This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52016AE5417
Opinion of the European Economic and Social Committee on the communication from the Commission to the European Parliament, the Council and the European Economic and Social Committee — The annual Union work programme for European standardisation for 2017 (COM(2016) 357 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew – Programm ta’ ħidma annwali tal-Unjoni għall-Istandardizzazzjoni Ewropea għall-2017” [COM(2016) 357 final]
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew – Programm ta’ ħidma annwali tal-Unjoni għall-Istandardizzazzjoni Ewropea għall-2017” [COM(2016) 357 final]
ĠU C 75, 10.3.2017, p. 40–43
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
10.3.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 75/40 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew – Programm ta’ ħidma annwali tal-Unjoni għall-Istandardizzazzjoni Ewropea għall-2017”
[COM(2016) 357 final]
(2017/C 075/07)
Relatur uniku: |
is-Sinjura Elżbieta SZADZIŃSKA |
Konsultazzjoni |
Kummissjoni Ewropea, 17.8.2016 |
Bażi legali |
L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum |
Adottata fis-sezzjoni |
17.11.2016 |
Adottata fil-plenarja |
14.12.2016 |
Sessjoni plenarja Nru |
521 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
206/0/3 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa’ b’sodisfazzjon il-programm ta’ ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea għall-2017, li huwa parti minn pakkett komprensiv tal-istandardizzazzjoni. |
1.2. |
Il-pjan annwali propost mill-Kummissjoni jibni fuq il-miżuri previsti fil-pjan tal-2016 – li l-Kumitat diġà esprima l-fehma tiegħu dwarhom f’Opinjonijiet preċedenti – u jikkomplementahom (1). |
1.3. |
Il-Kumitat jenfasizza mill-ġdid l-importanza tal-istandards għat-tisħiħ tal-kompetittività tas-suq intern, għall-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi innovattivi, kif ukoll għat-titjib tal-kwalità u s-sigurtà tagħhom, li huwa ta’ benefiċċju għall-konsumaturi, il-ħaddiema, il-kumpaniji u l-ambjent. |
1.4. |
Bħala r-rappreżentant tas-soċjetà ċivili organizzata, il-Kumitat jappoġġja tali sistema ta’ standardizzazzjoni li tissodisfa l-ħtiġijiet kemm tas-soċjetà kif ukoll tal-ekonomija. |
1.5. |
Il-Kumitat jerġa’ jfakkar li l-iżgurar tal-pluraliżmu tas-sistemi Ewropej ta’ standardizzazzjoni permezz tal-inklużjoni tal-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 jiggarantixxi aktar trasparenza u aċċess aħjar għal din is-sistema. L-involviment tar-rappreżentanti tas-soċjetà fis-sistema ta’ standardizzazzjoni m’għandux ikun limitat għal-livell tal-UE. Dawn il-partijiet interessati għandhom jiġu involuti wkoll fis-sistemi nazzjonali ta’ standardizzazzjoni. |
1.6. |
L-istandards jiġu żviluppati bħala appoġġ għal-leġislazzjoni u l-politiki tal-UE (standards relatati mal-“approċċ leġislattiv ġdid”, l-Unjoni tal-Enerġija, eċċ.). Barra minn hekk, l-iżvilupp tad-diġitalizzazzjoni fl-industrija, l-katina tal-provvista u s-servizzi jfisser li l-istandards tal-ICT u tas-servizzi huma essenzjali biex isir negozju fis-setturi differenti tal-ekonomija. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-miżuri f’dawn iż-żewġ oqsma ser ikunu prijorità u dan il-fatt jintlaqa’ b’sodisfazzjon mill-Kumitat. |
1.7. |
Fl-istess ħin, il-Kumitat jinnota wkoll il-ħtieġa li l-kompetittività tal-SMEs tiġi promossa permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni tal-istandards, kif ukoll permezz ta’ miżuri edukattivi adegwati bil-għan li jkun hemm sensibilizzazzjoni fir-rigward tal-benefiċċji tal-istandards. |
1.8. |
Fir-rigward tan-negozjati TTIP li attwalment qegħdin jitmexxew mill-Kummissjoni, kif ukoll tan-negozjati CETA li diġà ġew konklużi, l-istandardizzazzjoni hija l-fokus tad-diskussjonijiet minħabba s-sistemi differenti involuti. Għalhekk, il-Kumitat jemmen li l-partijiet interessati għandhom jiġu infurmati dwar id-differenzi bejn is-sistemi ta’ standardizzazzjoni tal-partijiet fin-negozjati u għandhom jiġu enfasizzati r-riskji u l-benefiċċji potenzjali li jirriżultaw minn dawn id-differenzi. |
1.9. |
Il-Kumitat jappoġġja l-proposta li jiġi stabbilit djalogu interistituzzjonali dwar l-istandardizzazzjoni, li huwa diġà kien esprima f’ Opinjoni preċedenti tiegħu (2). |
1.10. |
Huwa jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll il-proposta tal-Kummissjoni li tagħmel riċerka dwar l-impatt tal-istandards fuq l-ekonomija u s-soċjetà. |
2. Il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea
2.1. |
B’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tippreżenta l-programm ta’ ħidma annwali tal-UE fl-2017 dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea. |
2.2. |
Il-programm ta’ ħidma annwali huwa parti minn pakkett komprensiv, inkluża l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar standards Ewropej għas-seklu 21, dokument ta’ ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni dwar l-istandardizzazzjoni fis-settur tas-servizzi, kif ukoll il-Komunikazzjoni dwar ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 24 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament. |
2.3. |
Il-programm ta’ ħidma tal-2017 dwar l-istandardizzazzjoni jikkomplementa l-miżuri previsti fil-programm tal-2016, li ħafna minnhom qegħdin jiġu implimentati attwalment. |
2.4. |
Il-prijoritajiet strateġiċi tal-istandardizzazzjoni Ewropea għall-2017 jinkludu:
|
2.5. |
Barra minn hekk, sabiex tespandi l-bażi ta’ evidenza taċ-ċiklu annwali ta’ governanza fil-qasam tal-politika tal-UE dwar l-istandardizzazzjoni, il-Kummissjoni ser:
|
3. Kummenti ġenerali
3.1. |
Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-programm ta’ ħidma attwali għall-istandardizzazzjoni, minħabba li l-użu tal-istandards fis-settur tal-produzzjoni u tas-servizzi jikkontribwixxi għal żieda tal-kompetittività fis-suq intern – kif huwa diġà enfasizza kemm-il darba. |
3.2. |
Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li ser jitkomplew il-miżuri deskritti fil-pjan annwali preċedenti tal-Kummissjoni, li jippermettu l-kontinwità u l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-istrateġija dwar is-suq uniku. |
3.2.1. |
Il-programm ta’ ħidma annwali tal-2017 jiddeskrivi f’iżjed dettall u jikkomplementa l-prijoritajiet li jinsabu fil-fażi tal-implimentazzjoni, bil-għan li s-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni tiġi adattata għall-kundizzjonijiet li qegħdin jinbidlu tal-qafas internazzjonali u għall-isfidi fis-suq globali. |
4. Prijoritajiet strateġiċi tal-istandardizzazzjoni Ewropea
4.1. |
Fi żmien ta’ żvilupp rapidu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni, jinħtieġ li jiġu żviluppati standards adatti għall-iżgurar tal-interoperabbiltà u tas-sigurtà fiċ-ċiberspazju. |
4.1.1. |
It-teknoloġiji bħall-komunikazzjoni 5G, il-cloud computing, l-Internet tal-oġġetti (IoT) u t-tekonoloġiji tal-big data jintużaw f’dawn l-oqsma: is-saħħa elettronika, l-enerġija intelliġenti, il-bliet intelliġenti, it-teknoloġiji avvanzati u l-fabbriki intelliġenti, kif ukoll il-vetturi f’netwerk u dawk awtomatizzati u dawn jeħtieġu standards taċ-ċibersigurtà, tal-immaniġġjar tar-riskji u linji gwida ta’ kontroll għall-awtoritajiet superviżorji u dawk regolatorji. |
4.1.2. |
Hemm bżonn aktar titjib fil-livell tas-sigurtà, tal-protezzjoni tad-data u tal-aċċessibbiltà għall-IoT. L-istandardizzazzjoni f’dan il-qasam tista’ tkun prerekwiżit għall-interoperabbiltà tal-IoT, kif ukoll għall-iżgurar taċ-ċibersigurtà, il-protezzjoni tad-data u l-aċċessibilità għall-konsumaturi. |
4.2. |
Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni ser titlob lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni biex iwettqu inventarju tal-istandards adatti eżistenti, qabel ma titlob għall-iżvilupp ta’ standards ġodda għas-servizzi. |
4.2.1. |
Fl-istess ħin, il-Kumitat jemmen li tkun prattika tajba għall-ħidma futura jekk il-partijiet ikkonċernati jiġu infurmati dwar il-mandati tal-Kummissjoni li għad qed issir ħidma dwarhom u liema mandati tlestew jew ġew sospiżi. |
4.2.2. |
Fil-valutazzjoni tal-istandards eżistenti, huwa importanti li jiġi eżaminat jekk dawn jissodisfawx il-ħtiġijiet speċifiċi tal-gruppi vulnerabbli, pereżempju l-persuni b’diżabbiltà. Pereżempju, l-istandards fir-rigward tal-firem elettroniċi ma jissodisfawx il-ħtiġijiet tal-konsumaturi b’diżabbiltà. F’dan il-każ, huwa ġġustifikat li jiġi rrakkomandat l-iżvilupp ta’ standard ġdid. |
4.2.3. |
Meta jinbdew proċessi ġodda ta’ standardizzazzjoni, il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ gruppi vulnerabbli, bħall-persuni b’diżabbiltà, għandhom jiġu kkunsidrati, fejn rilevanti, bħala parti mid-definizzjoni tat-termini għall-proċess ta’ standardizzazzjoni. Għandha tiġi adottata proċedura ġdida li tippermetti lill-esperti tal-aċċessibilità u lill-organizzazzjonijiet tal-persuni b’diżabbiltà li jipparteċipaw mingħajr ħlas fil-proċessi ta’ standardizzazzjoni fejn rilevanti. |
4.3. |
Il-Kumitat enfasizza kemm-il darba l-impatt sinifikanti tal-istandards fuq il-kwalità tal-prodotti u tas-servizzi fis-suq uniku. Għalhekk, huwa jilqa’ b’sodisfazzjon il-pjani tal-Kummissjoni li ttejjeb l-iżvilupp tal-istandards għas-servizzi billi tissorvelja l-istandards nazzjonali u l-ħtiġijiet tas-suq u billi tidentifika oqsma li fihom għandhom jiġu żviluppati standards ġodda. |
4.3.1. |
Il-Kumitat jaqbel mar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li l-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni għandhom iqisu d-dimensjoni Ewropea meta jieħdu deċiżjonijiet dwar l-iżvilupp ta’ standard nazzjonali għas-servizzi u għandha tikkunsidra jekk ikunx preferibbli li jinħoloq standard Ewropew. Dan jista’ jgħin biex jingħelbu l-ostakli u l-kunflitti potenzjali fis-settur tas-servizzi. |
4.4. |
Iż-żieda dejjem akbar ta’ servizzi onlajn kemm privati kif ukoll pubbliċi (fost oħrajn sptarijiet, faċilitajiet ta’ kura u trasport intelliġenti) teħtieġ soluzzjonijiet tekniċi li jiggarantixxu anonimità akbar għall-konsumaturi u jillimitaw ir-riskju ta’ proċessar eċċessiv tad-data tagħhom. |
4.5. |
Il-ħidma futura fir-rigward tal-istandardizzazzjoni għandha tikkontribwixxi għat-titjib fil-kwalità, fl-aċċessibilità u fis-sigurtà tas-servizzi tat-trasport, kif ukoll għat-tnaqqis tat-tniġġis ambjentali kkawżat mit-trasport. |
4.6. |
Fis-settur tal-enerġija, il-miżuri tal-Kummissjoni huma mmirati lejn l-interkonnessjoni tal-infrastrutturi, id-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija, it-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u l-promozzjoni ta’ teknoloġiji li jirrispettaw il-klima. |
4.6.1. |
Il-Kumitat jaqbel li l-iżvilupp ta’ standards komuni għal netwerks intelliġenti tal-enerġija ser itejjeb l-interoperabbiltà tan-netwerk, u li l-ottimizzazzjoni tal-komponenti kollha ta’ dan-netwerk ser tikkontribwixxi sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż u tiżdied l-effettività filwaqt li tgħin biex tintegra s-sorsi tal-enerġija deċentralizzati, inkluża l-enerġija rinnovabbli. Dan ser jippermetti lill-utenti finali biex ikollhom aċċess sħiħ għal sistemi intelliġenti tal-enerġija. |
4.7. |
Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li fid-dokument tal-Kummissjoni ser jiġu indirizzati l-problemi li ġejjin: il-bijodegradabbiltà tal-imballaġġ tal-plastik, il-produzzjoni ta’ sustanzi kimiċi sostenibbli magħmula minn materjal sekondarju u l-metodi għall-evalwazzjoni tar-riskji ta’ sustanzi li mhumiex elenkati fil-listi rilevanti, iżda li kienu jipproduċu prodotti tal-plastik maħsuba li jiġu f’kuntatt mal-ikel. |
4.7.1. |
Fid-dawl tar-riskji għolja involuti, l-istandards għall-oqsma msemmija hawn fuq għandhom jinkludu rekwiżiti stretti relatati mal-protezzjoni tal-konsumatur, kif ukoll tal-ambjent. |
5. Il-kooperazzjoni internazzjonali
5.1. |
Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni biex jippromovu standards internazzjonali u Ewropej fid-dinja kollha għall-appoġġ tal-industriji Ewropej u għall-iffaċilitar tal-aċċess għas-suq. |
5.2. |
Minħabba l-fatt li l-ftehim CETA nnegozjat mal-Kanada huwa kontroversjali fl-Istati Membri, u minħabba li n-negozjati TTIP għadhom għaddejjin, l-importanza tal-istandards fil-kummerċ internazzjonali għandha tiġi enfasizzata b’mod kontinwu. |
5.2.1. |
Apparti milli jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-ostakli tekniċi għall-kummerċ, id-djalogu mal-imsieħba mhux Ewropej (iċ-Ċina, l-Indja…) għandu jikkontribwixxi wkoll għall-użu tal-mudell Ewropew tal-istandardizzazzjoni, għall-iskambju tal-informazzjoni fost l-organizzazzjonijiet Ewropej u nazzjonali tal-istandardizzazzjoni u għall-implimentazzjoni tal-istandards tal-ISO u l-IEC u, fis-setturi li fihom l-istandardizzazzjoni internazzjonali mhijiex biżżejjed jew nieqsa għalkollox, għall-implimentazzjoni ta’ standards Ewropej. |
6. L-istandardizzazzjoni bħala promozzjoni tal-innovazzjoni
6.1. |
Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon l-idea li l-istandardizzazzjoni tintrabat mill-qrib mar-riċerka xjentifika u li l-għarfien jinbidel fi standards. |
6.2. |
Id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-kumitati tekniċi CEN u CENELEC u ETSI fil-qafas tal-programm Orizzont 2020 għandu jsaħħaħ l-innovattività. |
Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2016.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) ĠU C 303, 19.8.2016, p. 81, Opinjoni dwar Standards Ewropej għas-seklu 21 (INT/794, ĠU C 34, 2.2.2017, p. 86) u Opinjoni dwar Prijoritajiet għall-Istandardizzazzjoni tal-ICT għas-Suq Uniku Diġitali (ĠU C 487, 28.12.2016, p. 92).
(2) L-Opinjoni INT/794 dwar L-istandards Ewropej għas-Seklu 21(ĠU C 34, 2.2.2017, p. 86).
(3) Is-suġġett tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2016) 176 final tad-19.4.2016, li dwarha l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fassal l-Opinjoni tiegħu (ĠU C 487, 28.12.2016, p. 92).