Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014AE4414

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali 2014–2020” (COM(2014) 332 final)

ĠU C 230, 14.7.2015, p. 82–90 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

14.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 230/82


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali 2014–2020”

(COM(2014) 332 final)

(2015/C 230/13)

Relatur:

is-Sur TRINDADE

Nhar is-6 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali 2014-2020”

COM(2014) 332 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-20 ta’ Novembru 2014.

Matul il-503 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta’ Diċembru 2014 (seduta tal-11 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’189 vot favur, 23 vot kontra u 20 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-fatt li l-UE għandha qafas komprensiv u sofistikat mil-lat ekonomiku u soċjali, li jikkomplementa l-istrateġiji pluriennali Ewropej adattati mill-Istati Membri skont il-kuntesti nazzjonali. Madankollu, fil-fehma tal-KESE hemm ċerti diffikultajiet, lakuni u sfidi ġodda li jeħtieġ li jiġu solvuti.

1.2.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li se tiffoka fuq il-prevenzjoni, is-semplifikazzjoni tar-regoli – mingħajr ma tqajjem dubji dwar il-livelli ta’ protezzjoni eżistenti – u r-rispett ta’ dawn ir-regoli. L-istrateġija għandha tiżgura li jkun hemm bilanċ bejn livell għoli ta’ protezzjoni u l-piżijiet amministrattivi tal-intrapriżi.

1.3.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-interess qawwi li l-Kummissjoni qed turi fl-SMEs, l-opinjonijiet, it-tagħrif u l-gwida li tipprovdilhom permezz tal-ICT u t-tisħiħ tal-koordinazzjoni bejn is-servizzi pubbliċi fl-appoġġ lill-SMEs.

1.4.

Fil-fehma tal-KESE, huwa indispensabbli li jsir taħriġ aktar profond għall-ispetturi tax-xogħol u jiżdiedu fin-numru tagħhom, peress li nafu li f’madwar nofs l-Istati Membri, il-limitu minimu rakkomandat mill-ILO (jiġifieri spettur wieħed għal kull 10  000 ħaddiem) ma jintlaħaqx.

1.5.

Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tinħoloq kultura ta’ prevenzjoni fost iż-żgħażagħ inġenerali, il-gradwati żgħażagħ, dawk li qed jitħarrġu u l-apprendisti, li tadotta miżuri li jippermettulhom li jirċievu informazzjoni u taħriġ adatti u prattiċi.

1.6.

Il-KESE jifhem ukoll ir-rwol ta’ investiment fil-prevenzjoni u jaqbel mal-Kummissjoni li din tal-aħħar ma tistax titħalla biss f’idejn l-intrapriżi, iżda l-Istati Membri għandhom ukoll jagħtu sehemhom. Huwa jappella lill-intrapriżi u lill-Istati Membri jinvestu aktar u jiżguraw il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema.

1.7.

Il-KESE jenfasizza d-diffikultajiet fl-UE fir-rigward tad-disponibbiltà ta’ data u jistieden lill-Kummissjoni biex b’mod urġenti tiżviluppa statistika u indikaturi li jikkunsidraw b’mod partikolari l-ġeneru u t-tul tal-ħajja tax-xogħol tal-ħaddiema. Il-lista ta’ mard okkupazzjonali, inklużi l-inċidenti mġarrbin waqt il-ħin tax-xogħol, u r-regoli dwar ir-rappurtar u l-analiżi statistika ta’ din id-data għandhom ikunu rregolati u ppubblikati fi ħdan l-UE. Huwa jqis li hemm ħtieġa li l-ħidma tal-aġenziji speċjalizzati tissaħħaħ u tixxerred b’mod wiesa’ u jittama li t-tixrid ta’ informazzjoni u prattiki tajbin jikkontribwixxi biex tissaħħaħ il-kultura ta’ prevenzjoni. Iqis ukoll li jeħtieġ jiġi approfondit l-istudju dwar ir-riskji l-ġodda u li jitħejjew miżuri (ta’ natura leġislattiva jew le) adattati għar-riżultati tar-riċerka mwettqa.

1.8.

Il-KESE jqis li l-involviment tal-ħaddiema u l-imsieħba soċjali kollha fil-livelli kollha u fuq il-post tax-xogħol huwa kruċjali għall-implimentazzjoni effikaċi ta’ din l-istrateġija. Huwa jistieden lill-Kummissjoni biex tintensifika d-diskussjonijiet u l-konsultazzjonijiet mal-imsieħba soċjali u tiżviluppa azzjonijiet komuni. L-Istati Membri għandhom jippromovu d-djalogu soċjali u l-ftehimiet kollettivi.

1.9.

Il-KESE jikkritika l-fatt li l-Kummissjoni ma tiddefinixxi l-ebda mira kwantifikata fil-livell Ewropew għal inċidenti fuq il-post tax-xogħol u l-mard okkupazzjonali, u jirrakkomanda lill-Istati Membri biex jinkludu din il-kwantifikazzjoni fl-istrateġiji nazzjonali tagħhom.

2.   L-importanza tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol

2.1.

L-importanza strateġika tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol fl-Ewropa hija stabbilita fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jindirizza speċifikament din il-kwistjoni fl-Artikoli 151 u 153, b’mod partikolari bil-għan li jkun hemm armonizzazzjoni fit-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol.

2.2.

Minkejja li stħarriġ reċenti tal-Ewrobarometru juri li maġġoranza kbira ta’ dawk li wieġbu (85 %) huma sodisfatti dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u 77 % jgħidu li hemm informazzjoni u/jew taħriġ fuq il-post tax-xogħol, għad hemm lok għal titjib fir-rigward tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol fl-UE; fil-fatt, is-sitwazzjoni attwali hija inkwetanti ħafna: kull sena fl-UE, aktar minn 4  000 ħaddiem imutu minħabba inċidenti fuq il-post tax-xogħol u aktar minn 3 miljun huma vittmi ta’ inċident serju fuq ix-xogħol li jwassal għal assenza ta’ aktar minn tlett ijiem. Madwar wieħed minn kull erba’ ħaddiema jikkunsidraw li s-saħħa u s-sikurezza tagħhom huma f’riskju minħabba x-xogħol tagħhom jew li xogħolhom għandu effett negattiv fuq saħħithom. Fil-Ġermanja, 460 miljun ġurnata ta’ liv minħabba mard iwasslu għal telf ta’ produttività stmat għal 3,1 % tal-PDG, u fir-Renju Unit, għas-sena 2010-2011, l-ispiża tal-Istat kienet stmata għal GBP 2  381 miljun.

2.3.

L-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) irrappurtat madwar 1 60  000 każ ta’ mewt bħala riżultat ta’ mard relatat max-xogħol fl-2008 fl-UE; il-kanċer kien il-kawża ewlenija tal-mewt (96  000 każ). Huwa stmat li fl-Ewropa kull tliet minuti u nofs, tmut persuna waħda b’riżultat ta’ inċident fuq ix-xogħol jew mard okkupazzjonali. Madankollu, l-Ewropa għadha fuq quddiem nett fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol.

2.4.

L-ispejjeż tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol għandhom jitqiesu bħala investiment aktar milli bħala nefqa biss. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stess issemmi fil-Komunikazzjoni tagħha li, skont stimi reċenti, l-investimenti f’dan il-qasam jistgħu jipproduċu proporzjonijiet għolja ta’ dħul, li jammontaw għal medja ta’ 2,2 u jvarjaw minn 1,29 sa 2,89. Mill-banda l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li n-nuqqas ta’ kundizzjonijiet tajbin tax-xogħol jiġġenera spejjeż għall-intrapriżi u l-fatt li, f’ċerti pajjiżi, il-primjums tal-assigurazzjoni huma relattivament aktar baxxi għall-intrapriżi fejn ma jkun hemm l-ebda inċident fuq il-post tax-xogħol.

2.5.

Minkejja s-suċċess tal-istrateġija Ewropea dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol għall-perjodu 2007-2012 (1), kemm fil-livell ta’ kjarifika tar-regoli Ewropej kif ukoll bl-involviment akbar tal-Istati Membri, jibqa’ l-fatt li l-għan li titnaqqas l-inċidenza tal-mard okkupazzjonali ma ntlaħaqx u li għad hemm nuqqasijiet kbar fil-livell tal-mikrointrapriżi u l-SMEs li sabu diffikultajiet kbar fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti regolatorji minħabba nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji u l-kapaċitajiet tekniċi u umani tagħhom. Mal-aspetti negattivi nistgħu nżidu l-prevenzjoni limitata fir-rigward tal-mard okkupazzjonali u mard relatat max-xogħol, in-nuqqas ta’ data statistika u ta’ segwitu, in-nuqqas ta’ interoperabbiltà bejn is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u l-ambjent u l-prodotti kimiċi, kif ukoll l-involviment/dgħajjef tal-imsieħba soċjali. Terġa’ u tgħid, hija ferm inqas id-data dwar is-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema f’setturi fejn isir xogħol mhux iddikjarat u atipiku (b’mod partikolari f’ċerti impriżi agrikoli, fl-industrija u s-servizzi), it-telexogħol, ix-xogħol indipendenti u s-servizzi domestiċi.

2.6.

Ta’ min jinnota li t-tnaqqis tan-numru ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol f’dawn l-aħħar snin fl-Ewropa jista’ jiġi attribwit għal telf ta’ impjieg fis-setturi l-aktar esposti għal riskji għoljin, billi b’mod ġenerali fl-Istati Membri rajna tnaqqis sinifikanti fl-oqsma tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, b’mod partikolari fir-rigward ta’ attivitajiet marbuta mal-leġislazzjoni, l-ispezzjoni u l-prevenzjoni.

2.7.

Il-KESE jaqbel li hemm bżonn li jiġu identifikati l-isfidi ewlenin li qed tiffaċċja l-UE, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni favur politiki u miżuri sodi biex jindirizzaw din il-problema: it-titjib tal-livell ta’ implimentazzjoni mill-Istati Membri ta’ miżuri effettivi u effiċjenti biex jipprevjenu r-riskji permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-mikrointrapriżi u l-SMEs; it-tisħiħ tal-prevenzjoni ta’ mard relatat max-xogħol billi jitnaqqsu r-riskji eżistenti, dawk ġodda u riskji emerġenti; u fl-aħħar nett, l-għoti ta’ rispons koerenti u effettiv għat-tibdil demografiku.

2.8.

Jekk l-isforzi koordinati tal-Istati Membri jwasslu għal tnaqqis fil-mard okkupazzjonali u inqas inċidenti fuq il-post tax-xogħol, jipproteġu wkoll l-investiment fir-riżorsi umani billi jnaqqsu l-ħtiġijiet tal-kura tas-saħħa u jikkontrollaw iż-żieda fl-ispejjeż soċjali, u b’hekk jippromovu soċjetà Ewropea ta’ benesseri.

3.   Il-kuntest tal-istrateġija Ewropea għas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol għall-perjodu 2014-2020

3.1.

Kundizzjonijiet ta’ saħħa u sikurezza deċenti fuq il-post tax-xogħol li jkunu wkoll konformi mal-Istrateġija Ewropa 2020 jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikattiv għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Il-qafas strateġiku u r-regolamenti tal-UE flimkien mal-istrateġiji u r-regolamenti nazzjonali jiggarantixxu l-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema. Il-KESE jiddeplora d-dewmien fil-pubblikazzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni u jiddispjaċih li ma tqisux il-proposti li jinsabu fl-opinjoni adottata b’mod unanimu mill-bord konsultattiv dwar is-saħħa u s-sikurezza, li jirrappreżenta d-diversi interessi tal-UE fuq bażi tripartitika.

3.2.

Il-KESE jiddispjaċih li f’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni ma tipprevedix li tiġi żblukkata l-leġislazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’ problemi muskoloskeletali u r-reviżjoni tad-Direttiva eżistenti dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema kontra l-karċinoġeniċi. Il-KESE jinnota wkoll in-nuqqas ta’ referenzi għall-ħolqien ta’ qafas legali dwar l-antiċipazzjoni tat-tibdil, punt li l-Parlament Ewropew diġà kien insista dwaru. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti tweġiba b’mod urġenti għal dawn il-kwistjonijiet.

3.3.

Il-KESE, li minnufih laqa’ bi pjaċir l-għan Ewropew li jitnaqqsu n-numru ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol b’25 % (2), ma jistax ma jurix dispjaċir dwar in-nuqqas ta’ kwantifikazzjoni ta’ dan l-għan għall-perjodu 2014-2020. Il-KESE kien ikkritika wkoll in-nuqqas ta’ għan komparattiv għat-tnaqqis tal-mard okkupazzjonali, liema nuqqas jidher ukoll fil-Komunikazzjoni inkwistjoni u li għalhekk hija kkritikata. Iqis essenzjali l-iżvilupp ta’ strumenti Ewropej ta’ statistika li jkejlu l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol, il-mard okkupazzjonali u l-esponiment għal varjetà ta’ riskji okkupazzjonali.

3.4.

L-imsieħba soċjali u s-soċjetà b’mod ġenerali jagħrfu l-ħtieġa li tittejjeb l-implimentazzjoni tal-istandards u r-regolamenti fil-livell Ewropew u f’dak nazzjonali. Min-naħa tiegħu, il-KESE jemmen ukoll li sabiex ikunu jistgħu jiġu implimentati miżuri effiċjenti u effettivi għall-prevenzjoni tar-riskji, fil-qafas tal-applikazzjoni tal-leġislazzjoni, huwa essenzjali li tissaħħaħ il-kapaċità tal-mikrointrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar. Dawn huma azzjonijiet ta’ prijorità li għandhom jiġu appoġġjati minn politiki pubbliċi bbażati fuq inċentivi, appoġġ u pariri tekniċi personalizzati.

3.5.

L-innovazzjoni teknoloġika u l-forom ġodda ta’ organizzazzjoni tax-xogħol, bħal skemi ġodda ta’ impjieg atipiku, joħoloqu sitwazzjonijiet ġodda li jġibu magħhom sfidi u riskji ġodda li għadhom ma ġewx identifikati kif dovut. L-għarfien dwar dawn ir-riskji u l-prevenzjoni tagħhom, inkluż id-definizzjoni ta’ mard okkupazzjonali attwali jew ġdid huma kompiti urġenti. Huwa essenzjali u urġenti li jinstabu soluzzjonijiet billi tiġi aġġornata l-leġislazzjoni eżistenti jew billi titfassal leġislazzjoni ġdida adattata għar-riskji identifikati.

3.6.

Il-progress li ntlaħaq mil-lat tal-istennija tal-għomor bidel l-istruttura demografika tal-popolazzjoni Ewropea iżda dan mhux bilfors ifisser li n-nies qed jgħixu għal żmien itwal u f’saħħithom. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol għandhom rwol sinifikanti fil-problemi tas-saħħa, li għandhom it-tendenza li jiżdiedu bl-età, u li b’mod partikolari jirrappreżentaw l-effett kumulattiv ta’ ċerti riskji okkupazzjonali. Prevenzjoni aħjar mill-bidu tal-ħajja professjonali u matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tax-xogħol tal-ħaddiema tikkontribwixxi sabiex jingħelbu l-isfidi tat-tibdil demografiku. Min-naħa l-oħra, l-iffinanzjar tar-riċerka fil-livell nazzjonali u dak Ewropew huwa importanti sabiex jiġu identifikati l-kwistjonijiet ewlenin f’dan il-qasam.

3.7.

Il-KESE jinnota li n-nuqqas ta’ sikurezza għall-ħaddiema u l-forom ta’ impjieg atipiku żdiedu fl-UE u li l-kriżi ekonomika wasslet lil ċerti Stati Membri u ċerti intrapriżi soċjalment irresponsabbli biex inaqqsu b’mod konsiderevoli l-attivitajiet relatati mas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol. Din is-sitwazzjoni mhijiex aċċettabbli.

3.8.

Min-naħa l-oħra, tajjeb li jiġi enfasizzat li ċerti intrapriżi, b’mod volontarju u lil hinn mill-obbligi legali tagħhom, implimentaw miżuri u azzjonijiet għall-promozzjoni tas-saħħa, is-sikurezza u l-benesseri tal-ħaddiema tagħhom. L-imġiba soċjalment responsabbli ta’ dawn l-intrapriżi jistħoqqilha tkun rikonoxxuta u appoġġjata mill-Kummissjoni u l-Istati Membri, fid-dawl tal-fatt li tikkontribwixxi biex issir prattika ġenerali li l-intrapriżi f’kull rokna tal-Ewropa jħaddnu kultura ta’ responsabbiltà soċjali u ambjentali.

3.9.

L-UE qed taffaċċja b’mod kontinwu staġnar ekonomiku u rati għolja ta’ qgħad. Il-qgħad jikkostitwixxi aspett partikolari tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol peress li, f’ċerti każi, jiġi assoċjat mal-mard mentali. Bl-istess mod, il-ħaddiema attivi fis-suq tax-xogħol mhux iddikjarat huma esposti iżjed għal riskji għoljin u għal inċidenti fuq il-post tax-xogħol. Il-KESE huwa konvint li, minbarra l-investiment strutturali, it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien, partikolarment rigward is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol huwa pilastru ewlieni tat-tkabbir ekonomiku u sostenibbli, tal-promozzjoni ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja u tal-koeżjoni soċjali.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

It-tfassil ta’ qafas komprensiv dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali u l-applikazzjoni effettiva tiegħu fl-UE kollha huma essenzjali għal tkabbir ekonomiku sostenibbli. Il-maġġoranza tal-kontributuri għall-konsultazzjoni pubblika mnedija mill-UE (3) kkonfermaw il-ħtieġa li jitkomplew l-isforzi ta’ koordinazzjoni fil-livell tal-UE (93 % tal-kontributuri) u appoġġjaw l-għan li jinżamm livell għoli ta’ konformità mal-prinċipji tas-saħħa u sikurezza fuq il-post tax-xogħol, irrispettivament mid-daqs tal-intrapriża.

4.2.

Għalkemm kien hemm titjib f’dawn l-aħħar snin f’diversi Stati Membri, l-aktar fir-rigward tan-numru ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol, titjib li, sa ċertu punt, jista’ jkun dovut ukoll għat-tnaqqis fl-impjieg, il-kultura ta’ prevenzjoni mhijiex mifruxa fl-Unjoni Ewropea, u l-SMEs qed jiffaċċjaw diffikultajiet f’termini ta’ riżorsi u kapaċitajiet li ma jistgħux jingħelbu ħlief permezz ta’ azzjonijiet minn korpi pubbliċi fl-oqsma tal-informazzjoni, it-taħriġ, l-appoġġ tekniku u s-servizzi ta’ konsulenza. Dawn il-miżuri mill-awtoritajiet pubbliċi jeħtieġu jiġu adattati għall-ħtiġijiet tas-setturi diversi ta’ attività u jitfasslu b’mod speċifiku għal kull wieħed minnhom.

4.3.

Il-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-livell tal-intrapriża u tal-post tax-xogħol, f’dak li jirrigwarda l-indirizzar tal-kwistjoni tar-riskji okkupazzjonali, hija karatteristika kruċjali tad-djalogu soċjali. L-għajnuna finanzjarja lill-intrapriżi għandha tingħata biss meta l-istandards tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol jiġu rispettati. L-esperjenza f’diversi pajjiżi Ewropej turi l-importanza ta’ ftehimiet konġunti li jippermettu l-ħolqien ta’ forom ta’ rappreżentanza reġjonali jew settorjali li jħeġġu d-djalogu soċjali u l-prevenzjoni.

4.4.

Jeżistu ċerti lakuni fil-koordinazzjoni bejn is-servizzi pubbliċi differenti involuti fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza. Jidher li hemm ċerta ineffiċjenza u/jew ċertu użu fqir tal-mekkaniżmi għall-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali fil-livelli kollha biex jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet settorjali speċifiċi: jeħtieġ li dawn l-aspetti jittejbu. Kooperazzjoni iktar sistematika bejn is-servizzi tas-saħħa pubblika u s-servizzi ta’ prevenzjoni fuq il-post tax-xogħol tgħin biex ittejjeb il-prevenzjoni u tiffaċilita l-iskoperta ta’ mard okkupazzjonali. Hemm bżonn li fi ħdan l-Istati Membri jinħolqu punti uniċi ta’ kuntatt sabiex jiffaċilitaw ir-relazzjoni bejn l-amministrazzjoni pubblika u l-SMEs.

4.5.

Fil-kuntest ta’ diffikultajiet baġitarji, l-Istati Membri ġeneralment taw anqas riżorsi finanzjarji u umani lill-istituzzjonijiet u l-entitajiet involuti fis-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol, speċjalment f’dak li jikkonċerna l-ispezzjoni tax-xogħol, li esperjenzat tnaqqis sinifikanti fl-attivitajiet ta’ monitoraġġ, appoġġ u konsulenza lill-intrapriżi. Il-KESE jitlob li din is-sitwazzjoni inaċċettabbli titreġġa’ lura, b’mod partikolari peress li hemm numru akbar ta’ riskji ġodda importanti, u l-kundizzjonijiet ta’ għajxien u sikurezza għall-ħaddiema (żieda fir-riskji psikosoċjali parzjalment dovuta għall-qgħad u għan-nuqqas ta’ sikurezza fuq il-post tax-xogħol) marru għall-agħar.

4.6.

L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu u jippromovu n-negozjati u l-ftehimiet kollettivi, biex b’hekk ikun garantit rwol importanti u effettiv għall-imsieħba soċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politiki dwar is-saħħa u s-sikurezza kif ukoll fil-promozzjoni ta’ ambjent sikur u b’saħħtu fuq il-post tax-xogħol.

4.7.

Il-KESE jiddeplora n-nuqqas ta’ progress li ġie rreġistrat fil-livell ta’ statistika Ewropea dwar is-saħħa u s-sikurezza, u jenfasizza l-importanza u l-ħtieġa urġenti li jiġu stabbiliti definizzjonijiet u sistemi uniformi u ta’ identifikazzjoni fil-livell tal-Unjoni.

4.8.

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-prinċipju li skontu l-involviment tal-imsieħba soċjali fil-livelli kollha jiggarantixxi l-effiċjenza u l-effettività fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politiki u strateġiji fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol. F’dan ir-rigward, l-istrutturi Ewropej ta’ djalogu soċjali u l-Kumitat Konsultattiv Tripartitiku dwar is-Saħħa u s-Sikurezza fuq ix-Xogħol għandu jkollhom rwol ewlieni. Fid-definizzjoni tal-prijoritajiet tagħha, il-Kummissjoni għandha tagħmel użu akbar mill-proposti tal-Kumitat li ħafna drabi jiġu adottati unanimament.

4.9.

Il-KESE, rigward il-ftehimiet qafas konklużi fil-kuntest tad-djalogu soċjali, jitlob lill-Kummissjoni li teżamina mill-iżjed fis humiex rappreżentattivi u jikkonformawx mal-liġi Komunitarja u, għalhekk, timpenja ruħha li tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li dawn il-ftehimiet jiġu rispettati.

4.10.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jużaw il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment (ESIF) biex jiffinanzjaw azzjonijiet li jippromovu s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol.

4.11.

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jiġu mistħarrġa aktar bir-reqqa s-sinerġiji bejn il-politika tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u l-oqsma oħra ta’ intervent pubbliku. Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-progress li ntlaħaq f’dan il-qasam għadu limitat ħafna fl-Istati Membri kollha.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.   Strateġiji nazzjonali, applikazzjoni tal-leġislazzjoni u kontroll

5.1.1.

Il-KESE japprova l-linji gwida mogħtija mill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li l-Istati Membri, bil-kooperazzjoni tal-imsieħba soċjali, iwettqu reviżjoni tal-istrateġiji nazzjonali fid-dawl tal-qafas strateġiku l-ġdid tal-UE. Madankollu, jirrakkomanda li ssir valutazzjoni dettaljata tal-impatt tal-istrateġija nazzjonali preċedenti. Is-sħubija tal-imsieħba soċjali fl-istrateġija għall-perjodu 2014-2020 għandha tkun waħda kruċjali għall-Istati Membri kollha. Se jkun meħtieġ li jinstabu indiċijiet u kriterji omoġenji li jindikaw, b’mod sistematiku, il-livell ta’ din l-adeżjoni u jippermettu monitoraġġ u evalwazzjoni sistematiċi.

5.1.2.

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li huwa neċessarju li l-Istati Membri, bil-kooperazzjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA), joħolqu bażi tad-data dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u jorganizzaw b’mod regolari (tal-inqas darbtejn fis-sena) laqgħat organizzati mill-EU-OSHA li jinvolvu lill-Kumitat Konsultattiv għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (Advisory Committee on Safety and Health – ACSH) u l-Kumitat tal-Ispetturi Anzjani tax-Xogħol (Senior Labour Inspectorate Committee – SLIC).

5.1.3.

Is-sostenn finanzjarju u tekniku għall-SMEs biex jimplimentaw Valutazzjoni tar-Riskju Interattiva Onlajn (OiRA) jew strumenti oħra bbażati fuq l-ICT fl-Istati Membri għandu jitqies bħala essenzjali u għandu jiffoka fuq setturi ta’ prijorità. Hemm il-ħtieġa li jissaħħu r-riżorsi finanzjarji u umani tal-EU-OSHA sabiex din tkun tista’ taqdi rwol deċiżiv. Il-KESE jiddeplora l-fatt li l-Istati Membri ftit li xejn għamlu użu mill-FSE biex jiffinanzjaw l-attivitajiet ta’ taħriġ u ta’ edukazzjoni.

5.1.4.

L-identifikazzjoni ta’ prattiki tajbin u linji gwida speċifiċi, partikolarment għall-SMEs, għandha tqis n-natura speċjali tas-setturi u l-attivitajiet ekonomiċi; huwa wkoll meħtieġ li l-EU-OSHA ssaħħaħ sehmha f’dawn l-oqsma u tippromovi kultura ta’ prevenzjoni.

5.1.5.

Ser ikun hemm bżonn li jsir titjib tal-operazzjonijiet tal-ispezzjoni tax-xogħol fi ħdan l-intrapriżi fl-Istati Membri differenti, b’mod partikolari fl-oqsma tal-informazzjoni, il-konsultazzjoni, ir-riskji emerġenti, l-iffaċilitar tal-applikazzjoni tal-leġislazzjoni u l-identifikazzjoni u l-iskoraġġiment tax-xogħol mhux iddikjarat. Għal dan l-għan, huwa essenzjali li jiġu ddedikati iżjed riżorsi u ħiliet fl-ispezzjoni tax-xogħol.

5.1.6.

Il-KESE jaqbel mal-valutazzjoni tal-programm ta’ skambju u taħriġ tal-ispetturi tax-xogħol u mal-miżuri intiżi biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-ispettorati tax-xogħol fis-SLIC.

5.1.7.

Il-KESE jaqbel mal-pożizzjoni tas-SLIC dwar li l-kwistjonijiet ta’ saħħa u sikurezza għandhom jitqiesu bħala prijoritajiet strateġiċi tal-UE, inklużi l-problemi muskoloskeletali, mard li jkun mistur għal perjodi twal (kanċer okkupazzjonali u mard kroniku bħall-mard pulmonari b’oriġini okkupazzjonali), l-implimentazzjoni adatta tar-regolamenti tar-REACH u r-riskji psikosoċjali relatati max-xogħol (4). Fir-rigward tal-SMEs, jeħtieġ li jitjiebu l-ħiliet tagħhom fis-saħħa u s-sikurezza, jitħeġġu jikkonformaw aħjar mar-rekwiżiti, jipprovdu informazzjoni u linji gwida aċċessibbli u aġġornati u jiżguraw li l-intrapriżi l-kbar iwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom fir-rigward tat-titjib tal-prestazzjoni tal-SMEs li jinteraġixxu magħhom.

5.2.   Semplifikazzjoni tal-leġislazzjoni

5.2.1.

Il-KESE jemmen li kull semplifikazzjoni tal-leġislazzjoni fis-seħħ bl-ebda mod ma għandha tipperikola la l-livelli attwali ta’ saħħa u sikurezza fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema Ewropej u lanqas it-titjib kontinwu tagħhom. Il-konsultazzjoni pubblika organizzata mill-UE turi differenzi bejn l-imsieħba soċjali f’dak li jirrigwarda s-semplifikazzjoni tal-leġislazzjoni eżistenti li tikkonsisti f’li jiġi introdott strument ġdid Ewropew ta’ politika: 73,4 % tal-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema, iżda biss 4,3 % tal-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, kienu kontra din is-semplifikazzjoni (5). Fost dawk kollha li wieġbu, (523 b’kollox) 40,5 % kienu favur is-semplifikazzjoni, 46,1 % kienu kontra u 13,4 % ma kellhom l-ebda opinjoni dwar din il-kwistjoni. Madankollu, il-KESE huwa tal-fehma li jista’ jitnaqqas ċertu piż amministrattiv għall-intrapriżi, imma mingħajr ma jiġu pperikolati l-kundizzjonijiet tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema.

5.2.2.

Ta’ min jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, skont l-Istħarriġ Ewropew ta’ Intrapriżi dwar Riskji Ġodda u Emerġenti, ir-raġunijiet ewlenin għala l-intrapriżi jieħdu miżuri dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol huma l-“ħarsien tal-obbligi legali” (90 %), “talbiet mingħand l-impjegati jew mingħand ir-rappreżentanti tagħhom” (76 %) u “pressjoni mill-ispettorat tax-xogħol” (60 %); dawn l-elementi kollha jagħmlu pressjoni kbira fuqhom. Barra minn hekk, l-istħarriġ juri li fost l-intrapriżi li ma jagħmlux kontrolli regolari dwar is-sikurezza, 37 % biss qajmu “obbligi legali kumplessi wisq” bħala raġuni biex ma jsir xejn.

5.2.3.

Il-KESE jirrakkomanda li l-identifikazzjoni ta’ semplifikazzjonijiet potenzjali jew tnaqqis ta’ piżijiet amministrattivi bla bżonn għall-intrapriżi, wara analiżi tal-leġislazzjoni fis-seħħ, tkun ir-riżultat ta’ diskussjonijiet u negozjati estensivi bl-involviment b’saħħtu tal-imsieħba soċjali, fil-livelli kollha. Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni lejn l-Artikolu 153 tat-Trattat li jipprevedi li l-leġislazzjoni Ewropea tistipula r-rekwiżiti minimi u jawtorizza lill-Istati Membri jżommu jew jadottaw disposizzjonijiet li joffru ħarsien akbar lill-ħaddiema. Din id-dispożizzjoni tikkontribwixxi biex jimxu ’l quddiem u jiġu antiċipati inizjattivi Ewropej, kif muri mill-projbizzjoni tal-asbestos, adottata f’ħafna Stati Membri anke qabel ma ttieħdet deċiżjoni rigward dan mill-Kummissjoni.

5.3.   Riskji ġodda u emerġenti

5.3.1.

Huwa assolutament meħtieġ li jittejjeb l-għarfien xjentifiku dwar ir-riskji ġodda sabiex jiġi evitat mard relatat max-xogħol u l-mard okkupazzjonali billi l-isforzi jiġu kkonċentrati fil-livell tal-UE. Aktar interazzjoni/koordinazzjoni bejn id-diversi istituzzjonijiet Ewropej u nazzjonali hija kruċjali biex jinstabu modi adatti biex jiġu stabbiliti strateġiji u miżuri leġislattivi li jindirizzaw ir-riskji ġodda u r-riskji emerġenti. Rigward istituzzjonijiet eżistenti, il-KESE ma jara l-ebda ħtieġa għall-ħolqien ta’ korp xjentifiku konsultattiv indipendenti ġdid.

5.3.2.

Il-KESE konsistentement semma l-ħtieġa li jiġu żgurati kundizzjonijiet aħjar ta’ saħħa u sikurezza għal kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema (iż-żgħażagħ, in-nisa, il-ħaddiema mdaħħlin fl-età, l-immigranti, il-ħaddiema b’kuntratti tax-xogħol atipiċi u l-ħaddiema b’diżabbiltà) u li jiġu indirizzati l-problemi ġodda li jirriżultaw minn bidliet fl-organizzazzjoni tax-xogħol (b’mod partikolari stress u mard mentali fuq il-post tax-xogħol), kwistjonijiet li huma rikonoxxuti b’mod wiesa’ mill-Istati Membri, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà. Il-KESE jemmen li dawn il-problemi għandhom jiġu indirizzati minħabba li qed jiżdiedu b’mod kontinwu u minħabba l-ispejjeż ekonomiċi u soċjali marbutin magħhom. Huwa enfasizza li l-perspettiva tal-ġeneru tagħmilha possibbli li l-politiki tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol jiġu kkoordinati mal-progress fil-qasam tal-ugwaljanza.

5.4.   Statistika

5.4.1.

In-nuqqas konsiderevoli ta’ statistika affidabbli u komparabbli fil-livell Ewropew, li tiġi pprovduta fi żmien opportun, hija waħda mill-problemi ewlenin fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol. Jeħtieġ li tinstab soluzzjoni għal din is-sitwazzjoni ta’ dispjaċir li, b’mod inkomprensibbli, ilha magħna snin twal. Il-KESE jappoġġja l-passi li ħadet il-Kummissjoni sabiex tegħleb dawn id-diffikultajiet, li jistħoqqilhom jingħataw prijorità għolja mill-Kummissjoni u l-Istati Membri, peress li jistgħu, jekk jixtiequ, jiżviluppaw statistika iżjed dettaljata u adattata għall-kuntesti nazzjonali. Il-kooperazzjoni mal-WHO fil-qafas tal-estensjoni tad-data kollha dwar il-klassifikazzjonijiet internazzjonali tal-mard (ICD-10) tippermetti l-użu ta’ bażijiet tad-data dwar il-kura tas-saħħa, li jagħmilha possibbli li jiżdiedu l-veloċità u l-effiċjenza tal-ġbir tad-data.

5.4.2.

Il-KESE jiddispjaċih għall-interruzzjoni fl-ipproċessar tal-istatistika Ewropea dwar il-mard okkupazzjonali u jitlob li jerġa’ jibda jsir stħarriġ statistiku dwar l-esponiment okkupazzjonali għall-karċinoġeniċi, kif kien il-każ tal-proġett CAREX fid-disgħinijiet. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon kbir l-isforzi reċenti tal-Kummissjoni bil-għan li titwaqqaf bażi tad-data u jiġi żviluppat mudell li jagħmilha possibbli li jiġi vvalutat l-esponiment okkupazzjonali għal lista ta’ prodotti kimiċi perikolużi fl-Istati Membri tal-UE u fil-pajjiżi tal-EFTA u ż-ŻEE (il-proġett HAZCHEM).

5.5.   Kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet internazzjonali

5.5.1.

Il-KESE jemmen li t-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari mal-ILO, id-WHO u l-OECD, li għandhom jingħataw prijorità biex jitnaqqas l-għadd ta’ inċidenti u mard okkupazzjonali madwar id-dinja.

5.5.2.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari lin-nuqqasijiet fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol fil-katini tal-provvista globali, u b’hekk isir kontribut favur postijiet tax-xogħol iżjed sikuri mhux biss fl-Ewropa iżda fil-kontinenti kollha. Jeħtieġ li tiġi kkunsidrata l-inklużjoni ta’ din il-kwistjoni fil-ftehimiet konklużi mill-UE, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-ILO mill-imsieħba tagħha. Il-KESE jfakkar fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-asbestos u jistieden lill-Kummissjoni biex tadotta pożizzjoni konkreta bil-għan li jkun hemm projbizzjoni tal-asbestos fil-livell dinji.

5.5.3.

Il-KESE jirrakkomanda lill-Istati Membri biex japplikaw standards u konvenzjonijiet internazzjonali u biex il-Kummissjoni tfassal rapporti regolari dwar l-implimentazzjoni effettiva tagħhom mill-Istati Membri.

Brussell, il-11 ta’ Diċembru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Bejn l-2007 u l-2011, l-UE rreġistrat tnaqqis ta’ 27,9 % fir-rata ta’ inċidenza ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol li jwasslu għal assenza mix-xogħol ta’ tlett ijiem jew aktar.

(2)  Ara ĠU C 224, 30.8.2008, p. 88-94.

(3)  Konsultazzjoni pubblika dwar il-qafas ta’ politika ġdid tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali, l-impjieg, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni, Ġunju 2014.

(4)  “Il-prijoritajiet strateġiċi tal-UE”, 2013-2020, Doc. 2091_EN, Frar 2012.

(5)  Konsultazzjoni pubblika dwar il-qafas ta’ politika ġdid tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, Ġunju 2014.


ANNESS

għall-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda kisbu mill-inqas kwart tal-voti mixħuta:

Punt 1.8

Ibdel it-test kif ġej:

 

“Il-KESE jqis li l-involviment tal-ħaddiema u l-imsieħba soċjali kollha fil-livelli kollha u fuq il-post tax-xogħol huwa kruċjali għall-implimentazzjoni effikaċi ta’ din l-istrateġija. Huwa jistieden lill-Kummissjoni biex tintensifika d-diskussjonijiet u l-konsultazzjonijiet mal-imsieħba soċjali u tiżviluppa azzjonijiet komuni. L-Istati Membri għandhom jippromovu iħeġġu d-djalogu soċjali dwar kwistjonijiet ta’ saħħa u sigurtà bejn l-impjegaturi u r-rappreżentanti tal-ħaddiemau l-ftehimiet kollettivi.”

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

66

Kontra

:

143

Astensjonijiet

:

17

Punt 3.2

Ibdel it-test kif ġej:

 

“Il-KESE jiddispjaċih li f’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni ma tipprevedix li tiġi żblukkata l-leġislazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’ problemi muskoloskeletali u r-reviżjoni tad-Direttiva eżistenti dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema kontra l-karċinoġeniċi. Il-KESE jinnota wkoll in-nuqqas ta’ referenzi għall-ħolqien ta’ qafas legali dwar l-antiċipazzjoni tat-tibdil, punt li l-Parlament Ewropew diġà kien insista dwaru. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti tweġiba b’mod urġenti għal dawn il-kwistjonijiet.”

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

60

Kontra

:

141

Astensjonijiet

:

13

Punt 3.5

Ibdel it-test kif ġej:

 

“L-innovazzjoni teknoloġika u l-forom ġodda ta’ organizzazzjoni tax-xogħol, bħal skemi ġodda ta’ impjieg atipiku, joħoloqu sitwazzjonijiet ġodda li xi drabi jistgħu jġibu magħhom sfidi u riskji ġodda li għadhom ma ġewx identifikati kif dovut. L-għarfien dwar dawn ir-riskji u l-prevenzjoni tagħhom, inkluż id-definizzjoni ta’ mard okkupazzjonali attwali jew ġdid huma kompiti urġenti. Huwa essenzjali u urġenti li jinstabu soluzzjonijiet billi sabiex tiġi aġġornata l-leġislazzjoni eżistenti jew billi titfassal leġislazzjoni ġdida adattata għar-riskji identifikati.”

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

77

Kontra

:

140

Astensjonijiet

:

10

Punt 3.9

Ibdel it-test kif ġej:

 

“L-UE qed taffaċċja b’mod kontinwu staġnar ekonomiku u rati għolja ta’ qgħad. Il-qgħad jikkostitwixxi aspett partikolari tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol peress li, f’ċerti każi, jiġi assoċjat mal-mard mentali. Bl-istess mod, il-ħaddiema attivi fis-suq tax-xogħol mhux iddikjarat f’xi każijiet jistgħu jkunu huma esposti iżjed għal riskji għoljin u għal inċidenti fuq il-post tax-xogħol. Il-KESE huwa konvint li, minbarra l-investiment strutturali, it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien, partikolarment rigward is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol huwa pilastru ewlieni tat-tkabbir ekonomiku u sostenibbli, tal-promozzjoni ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja u tal-koeżjoni soċjali.”

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

62

Kontra

:

145

Astensjonijiet

:

10

Punt 4.6

Ibdel it-test kif ġej:

 

L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu u jippromovu d-djalogu soċjali bejn l-impjegaturi u r-rappreżentanti tal-ħaddiema n-negozjati u l-ftehimiet kollettivi, biex b’hekk ikun garantit rwol importanti u effettiv għall-imsieħba soċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politiki dwar is-saħħa u s-sikurezza kif ukoll fil-promozzjoni ta’ ambjent sikur u b’saħħtu fuq il-post tax-xogħol.”

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

66

Kontra

:

141

Astensjonijiet

:

17


Top
  翻译: