzjonali.

21.

Jilqa’ l-fatt li d-Direttiva dwar il-Ħlas Tardiv hija inkluża fil-lista ta’ atti leġislattivi prinċipali li l-implimentazzjoni tagħhom ser tiġi mmonitorjata mill-qrib. Il-ħlas tardiv mill-awtoritajiet pubbliċi hija problema kbira għall-kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju, u dan għandu jiġi indirizzat b’mod urġenti.

22.

Il-proposti ta’ monitoraġġ tal-implimentazzjoni fl-Istati Membri għandhom jintlaqgħu b’mod pożittiv. Il-pubblikazzjoni ta’ rapport annwali se tagħti lill-Istati Membri l-opportunità jqabblu s-sitwazzjoni tagħhom ma’ dik ta’ Stati Membri oħra. Abbażi tar-rapport annwali u l-analiżi, il-Kummissjoni se tidentifika l-isfidi prinċipali ta’ politika u l-passi li għandhom jittieħdu tul is-sena li ġejja kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dak nazzjonali. Ir-rapport annwali għandu jressaq rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, li se jkunu bbażati fuq analiżi aktar profonda tal-prestazzjoni f’kull Stat Membru, fil-kuntest tal-proċess tas-Semestru Ewropew.

III.   IT-TFASSIL, L-IMPLIMENTAZZJONI, L-APPLIKAZZJONI U L-INFURZAR TAR-REGOLI TAS-SUQ UNIKU

IL-KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

23.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tenfasizza li, meta jitħejjew ir-regoli tas-Suq Uniku, l-UE għandha tiżgura li:

ir-regolament ikun faċli li jinftiehem, ċar u mhux ambigwu;

il-piż amministrattiv fuq in-negozji, iċ-ċittadini u l-amministrazzjoni ma jkunx kbir mingħajr bżonn;

il-proċeduri amministrattivi neċessarji (awtorizzazzjonijiet, eċċ.) ikunu jistgħu jsiru b’mezzi elettroniċi;

l-informazzjoni tkun disponibbli u n-negozji u ċ-ċittadini jkollhom aċċess għal rikors legali effettiv.

24.

Sabiex tiġi żgurata l-konformità ma’ dawn il-prinċipji, il-partijiet interessati għandhom ikunu kkonsultati qabel it-tfassil tal-leġislazzjoni proposta.

25.

Il-Kummissjoni tipproponi li, fejn ikun adatt, għandhom jintużaw regolamenti minflok direttivi, b’mod partikolari meta ma jkunx hemm ħtieġa għal aktar diskrezzjoni waqt l-implimentazzjoni tar-regoli proposti mill-UE.

IL-FEHMIET TAL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

26.

Il-Kumitat jaqbel bis-sħiħ mal-objettivi ta’ kwalità għal-leġislazzjoni. Huwa objettiv importanti fil-livell tal-UE u għal-leġislaturi nazzjonali li l-leġislazzjoni tkun ċara u faċli li tinftiehem.

27.

Iqis li s-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern hija għodda essenzjali u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jeħtieġu aċċess sħiħ għas-sistema. Huwa jqis ukoll li għandu jkun hemm taħriġ disponibbli għall-persunal tal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex ikunu jistgħu jużaw is-sistema b’mod effiċjenti.

28.

Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, is-Suq Uniku għandu jiġi ggwidat mil-leġislazzjoni tal-UE biss sal-punt li jkun tabilħaqq neċessarju. Jekk ma jiġix ikkunsidrat il-prinċipju tas-sussidjarjetà jistgħu jinħolqu l-problemi fil-fażi ta’ implimentazzjoni, u meta jasal dak l-istadju ma jkunx għad hemm lok għall-flessibbiltà fil-livell nazzjonali u b’hekk jiġi pperikolat l-iżvilupp ekonomiku.

29.

Jenfasizza kemm huma utli ċ-ċentri SOLVIT għaċ-ċittadini u n-negozji żgħar, speċjalment fir-reġjuni konfinali, u jappella li l-Kummissjoni tippromovi aktar il-ħidma tagħhom u li l-Istati Membri kollha jipprovdulhom persunal u riżorsi adegwati.

30.

Jinnota li l-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar mhix magħrufa biżżejjed mill-qrati kompetenti u għadha tintuża rarament; problema partikolari għaċ-ċittadini li jagħmlu użu minn din il-proċedura hija l-infurzar sussegwenti tas-sentenza fi Stat Membru ieħor.

31.

Il-kwalità fqira ta’ ċertu regolazzjoni qed iddgħajjef il-leġittimità reali tal-UE f’għajnejn il-pubbliku u n-negozji. Pereżempju, il-leġislazzjoni dwar l-akkwist pubbliku fil-prattika xekklet il-kapaċità tal-Istati Membri u tal-gvern lokali li jiddeċiedu kif għandhom jorganizzaw l-attivitajiet tagħhom stess. Ir-regoli tas-Suq Uniku u l-biża’ li dawn jinkisru qed imexxu l-organizzazzjoni tas-servizzi f’direzzjoni li mhux dejjem tkun adatta mil-lat operattiv.

IL-KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

32.

Il-Kummissjoni tiddikjara li għandu jsir użu aktar intelliġenti mill-IT biex in-negozji u ċ-ċittadini jiġu informati. Il-Kummissjoni tenfasizza li l-Istati Membri għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex jipprovdu informazzjoni faċli għall-utent dwar attivitajiet tas-Suq Uniku.

33.

Għandu jkun possibbli li jittieħdu miżuri amministrattivi b’mezzi elettroniċi, b’mod speċjali meta l-azzjonijiet isiru fi Stat Membru ieħor. Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet għandha tkun iffaċilitata permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern.

34.

Sabiex jiġu solvuti l-problemi li jiltaqgħu magħhom in-negozji u ċ-ċittadini, il-Komunikazzjoni tipproponi li għandu jkun hemm servizz ta’ għajnuna uniku li jkun aċċessibbli faċilment, fil-livell nazzjonali li jistgħu jirrikorru għalih.

35.

L-Istati Membri għandhom jimpenjaw lilhom infushom biex jiżguraw rikorsi legali rapidi u effikaċi.

36.

Skont il-Komunikazzjoni, għandu jkun hemm korp wieħed biss li jieħu ħsieb jissorvelja u jimmonitorja s-Suq Uniku fil-livell nazzjonali. Il-Komunikazzjoni tirrakkomanda li jiġu introdotti “ċentri tas-Suq Uniku” fl-Istati Membri u beħsiebha tistabbilixxi netwerk Ewropew ta’ ċentri tas-Suq Uniku.

IL-FEHMIET TAL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

37.

M’hemmx għalfejn ngħidu li l-identifikazzjoni u t-tixrid tal-aħjar prattika għandhom jintlaqgħu b’mod pożittiv. Dan għandu dejjem jagħmel parti mill-attivitajiet ta’ żvilupp normali tal-Kummissjoni.

38.

L-iżvilupp tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fuq il-linji proposti mill-Kummissjoni għandu jintlaqa’ b’mod pożittiv ukoll. Pereżempju, it-twaqqif ta’ ċentri tas-Suq Uniku jista’ jiġi ġġustifikat fuq il-bażi li jgħin jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-Kummissjoni. Il-kompiti taċ-ċentri tas-Suq Uniku jridu jkunu kompatibbli ma’ aspetti oħrajn tal-amministrazzjoni tal-Istati Membri.

39.

Meta tkun qed titħejja l-leġislazzjoni, huwa importanti li jiġi kkunsidrat ir-rwol sinifikanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Il-prinċipju “aħseb l-ewwel fiż-żgħir”, b’mod partikolari, jenfasizza l-importanza tal-attività lokali u l-kundizzjonijiet ekonomiċi li jinħolqu għall-intrapriżi fil-livell lokali. Il-qafas jinħoloq fil-livell Ewropew imma l-fatturi li huma determinanti għall-prosperità u l-attività ekonomika tagħna jinbtu fil-livell lokali. Fl-iżvilupp tar-regoli għas-suq intern dan l-aspett għandu jitqies, għax huwa l-uniku mod kif nistgħu noħolqu rabta bejn l-ekonomija pan-Ewropea u d-dimensjoni lokali.

40.

L-awtoritajiet lokali u reġjonali jimplimentaw proporzjon kbir ħafna tal-leġislazzjoni tas-Suq Uniku. Madankollu, biex jiġi evitat li l-problemi joħorġu fid-dieher meta jiġu implimentati dawn ir-regoli fil-prattika jeħtieġ li l-KtR u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkollhom rwol fl-iżvilupp tal-leġislazzjoni tal-UE.

41.

L-innovazzjonijiet jinbtu fil-livell lokali. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jaqdu rwol ewlieni fl-appoġġ u t-tmexxija tal-innovazzjonijiet. Sabiex jiġi żviluppat s-Suq Uniku Ewropew, għandu jinħoloq mudell fejn kemm l-atturi lokali u kemm l-atturi Ewropej ikollhom ir-rwoli proprji naturali tagħhom x’jaqdu. Pereżempju, il-Kummissjoni tista’ tippromovi approċċ fejn l-isforzi konġunti tad-diversi direttorati ġenerali jkunu intiżi biex jiżviluppaw l-oqsma bl-ikbar potenzjal ta’ tkabbir, filwaqt li l-livell lokali jesperimenta bl-aħjar prattiki.

42.

Madankollu, l-anqas l-aħjar prattiki ma jistgħu jinxterdu mingħajr netwerk Ewropew. Il-Kummissjoni tinsab fl-aħjar pożizzjoni biex tistabbilixxi netwerks bħal dawn. Fl-oqsma ta’ politika u r-reġjuni bl-ikbar potenzjal ta’ innovazzjoni, il-proġetti pijunieri ffinanzjati mill-UE għandhom jitnedew għal dik ir-riċerka li tipprovdi appoġġ effettiv għall-innovazzjoni kif ukoll għat-tagħlim. Bl-appoġġ tal-Kummissjoni, kull attur lokali għandu jkollu aċċess għall-prattiki żviluppati fuq din il-bażi.

IV.   MIŻURI TA’ SEGWITU OĦRAJN MEĦTIEĠA

43.

Il-Kummissjoni Ewropea lestiet il-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Att dwar is-Suq Uniku II (COM(2012) 573 final). Skont din il-Komunikazzjoni, l-involviment konġunt tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-UE, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u ħafna partijiet interessati wassal għal viżjoni politika b’appoġġ mifrux biex is-suq uniku jkompli jiġi żviluppat u wassal ukoll biex l-attenzjoni politika tiġi ffokata. Il-KtR jaqbel mal-Kummissjoni li, fid-dawl tal-isfidi li nħolqu mill-kriżi ekonomika, il-miżuri ta’ segwitu jridu jissaħħu.

44.

Il-muturi għal tkabbir ġdid imressqa f’din il-Komunikazzjoni huma:

1.

l-iżvilupp ta’ netwerks integrati b’mod sħiħ fis-Suq Uniku;

2.

it-trawwim tal-mobbiltà transfruntiera taċ-ċittadini u n-negozji;

3.

l-appoġġ għall-ekonomija diġitali fl-Ewropa;

4.

it-tisħiħ tal-imprenditorjat soċjali, il-koeżjoni u l-kunfidenza tal-konsumatur.

45.

In-netwerks huma s-sinsla tal-modernizzazzjoni ekonomika. Wieħed mill-għanijiet importanti huwa li jintlaħaq suq uniku fejn iċ-ċittadini u l-intrapriżi jkunu jistgħu jibbenefikaw minn suq uniku wieħed tat-trasport u l-enerġija. Mingħajr l-ebda dubju s-settur diġitali huwa xprun ewlieni kemm għall-produttività kif ukoll għall-kreattività. L-intraprenditorija soċjali tfisser li jittieħdu passi attivi biex is-settur pubbliku u dak terzjarju jiġu involuti kif ukoll li l-attivitajiet f’diversi sħubijiet jiżdiedu b’pass imħaffef. Il-KtR jistenna miżuri prattiċi sabiex l-istennijiet assoċjati ma’ dawk l-għanijiet ikunu jistgħu jintlaħqu mingħajr dewmien.

46.

Barra mill-punti msemmija hawn fuq, hemm għadd ta’ kwistjonijiet u mistoqsijiet relatati mal-funzjonament tas-Suq Uniku li għandhom jiġu diskussi fil-livell politiku. Fid-dawl tal-esperjenzi tal-kriżi finanzjarja, dawn il-kwistjonijiet iridu jiġu solvuti u għalkemm ħafna minnhom diġà ġew identifikati fl-Istrateġija Ewropa 2020 u fl-inizjattivi ewlenin, is-soluzzjonijiet għad iridu jinstabu. Il-miżuri meħtieġa ġew diskussi wkoll f’għadd ta’ Opinjonijiet tal-KtR, u l-KtR jixtieq jenfasizza b’mod partikolari l-miżuri stabbiliti hawn isfel.

47.

Il-KtR jipproponi (CdR 330/2010) li “jiġu stabbiliti patti territorjali fejn, permezz ta’ approċċ reġjonali flessibbli, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiffukaw l-attivitajiet u l-fondi tagħhom fuq l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin. Hemm bżonn ta’ enfasi partikolari fuq proġetti li jippromovu l-innovazzjonijiet soċjali fir-reġjun ikkonċernat u li jkollhom l-akbar impatt possibbli fuq is-soċjetà.” Fost l-affarijiet ta’ importanza partikolari nsibu l-miżuri għall-oqsma ewlenin speċifikati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, pereżempju li jsir użu sħiħ mill-possibbiltajiet diġitali fil-modernizzazzjoni tal-proċessi u l-istrutturi tas-servizzi.

48.

Il-KtR jirrakkomanda li (CdR 330/2010) “fil-kuntest tal-Att dwar is-Suq Uniku, il-Kummissjoni għandha timplimenta l-iżviluppi kollha tat-Trattat ta’ Lisbona li jistgħu jerġgħu jsawru l-fiduċja taċ-ċittadini tal-UE fis-suq uniku, b’mod partikolari l-Artikolu 3 tat-TUE li jistabbilixxi objettivi soċjali ġodda għall-Unjoni fir-rigward tal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, il-promozzjoni tal-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal.” F’dan il-każ ukoll il-kwistjoni hija kif għandhom jinħolqu innovazzjonijiet soċjetali ġodda sabiex l-Ewropa tkun tista’ tiżviluppa proġetti pijunieri, b’innovazzjonijiet f’ċerti oqsma u kooperazzjoni bejn oqsma li jipprovdu soluzzjonijiet essenzjali għal użu universali.

Brussell, 31 ta’ Jannar 2013.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


Top
  翻译: