Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE4122

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima” COM(2013) 216 final

ĠU C 67, 6.3.2014, p. 160–165 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/160


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima”

COM(2013) 216 final

2014/C 67/33

Relatur: is-Sinjura CAÑO AGUILAR

Nhar is-16 ta’ April 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima

COM(2013) 216 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-1 ta' Ottubru 2013.

Matul l-493 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Ottubru 2013 (seduta tas-16 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’134 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jappoġġja l-istrateġija dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima proposta mill-Kummissjoni, u fl-istess ħin jisħaq fuq in-natura prijoritarja u fundamentali tal-politiki ta' mitigazzjoni qabel ma jiġu indirizzati l-effetti negattivi li seħħew diġà fl-Ewropa.

1.2

Fl-implimentazzjoni tal-pjan il-ġdid ta' adattament, irid jitqies il-fatt li minħabba ż-żieda fit-temperatura fl-Ewropa u l-possibbiltà tal-aċċellerazzjoni tal-fenomeni estremi, il-ħsarat għan-nies, għall-ekonomija u għall-ambjent jistgħu jkunu ikbar milli kien previst fil-bidu.

1.3

L-istrateġija ta' adattament għandu jkollha miżuri speċifiċi għaż-żoni urbani – fejn jgħixu tliet kwarti tal-popolazzjoni Ewropea – u għaż-żoni rurali li huma partikolarment sensibbli għall-varjazzjonijiet fil-klima.

1.4

Peress li l-azzjoni mill-Istati Membri hija kruċjali, irid jiġi nnutat li mill-pubblikazzjoni tal-White Paper fl-2009, f'ċerti oqsma ma sarx biżżejjed progress. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tqis il-ħtieġa li tassumi rwol aktar attiv, billi tapplika l-kompetenzi li jingħatawlha mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

1.5

Il-KESE jqis li hu importanti ħafna li fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss, 20 % tat-total tal-baġit jiġi allokat għal miżuri marbutin mal-klima. Is-somma ta' EUR 192 biljun għal dan il-għan tirrappreżenta żieda kbira.

1.6

Kemm l-istrateġija ġdida għall-adattament, kif ukoll il-QFP jirrappreżentaw progress sinifikanti fl-integrazzjoni tal-politiki differenti u l-istrumenti finanzjarji tal-Unjoni.

1.7

Il-proposta tal-Kummissjoni għandha tippreżenta perspettiva finanzjarja aktar miftuħa, li tinkludi wkoll il-kontributi essenzjali li jridu jagħmlu l-Istati Membri, is-settur kummerċjali u l-familji.

1.8

Il-Kumitat jappella lill-Istati Membri biex, jekk għadhom m'għamlux dan, jaġixxu fis biex ifasslu u jwettqu bir-reqqa l-istrateġiji nazzjonali ta' adattament.

1.9

Permezz tal-osservazzjonijiet li jippreżenta f'din l-Opinjoni, b'mod ġenerali l-KESE jgħid li jaqbel mal-miżuri proposti mill-Kummissjoni.

1.10

Il-KESE jissuġġerixxi li jiġu studjati speċifikament il-bidliet strutturali li ser teħtieġ l-istrateġija għall-adattament f'ċerti politiki u fil-produzzjoni ta' prodotti u servizzi, billi jitqiesu, fost affarijiet oħrajn, l-impatt fuq l-impjieg, l-industrija, il-qasam tal-bini u r-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni (RŻI).

2.   Il-Komunikazzjoni fi ftit kliem

2.1

Il-White Paper dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima tal-2009 (1) ipproponiet qafas ta' implimentazzjoni f'żewġ fażijiet, fejn l-ewwel waħda (2009-2012) ikkonsistiet fi strateġija għall-adattament imsejsa fuq 33 miżura.

2.2

Il-Komunikazzjoni li qed tiġi analizzata tirreferi għat-tieni fażi, iffukata fuq tliet għanijiet:

il-promozzjoni tal-azzjoni min-naħa tal-Istati Membri

it-teħid ta' deċiżjonijiet abbażi ta' iktar informazzjoni, u

l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet tal-UE sabiex jitnaqqas l-impatt tat-tibdil fil-klima billi nippromovu l-adattament f'setturi ewlenin vulnerabbli.

Fid-dawl ta' dawn l-għanijiet, qed jiġu proposti tmien linji ta' azzjoni.

2.3

Għall-Kummissjoni, bil-prijoritizzazzjoni ta' approċċi koerenti, flessibbli u parteċipatorji, ikun irħas li jitwettqu l-azzjonijiet ippjanati minn qabel għall-adattament milli li npattu talli ma nkunux addattajna ruħna. Skont diversi stimi, bit-tendenza attwali, it-tibdil fil-klima ser jikkawża spejjeż ekonomiċi kbar għall-UE jekk ma jiġux adottati miżuri adegwati, speċjalment fl-agħar xenarji (2).

2.4

Il-miżuri għall-adattament iridu jittieħdu kemm fil-livelli lokali u reġjonali, kif ukoll f'dak nazzjonali.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jappoġġja l-istrateġija għall-adattament għat-tibdil fil-klima proposta mill-Kummissjoni u jaqbel mal-istqarrija tagħha li l-inċertezza ma tistax tkun l-iskuża biex ma tittiħidx azzjoni. Fl-istess ħin, jisħaq fuq in-natura prijoritarja u fundamentali tal-politiki ta' mitigazzjoni, peress li d-data disponibbli hija biżżejjed biex turi l-effetti negattivi li seħħew diġà fl-Ewropa u huwa mbassar li dan ser jiggrava fil-futur.

3.2

Lejn nofs is-snin 90, l-UE bdiet kampanja biex tillimita t-tisħin globali għal 2 °C 'il fuq mil-livell ta' qabel l-era industrijali, limitu li finalment kien ġie stabbilit fil-Konferenza ta' Cancún (2010). Biex jintlaħaq dan il-livell irid ikun hemm tnaqqis sostanzjali tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, iżda x-xejra f'dan il-qasam sejra fid-direzzjoni opposta. Fl-implimentazzjoni tal-pjan il-ġdid ta' adattament, għandu jitqies li ż-żieda fit-temperatura fl-Ewropa qed isseħħ aktar malajr mill-medja tal-bqija tad-dinja, li jfisser li hemm ċans li jiżdied il-pass tal-fenomeni estremi, bi ħsarat għall-persuni, l-ekonomija u l-ambjent li jkunu ogħla minn dawk imbassra fil-bidu.

3.3

Il-KESE jinnota li fiż-żoni urbani – fejn jgħixu tliet kwarti tan-nies fl-Ewropa – is-sostituzzjoni tal-veġetazzjoni naturali b'bini u kostruzzjoni ta' kull tip iżżid il-ħsarat ikkawżati minn ċerti fenomeni naturali. L-effetti tas-sħana u tal-għargħar, fost affarijiet oħra, ser jaffettwaw lill-familji – speċjalment lill-persuni vulnerabbli (tfal, persuni ta' età avvanzata) – lill-ħajja ekonomika, it-turiżmu u l-infrastrutturi, b'effetti negattivi fuq l-impjieg u l-livell tal-għajxien tal-popolazzjoni. Min-naħa tagħhom, iż-żoni rurali huma partikolarment sensittivi għall-varjabbiltà tal-klima minħabba l-impatt fuq il-biedja, it-trobbija tal-annimali u l-użu tal-foresti, bir-riskju ta' deforestazzjoni u żieda fil-faqar.

3.4

Fattur importanti fl-adattament għat-tibdil fil-klima huwa li l-varjabbiltà tal-indikaturi klimatiċi tinbidel kemm biż-żmien kif ukoll skont il-mikroreġjuni. Din hija kwistjoni marbuta b'mod speċjali mat-temperaturi, is-silġ u x-xita, ir-riħ u l-umdità. L-istandards tal-ippjanar urban u tal-bini jridu jadattaw għaċ-ċifri massimi u minimi futuri. Il-foresti, pereżempju, ser ikollhom ikunu reżistenti biżżejjed biex jiffaċċjaw l-aktar uragan qawwi taċ-ċiklu ta' ħajjithom, li normalment ikun ta' mitt sena.

3.5

Ovvjament, l-adattament għat-tibdil fil-klima jimplika l-ispejjeż, u dawn ser jieħdu s-sura ta' dejn impliċitu skont id-definizzjoni tal-prinċipji bażiċi li fuqhom huwa bbażat il-metodu tal-kalkolu tad-dejn pubbliku. F'każ li jseħħ defiċit addizzjonali ta' dan it-tip fil-finanzi pubbliċi, id-dejn impliċitu jsir espliċitu. Madankollu, jistgħu jiġu evitati ħsarat sostanzjali, pereżempju billi jittieħdu miżuri għall-ħarsien mill-għargħar. Ir-riżultati tal-investimenti fl-adattament ser ikunu differenti ħafna skont is-sors ta' finanzjament: jekk huwiex mill-UE, nazzjonali, kummerċjali jew familjari. Il-proposta tal-Kummissjoni tagħti dettalji limitati dwar is-sorsi tal-Unjoni. Madankollu ser ikun hemm bżonn ta' dawn is-sorsi kollha u li jsir użu minnhom bi strutturi u f'volumi li jkunu effikaċi.

3.6

S'issa hemm 15-il Stat Membru tal-UE li adottaw strateġiji nazzjonali għall-adattament, iżda tlettax biss għandhom pjani ta' implimentazzjoni speċifiċi. Erba' snin wara l-White Paper u minkejja l-urġenza tal-kwistjoni, fi kliem il-Kummissjoni "fil-biċċa l-kbira tal-każi, l-adattament għadu fi stadju bikri, u l-miżuri konkreti li bdew iseħħu huma relattivament ftit." Għaldaqstant, il-Kumitat jappella lill-Istati Membri biex, jekk għadhom m'għamlux dan, jaġixxu fis biex ifasslu u jwettqu b'mod strett l-istrateġiji nazzjonali ta' adattament.

3.7

Fl-istrateġija għall-adattament tal-UE, il-Kummissjoni s'issa kellha rwol essenzjali ta' appoġġ, promozzjoni u koordinazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Istati Membri, li fuqhom taqa' r-responsabbiltà ewlenija fl-adozzjoni ta' miżuri effikaċi u kkoordinati għall-prevenzjoni tar-riskji marbutin mat-tibdil fil-klima. L-azzjoni tal-Istati Membri hija kruċjali, iżda f'dan il-kuntest irid jiġi nnutat in-nuqqas ta' progress fl-adattament irreġistrat f'ċerti oqsma minn mindu ġiet ippubblikata l-White Paper. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tqis il-ħtieġa li tassumi rwol aktar attiv fil-qasam tat-tibdil fil-klima, billi tapplika l-kompetenzi li jingħatawlha mit-TFUE.

3.8

Fil-proposta għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 (3), il-Kummissjoni ssuġġeriet li mill-inqas 20 % tat-total tal-baġit jiġi allokat għal azzjonijiet marbutin mal-klima. Il-KESE jemmen li huwa importanti ħafna li l-Kunsill u l-Parlament Ewropew aċċettaw dan il-kriterju. Fil-QFP il-ġdid, l-azzjonijiet marbutin mal-klima (mitigazzjoni u adattament) jeħtieġu total ta' madwar EUR 192 biljun. Din hija żieda kbira meta jitqies li fil-QFP 2007-2013, il-miżuri għall-adattament irċivew biss EUR 6 biljun.

3.9

Il-KESE jqis fundamentali li l-azzjonijiet dwar il-klima jiġu integrati b'mod orizzontali fid-diversi politiki u strumenti finanzjarji tal-Unjoni (Fond ta' Koeżjoni, Fondi Strutturali, Riċerka&Żvilupp, il-PAK, in-netwerks trans-Ewropej, eċċ.). Kemm l-istrateġija l-ġdida kif ukoll il-QFP 2014-2020 jimplikaw progress f'din id-direzzjoni.

3.10

Minħabba li l-effetti tat-tibdil fil-klima li qed jiggravaw u l-politiki tal-UE dwar il-mitigazzjoni u l-adattament ser iżidu x-xogħol għall-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA), il-KESE jissuġġerixxi li tiġi kkunsidrata żieda fir-riżorsi umani u finanzjarji.

3.11

Il-Kumitat jinnota li strateġija ta' adattament għandha żżomm f'moħħha l-effetti tat-tibdil fil-klima fuq is-saħħa tal-bniedem, aspett li dwaru diġà saru studji (Ara "Impacts of climate change in human health in Europe. PESETA-Human health study". 2009) u l-ħtieġa li nkunu nistgħu nafdaw fuq servizzi ta' emerġenza adegwati f'każ ta' fenomeni estremi.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Azzjoni 1: Tħeġġiġ tal-Istati Membri kollha biex jadottaw strateġiji ta' adattament komprensivi.

4.1.1

Il-Kummissjoni tagħmel referenza għall-ħolqien fl-2014 ta' tabella ta' valutazzjoni dwar it-tħejjija tal-adattament. Fl-2017, abbażi tar-rapporti li tirċievi dwar ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu għall-Monitoraġġ (li qed jiġi negozjat bħalissa) u tat-tabella msemmija, il-Kummissjoni ser tevalwa jekk il-miżuri humiex biżżejjed, u jekk ikun hemm bżonn, tipproponi strument legalment vinkolanti.

4.1.2

Il-KESE jappoġġja l-possibbiltà li jiġi applikat l-Artikolu 192 tat-TFUE dwar il-proċedura leġislattiva fil-qasam tal-ambjent. Leġislazzjoni Ewropea eventwali għandha tipprevedi miżuri speċifiċi, skadenzi għall-applikazzjoni, mekkaniżmi ta' kontroll u sanzjonijiet eventwali għan-nonkonformità. Minħabba l-urġenza tal-kwistjoni, il-KESE jissuġġerixxi li jerġgħu jiġu kkunsidrati l-iskadenzi għal din id-deċiżjoni.

4.2   Azzjoni 2: Provvediment ta' finanzjament mil-LIFE għall-appoġġ tal-bini tal-kapaċità u aċċellerazzjoni tal-azzjonijiet għall-adattament fl-Ewropa (2013-2020).

4.2.1

Il-Kumitat diġà stqarr li hu favorevoli għall-proposta għal Regolament dwar il-programm LIFE u jqis li ż-żieda fil-baġit ta' EUR 3,2 biljun għall-perjodu 2014-2020 (4) hija sinjal tajjeb. Is-sottoprogramm Azzjoni Klimatika (EUR 904,5 miljun fil-proposta inizjali tal-Kummissjoni) jinkludi tliet oqsma prijoritarji, li fil-bidu ser ikunu: il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima (45 %), l-adattament għat-tibdil fil-klima (45 %) u l-governanza u l-informazzjoni (10 %).

4.2.2

Il-Kummissjoni diġà identifikat ħames oqsma vulnerabbli li bejniethom ser ikollhom jinqasmu l-fondi b'mod ugwali:

il-ġestjoni transkonfinali tal-għargħar

il-ġestjoni tax-xtut transkonfinali

l-integrazzjoni tal-adattament fl-ippjanar urban

iż-żoni muntanjużi u l-gżejjer

il-ġestjoni sostenibbli tal-ilma (id-deżertifikazzjoni u n-nirien fil-foresti f'żoni fejn hemm tendenza ta' nixfa).

4.3   Azzjoni 3: L-introduzzjoni tal-adattament fil-qafas tal-Patt tas-Sindki (2013/2014).

4.3.1

Il-Patt tas-Sindki – stabbilit fuq inizjattiva tal-Kummissjoni – qed jipproponi li jnaqqas l-emissjonijiet b'aktar mill-20 % stabbiliti mill-UE għall-2020, ħaġa li bla dubju jistħoqqilha appoġġ sħiħ.

4.3.2

Il-Kummissjoni qalet biss li ser 'tappoġġja' l-adattament fil-bliet, iżda ma tatx aktar dettalji. Minħabba n-natura volontarja tal-Patt, jista' jkun utli li l-firmatarji, bl-għajnuna tal-Kummissjoni, jistabbilixxu miri kwantifikabbli u mekkaniżmi ta' segwitu tal-miżuri li jiġu implimentati fil-qasam tal-adattament. Fil-fehma tal-KESE, il-Kummissjoni għandha tikkonkretizza dawn l-aspetti biex ikun hemm politika ġenwina tal-UE dwar l-adattament fiż-żoni urbani li dwarhom diġà għandhom l-esperjenza ċerti Stati Membri (pereżempju, il-Performance Indicator for Climate Change Adaptation - NI188 - fir-Renju Unit).

4.4   Azzjoni 4: Jimtlew il-lakuni fl-għarfien.

4.4.1

Il-Kummissjoni ssemmi erba' lakuni ewlenin u tgħid li ser 'tkompli taħdem' mal-Istati Membri u l-partijiet interessati biex tindirizzahom:

informazzjoni dwar id-danni u dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-adattament;

analiżi u valutazzjonijet tar-riskji f'livelli reġjonali u lokali;

oqfsa, mudelli u għodod li jappoġġjaw it-teħid tad-deċiżjonijiet u li jivvalutaw l-effikaċja tad-diversi miżuri ta' adattament;

il-mezzi għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-isforzi lejn l-adattament fl-imgħoddi.

4.4.2

Fl-Orizzont 2020 (perjodu 2014-2020) ġew allokati EUR 1 962 miljun liċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka, li magħhom ser jiżdiedu EUR 656 miljun li ġejjin mill-Euratom. Din hija żieda konsiderevoli (madwar EUR 17 000 miljun) meta mqabbla mas-Seba' Programm Qafas.

4.4.3

Il-KESE jixtieq jenfasizza li n-nuqqas ta' data speċifika dwar xi aspetti ma tistax isservi ta' skuża biex jiġu posposti d-deċiżjonijiet, peress li diġà jeżistu diversi provi tal-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima.

4.5   Azzjoni 5: Ikompli l-iżvilupp tal-Climate-Adapt bħala punt wieħed ta' servizz għall-informazzjoni dwar l-adattament fl-Ewropa u l-inklużjoni tas-servizzi futuri tal-Copernicus dwar il-klima fl-2014.

4.5.1

Il-Kumitat jappoġġja d-deċiżjoni li l-ġbir u t-tixrid tal-informazzjoni dwar it-tibdil fil-klima jiġi kkonċentrat fil-Climate-Adapt. L-interazzjoni tal-Climate-Adapt mal-pjattaformi nazzjonali ser teħtieġ sforz addizzjonali mill-Istati Membri jekk jitqies li bħalissa huma biss sitta fosthom li għandhom portali komprensivi dwar is-suġġett. L-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet reġjonali u mis-settur privat bħalissa mhijiex biżżejjed.

4.5.2

Il-KESE jemmen li s-servizzi dwar il-klima tal-Copernicus (ġbir tal-informazzjoni permezz tan-netwerk Ewropew tas-satelliti u tas-sistemi installati fuq l-art) huma ta' importanza vitali għall-adozzjoni tal-miżuri. Flimkien mal-osservazzjonijiet ta' servizzi oħra – partikolarment tan-NASA – l-Ewropa tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

4.6   Azzjoni 6: Il-faċilitazzjoni tar-reżistenza għat-tibdil fil-klima fil-Politika Agrikola Komuni (PAK), fil-Politika ta' Koeżjoni u fil-Politika Komuni tas-Sajd (PKS).

4.6.1.1

PAK: Globalment, il-biedja hija responsabbli b'mod dirett jew indirett għal 30 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, u għaldaqstant għandha potenzjal kbir għat-tnaqqis permezz ta' metodi ta' kultivazzjoni aktar effiċjenti. B'differenza għal setturi oħra, l-emissjonijiet diretti huma parti integrali mill-metodu ta' produzzjoni, u huwa għalhekk li jridu jiġu rikonoxxuti l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom.

4.6.1.2

Fl-Opinjoni tiegħu dwar "Ir-rabta bejn il-bidla fil-klima u l-biedja fl-Ewropa" (5), il-Kumitat poġġa enfasi fuq il-problemi gravi li ser tikkawża n-nixfa fir-reġjuni tan-Nofsinhar tal-Ewropa u innota li, fost affarijiet oħra, "Il-biedja mhix biss vittma tal-bidla fil-klima, iżda tikkontribwixxi wkoll għall-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra." Għaldaqstant "il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tanalizza b'iktar reqqa d-distinzjoni bejn il-metodi differenti tal-użu tal-art fil-kuntest tar-rabta tagħhom mal-klima sabiex jinstabu għażliet differenti għall-azzjoni politika, pereżempju fil-qasam tal-politika tal-għajnuna."

4.6.1.3

Il-KESE jinnota li fil-ftehim politiku dwar il-PAK tas-26 ta' Ġunju 2013, bejn l-2014 u l-2020 ser jiġu investiti aktar minn EUR 100 biljun biex tingħata għajnuna lill-biedja biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-kwalità tal-ħamrija, l-ilma, il-bijodiversità u t-tibdil fil-klima. Għal dan il-għan, 30 % tal-pagamenti diretti ser jingħataw għat-twettiq ta' prattiki agrikoli li huma ta' benefiċċju għall-ambjent u mill-inqas 30 % tal-baġit tal-programmi ta' żvilupp rurali ser jiġi ddedikat għall-agrikoltura ekoloġika.

4.6.1.4

Koeżjoni: Jekk ma naġixxux jew indumu biex nieħdu azzjoni, dan jista' jaffettwa ħażin il-koeżjoni tal-UE. L-impatti tat-tibdil fil-klima huma mistennija wkoll li jkabbru d-differenzi soċjali madwar l-UE. Għaldaqstant jeħtieġ li nagħtu attenzjoni speċjali lill-gruppi soċjali u lir-reġjuni li huma l-iżjed esposti u li diġà jinsabu żvantaġġati għal diversi raġunijiet, bħal pereżempju s-saħħa, id-dħul baxx, l-akkomodazzjoni inadegwata jew in-nuqqas ta' mobbiltà.

4.6.1.5

Għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, il-Kummissjoni trid tibgħat messaġġ qawwi dwar il-fatt li l-politiki Ewropej kollha għandhom ikunu marbutin mal-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima. L-adattament irid jiġi inkluż b'mod espliċitu f'kull Qafas Nazzjonali ta' Referenza Strateġika u fil-Programmi Operattivi. Fid-dawl ta' dan, il-KESE jissuġġerixxi li l-approvazzjoni tal-proġetti tkun soġġetta għall-ilħiq tal-għanijiet ambjentali. Il-proġetti li jkollhom effett negattiv fuq it-tibdil fil-klima għandhom jitnaqqsu kemm jista' jkun jew jiġu esklużi totalment. Il-proposti leġislattivi tal-Kummissjoni dwar il-politika ta' koeżjoni, li ser jidħlu fis-seħħ fl-2014, isemmu l-adattament għat-tibdil fil-klima iżda, fil-fehma tal-KESE, hemm bżonn jiżdied il-livell ta' eżiġenza.

4.6.1.6

PKS: Il-Kummissjoni ma ssemmi l-ebda miżuri speċifiċi dwar din. Skont l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO), il-politiki ta' adattament għandu jkollhom l-għan fundamentali tas-sostenibbiltà tal-ekosistemi akkwatiċi li minnhom jiddependi s-sajd.

4.6.1.7

Wieħed mill-oqsma li ser jiġu affettwati b'mod gravi mit-tibdil fil-klima hija l-forestrija, li hija maħżen naturali ta' CO2 ta' importanza vitali. Irjieħat qawwijin ħafna bħall-uragan ser ikissru żoni forestali, u għalhekk ser ikollhom jiġu sostitwiti aktar malajr. L-għadd ta' nirien forestali qerrieda ser jiżdied fi żminijiet ta' nixfa u ta' sħana. Dawn il-fatturi għandhom influwenza importanti fuq l-ekonomija tas-settur u fuq id-diversi rwoli tal-kampanja.

4.7   Azzjoni 7: Żgurar ta' infrastruttura aktar reżistenti.

4.7.1

X'aktarx din hija l-ikbar sfida li jridu jaffrontaw il-mexxejja pubbliċi fi strateġija ta' adattament għat-tibdil fil-klima. It-theddidiet ewlenin għall-infrastrutturi jinkludu l-ħsarat u t-tkissir ikkawżati mill-fenomeni meteoroloġiċi estremi, li t-tibdil fil-klima jista' jiggrava; għargħar kostali max-xtut tax-xmajjar u għargħar minħabba ż-żieda fil-livell tal-baħar; diffikultajiet fil-provvista tal-elettriku, tal-ilma tajjeb għax-xorb u l-effetti taż-żieda fit-temperatura fuq l-ispejjeż operattivi tal-intrapriżi. Xi infrastrutturi jistgħu ma jintlaqtux direttament, iżda ma joperawx jekk ma jkunx hemm aċċess fiżiku għas-servizzi (pereżempju l-ICTs).

4.7.2

L-investimenti pubbliċi u privati għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti li jistgħu jiġu previsti tat-tisħin globali fil-pjani finanzjarji tal-proġetti ta' infrastruttura. Ċerti xogħlijiet ser jeħtieġu investiment mill-Istati Membri, f'ħafna każijiet soġġetti għal restrizzjonijiet baġitarji minħabba l-kriżi ekonomika.

4.7.3

Billi nibnu fuq il-mandat għall-valutazzjoni tar-riperkussjonijiet tat-tibdil fil-klima fl-Eurokodiċijiet, il-Kummissjoni tipproponi li taħdem mal-istituzzjonijiet Ewropej ta' standardizzazzjoni (CEN, CENELEC u ETSI), istituzzjonijiet finanzjarji u organizzazzjonijiet xjentifiċi biex jiġu stabbiliti t-tibdiliet neċessarji fil-programmi ta' standardizzazzjoni ta' binjiet u xogħlijiet pubbliċi. F'dan il-kuntest, il-KESE jemmen li fil-mudelli ta' standardizzazzjoni għandhom jingħataw prijorità r-robustezza u l-affidabbiltà tal-infrastrutturi aktar mill-kriterji purament ekonomiċi ta' profitabbiltà għall-investituri. Fid-dawl tal-fatt li fl-Ewropa hawn eżempji ta' tidjiq tax-xmajjar u tneħħija ta' pjanuri tat-tajn li ggravaw l-effett tal-għargħar, għandhom jiġu stabbiliti mudelli ta' ppjanar urban. Dwar dan jistgħu jiġu ssuġġeriti, pereżempju, miżuri bħal koperturi jew faċċati bil-ħdura fil-bini li jippermetti dan.

4.7.4

L-istrateġija dwar l-adattament għandha tqis it-tixjiħ tal-popolazzjoni, peress li l-anzjani, u speċjalment l-ixjeħ fosthom, huma vulnerabbli ħafna f'jiem ta' temperaturi u umdità estremi. Pereżempju, għandu jiġi kkunsidrat it-twaħħil ta' tagħmir ta' arja kkundizzjonata li jkun qawwi biżżejjed, b'emissjonijiet baxxi u affidabbli fiċ-ċentri għall-kura tas-saħħa u fid-djar tax-xjuħ.

4.7.5

F'Opinjonijiet preċedenti (CES1607-2011 u CES492-2012), il-KESE appoġġja l-introduzzjoni ta' approċċ maqsum f'żewġ livelli għan-Netwerks Trans-Ewropej tat-Transport (TEN-T) u l-ħolqien ta' kurituri apposta għat-trasport Ewropew, imqanqal mix-xewqa li jinħoloq netwerk tat-trasport koerenti għall-aktar flussi importanti tat-trasport tal-oġġetti u l-passiġġieri. Il-KESE jemmen li dan huwa għan utli u huwa bbażat ukoll fuq il-ħtieġa li jiġu stabbiliti prijoritajiet għall-użu ta' riżorsi finanzjarji skarsi. Madankollu, il-konċentrazzjoni tal-investimenti fl-infrastrutturi fuq dawn il-kurituri żżid ukoll id-dgħufija tas-sistema tat-trasport tal-UE jekk iseħħu xi interruzzjonijiet. Il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa li dan jitqies meta jkunu qed jiġu ppjanati u ffinanzjati dawn l-investimenti għall-kurituri. Apparti minn reżistenza tajba meta jkunu qed jinbnew l-istrutturi, dan għandu jfisser ukoll diverżjonijiet jew dawriet ippjanati minn qabel bħala parti minn dawn il-kurituri tat-trasport Ewropew.

4.8   Azzjoni 8: Promozzjoni tal-assigurazzjoni u prodotti finanzjarji oħrajn.

4.8.1

Ir-rapport taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea (2012), Natural Catastrophes: Risk Relevance and Insurance Coverage in the EU, dwar l-assigurazzjoni ta' diżastri naturali fl-Unjoni, joħroġ fid-dieher il-ħtieġa għal statistika aħjar. Madankollu, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, il-bejgħ tal-assigurazzjoni fis-suq (kopertura minn assigurazzjonijiet privati u intervent ex ante jew ex post mill-gvern bħala proporzjon tal-PDG) huwa baxx in ġenerali. Pereżempju, fil-qasam tal-għargħar, il-bejgħ tal-assigurazzjoni mhuwiex għoli ħafna fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, ħlief fil-każijiet fejn l-assigurazzjoni kontra l-għargħar tiġi inkluża ma' koperturi oħra. Dawn ir-rati huma baxxi wkoll b'rabta mar-riskji ta' maltempati u nixfa, minkejja li din tal-aħħar jidher li għandha impatt moderat fl-Istati Membri.

4.8.2

Il-KESE jfaħħar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta Green Paper dwar l-assigurazzjonijiet kontra d-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem (6) biex issaħħaħ is-suq tal-assigurazzjonijiet u tnaqqas il-piż eċċessiv tar-riskju minn fuq il-baġit pubbliku, u jixtieq jiċċara l-punti li ġejjin:

l-adozzjoni ta' miżuri ta' adattament adegwati twassal għat-tnaqqis tal-ispejjeż tal-assigurazzjonijiet,

politika ta' assigurazzjoni adegwata li tqis is-sitwazzjoni tal-produtturi hija ta' importanza speċjali għas-settur agrikolu,

quddiem il-kobor tar-riskji, l-Istat dejjem ser ikollu jipprovdi assigurazzjoni tal-aħħar istanza, u

hemm bżonn ta' politiki soċjali li jkopru lill-persuni l-aktar vulnerabbli u li m'għandhomx riżorsi biżżejjed biex ikollhom assigurazzjoni.

5.   Il-KESE jissuġġerixxi li jiġu studjati b'mod speċifiku l-bidliet strutturali li ser jeħtieġ l-adattament f'politiki partikolari u fil-produzzjoni ta' oġġetti u servizzi. Minkejja li l-effetti tat-tibdil fil-klima ser jaffettwaw l-aktar il-biedja, il-forestrija, il-kostruzzjoni ta' binjiet u l-infrastrutturi, ħafna setturi oħra tal-ekonomija jistgħu jeħtieġu miżuri ta' adattament. Xi aspetti li jistgħu jitqiesu huma:

L-impjieg. S'issa għad m'hemmx studji analitiċi dettaljati dwar l-impatt li għandhom il-miżuri ta' adattament fuq it-taħriġ professjonali tal-ħaddiema u l-effett fuq l-impjieg.

L-industrija. Minħabba d-diversità kbira tas-setturi industrijali, l-impatt tat-tibdil fil-klima mhuwiex kullimkien l-istess. Jekk ikun hemm bżonnu, l-adattament ser jeħtieġ l-investimenti. F'ċerti industriji speċifiċi, bħall-industrija tal-azzar, it-tnaqqis tal-emissjonijiet diġà qed jiġi allokat riżorsi kbar fl-oqsma tat-teknoloġija u l-finanzi. L-investimenti neċessarji jridu jiġu kkunsidrati fil-previżjonijiet finanzjarji u jiġu inklużi b'mod adegwat fl-informazzjoni li tingħata lill-investituri.

Il-bini. Il-bini residenzjali u x-xogħlijiet ta' infrastrutturi ser jiġu affettwati ħafna minn dawn il-miżuri ta' adattament u dan x'aktarx li ser iwassal għal żieda fl-ispejjeż. L-"Eurokodiċijiet" s'issa ma stabbilixxewx ir-rekwiżiti f'dan il-qasam u dan bla dubju għandu jiġi rettifikat (7).

Riċerka, żvilupp u investiment. F'dawn l-aħħar għexieren ta' snin it-tibdil fil-klima diġà affettwa l-użu tar-riżorsi (il-pjan finanzjarju l-ġdid tal-Unjoni huwa prova ta' dan) u fil-programmi ta' riċerka tal-universitajiet u taċ-ċentri speċjalizzati. Inħolqu karrieri u profili professjonali ġodda. Din hija xejra li x'aktarx ser tkompli tikber fil-ġejjieni.

Brussell, 16 ta’ Ottubru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2009) 147 final.

(2)  Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, SWD(2013) 132 final.

(3)  COM(2011) 500 final.

(4)  ĠU C 191 de 29.6.2012, pp. 111-116.

(5)  ĠU C 27 de 3.2.2009, p. 59.

(6)  COM(2013) 213 final.

(7)  ĠU C 198, 10.7.2013, p. 45-50.


Top
  翻译: