This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013AE0144
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Proposal for a decision derogating temporarily from Directive 2003/87/EC of the European Parliament and of the Council establishing a scheme for greenhouse gas emission allowance trading within the Community’ COM(2012) 697 final — 2012/328 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal deroga temporanja mid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità” COM(2012) 697 final — 2012/328 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal deroga temporanja mid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità” COM(2012) 697 final — 2012/328 (COD)
ĠU C 133, 9.5.2013, p. 30–32
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
9.5.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 133/30 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal deroga temporanja mid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità”
COM(2012) 697 final — 2012/328 (COD)
2013/C 133/06
Relatur: is-Sur PEZZINI
Nhar il-5 ta’ Diċembru 2012, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal deroga temporanja mid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità
COM (2012) 697 final – 2012/328 (COD)
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-29 ta’ Jannar 2013.
Matul l-487 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 u l-14 ta’ Frar 2013 (seduta tat-13 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’136 vot favur, u 3 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-Kumitat isostni b’konvinzjoni, kif diġà qal f’opinjonijiet oħra, li huwa ta’ importanza fundamentali għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima dinjija u għall-kompetittività tal-qasam tal-avjazzjoni, li tinstab soluzzjoni globali li taħdem għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet, flimkien ma’ Ajru Uniku Ewropew, kif ukoll sensiela ta’ regoli koerenti ma’ dawn l-objettivi. |
1.2 |
Għaldaqstant, il-Kumitat jaqbel mal-inizjattiva, li tipprevedi moratorju fuq l-applikazzjoni tas-sistema ETS fil-kumpaniji tal-avjazzjoni, kemm fid-dħul u fil-ħruġ miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), sakemm jintemmu n-negozjati globali. |
1.3 |
Madankollu, il-KESE jemmen li huwa importanti li r-reġjuni kollha tad-dinja jaqblu li jillimitaw l-emissjonijiet tas-CO2 fit-titjiriet interreġjonali. |
1.4 |
Il-Kumitat jenfasizza r-riskji għall-kompetittività tat-trasport Ewropew. Matul dan il-moratorju, previst għall-Ajru Uniku Ewropew, il-passiġġieri tat-titjiriet intrakomunitarji ser jiġu intaxxati, filwaqt li l-bqija tal-passiġġieri ma jkunux. |
1.5 |
Għaldaqstant, il-Kumitat jitlob li l-Kunsill u l-Parlament, appoġġjati mill-Kummissjoni, jimbuttaw b’mod qawwi għal soluzzjoni li tinstab malajr, imsejsa fuq approċċ globali, jiġu evitati pieni inġusti u distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, b’telfien tal-iżvilupp kompetittiv u tal-impjiegi, f’kuntrast ċar mal-istrateġija, li qabel magħha kulħadd, tal-Ewropa 2020. |
2. Introduzzjoni
2.1 |
Id-Direttiva Ewropea 2008/101/KE, li tinkludi anke l-qasam tal-avjazzjoni, inklużi l-vetturi tal-pajjiżi barra mill-UE, fl-iskema Ewropea għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra (ETS), mill-bidu tal-2012 ġiet ġudikata leġittima minn sentenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, wara li nfetħet kawża minn xi kumpaniji tal-ajru mill-Amerika ta’ Fuq, li qiesu li l-istandards Ewropej jiksru diversi ftehimiet internazzjonali (1). |
2.2 |
Skont il-Qorti l-applikazzjoni tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mill-avjazzjoni ma tiksirx la l-prinċipji tal-liġi internazzjonali komuni u lanqas il-Ftehim dwar Sema Miftuħ (Open Skies Agreement). Il-liġi Ewropea, għalhekk, tirrispetta l-objettivi tal-Protokoll ta’ Kjoto, li jipprevedi ftehim dwar il-gassijiet b’effett ta’ serra tal-ajruplani, fi ħdan l-organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, l-ICAO (International Civil Aviation Organization). |
2.3 |
Bħala tweġiba għall-progress fin-negozjati internazzjonali, u sabiex tinħoloq atmosfera pożittiva madwarhom, il-Kummissjoni beħsieba, temporanjament, tħalli eżenti mill-ETS it-titjiriet mhux Ewropej. |
2.4 |
Attwalment l-ETS tipprevedi li anke l-kumpaniji soġġetti għall-obbligu ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet jiġu pprovduti bi krediti ekwivalenti għat-tunnellati ta’ CO2 li jistgħu jemettu, b’allokazzjoni li tonqos minn sena għal sena. Għal dawk il-kumpaniji li jkun irnexxielhom inaqqsu iktar mill-obbligu se jiġu pprovduti diversi krediti li jkunu jistgħu jbigħu mill-ġdid lil dawk il-kumpaniji f’qagħda inqas tajba u li għandhom bżonnijiet ikbar. Id-Direttiva dwar l-ETS kienet ġiet estiża, mill-2012, anke għall-qasam tal-avjazzjoni, u għat-titjiriet kollha li jaslu u jitilqu minn ajruport Ewropew, bl-obbligu ta’ kontabilità tal-emissjonijiet u ta’ parteċipazzjoni fil-mekkaniżmu tal-ETS, bi skadenza f’April 2013 għall-ewwel restituzzjoni tal-kwoti. |
2.5 |
Sabiex tiġi faċilitata l-konklużjoni ta’ ftehim globali, fis-sede tal-IACO, kienet meħtieġa deroga temporanja tad-direttiva komunitarja dwar l-ETS, sabiex jiġi garantit li ma ssirx azzjoni kontra l-operaturi tal-avjazzjoni li ma rrispettawx l-obbligi ta’ rappurtaġġ u ta’ konformità tad-direttiva li ħarġu qabel l-1 ta’ Jannar 2014, fir-rigward tat-titjiriet li jaslu u jitilqu mill-UE, għal attivitajiet b’destinazzjoni jew tluq minn ajruporti barra mill-UE. |
2.6 |
Iżda t-triq proposta tista’ tnaqqas il-kompetittività tat-trasport bl-ajru Ewropew, meta mqabbel ma’ dak internazzjonali, preċiżament fi żmien ta’ riċessjoni tal-ekonomija: l-“iffriżar” għal sena tal-iskema ETS, fl-istennija ta’ regolamentazzjoni internazzjonali dwar l-emissjonijiet prodotti mit-trasport bl-ajru (Market Based Mechanism – MBM – fuq livell dinji), ma jittrattax it-trasport bl-ajru intra-Ewropew. |
2.7 |
Fil-fatt, sabiex jiġu evitati dawn il-penalizzazzjonijiet kif ukoll id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, il-Kumitat jaħseb li din id-deroga tkun strettament temporanja u li tapplika biss għall-operaturi fil-qasam tal-avjazzjoni li ma ngħatawx jew li rritornaw il-kwoti kollha li kellhom dritt għalihom, fir-rigward tal-attivitajiet tagħhom, fl-2012. Għall-istess raġuni dawn il-kwoti m’għandhomx jiġu meqjusa fil-kalkolu tad-drittijiet relattivi. |
3. Il-proposta tal-Kummissjoni
3.1 |
Il-proposta għal deċiżjoni għandha l-għan li:
|
3.2 |
Barra minn hekk, il-proposta għandha l-għan li tevita distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, bl-applikazzjoni ta’ din id-deroga biss għall-operaturi tal-avjazzjoni li ma ngħatawx jew li ma taw lura l-kwoti kollha mingħajr ħlas, relatati ma’ dawn l-attivitajiet, fl-2012. |
4. Kummenti
4.1 |
Il-Kumitat diġà qal fl-Opinjoni preċedenti tiegħu li huma ta’ importanza fundamentali għall-qasam tal-avjazzjoni Ewropew:
“Il-ħolqien ta’ Ajru Uniku Ewropew huwa essenzjali wkoll sabiex tkun żgurata l-kompetittività tal-industrija tal-avjazzjoni tal-UE fis-suq globali” (2), meta wieħed iqis li l-qasam tal-avjazzjoni jirrappreżenta komponent ekonomiku mdaqqas tal-ekonomija Ewropea, b’748 miljun passiġġier fis-sena, b’iktar minn 11-il miljun tunnellata ta’ merkanzija ttrasportat, b’kontribut għall-PDG ta’ EUR 359 biljun u b’iktar minn 5 miljun ruħ impjegat fis-settur. |
4.2 |
Għaldaqstant il-Kumitat jaqbel mad-deċiżjoni li jiġi applikat moratorju fuq it-twettiq tal-iskema ETS għall-kumpaniji tal-ajru huma u jidħlu u joħorġu miż-ŻEE sakemm jiġu konklużi n-negozjati globali; iżda jemmen li r-reġjuni kollha tad-dinja għandhom jaqblu li jimplimentaw l-iskema ETS anke għat-titjiriet interreġjonali tagħhom. |
4.3 |
Il-Kumitat jenfasizza r-riskji li jistgħu jinħolqu għall-kompetittività tat-trasport Ewropew. Fil-perjodu li fih se jkun fis-seħħ il-moratorju fuq l-iskema ETS, il-passiġġieri tat-titjiriet interkomunitarji se jiġu intaxxati skont l-esiġenzi ambjentali ġusti, filwaqt li l-passiġġieri tal-pajjiżi l-oħra ma jkunux. |
4.4 |
Fid-dawl tal-punti msemmija hawn fuq, il-Kumitat jitlob biex tinstab soluzzjoni malajr kemm jista’ jkun, abbażi ta’ approċċ globali, u billi jiġu evitati pieni mhux ġusti u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni: fil-każ ta’ nuqqas ta’ soluzzjoni globali dwar l-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet, dan ċertament ixekkel is-suq Ewropew, li jibqa’ l-uniku soġġett għal dan it-tip ta’ regolamentazzjoni. |
Brussell, 13 ta’ Frar 2013.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) Qorti tal-Ġustizzja tal-UE – Każ C-366/10 - Air Transport Association of America e a./Secretary of State for Energy and Climate Change - il-Lussemburgu, 21 ta’ Diċembru 2011.
(2) CESE 1391-2011, ĠU C 376, 22.12.2011, p. 38.