This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52018AE0354
Opinion of the European Economic and Social Committee on — Proposal for a Council Regulation on establishing the European High Performance Computing Joint Undertaking (COM(2018) 8 final — 2018/0003(NLE))
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-Impriża Konġunta Ewropea tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja” (COM(2018) 8 final — 2018/0003(NLE))
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-Impriża Konġunta Ewropea tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja” (COM(2018) 8 final — 2018/0003(NLE))
EESC 2018/00354
ĠU C 283, 10.8.2018, p. 89–94
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
10.8.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 283/89 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-Impriża Konġunta Ewropea tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja”
(COM(2018) 8 final — 2018/0003(NLE))
(2018/C 283/12)
Relatur: |
Ulrich SAMM |
Korelatur: |
Antonio LONGO |
Konsultazzjoni |
Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 21.2.2018 |
Bażi legali |
L-Artikoli 187 u 188 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni |
Adottata fis-sezzjoni |
4.5.2018 |
Adottata fil-plenarja |
23.5.2018 |
Sessjoni plenarja Nru |
535 |
Riżultat (favur/kontra/astensjonijiet) |
196/2/4 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Il-KESE jappoġġja din l-inizjattiva għal Impriża Konġunta tal-EuroHPC bħala pass konkret konformi mal-istrateġija Ewropea tal-cloud, u bħala parti minn strateġija usa’ tal-UE (li tinkludi ċ-Ċibersigurtà, is-Suq Uniku Diġitali, is-Soċjetà Ewropea tal-Gigabits, Xjenza Miftuħa, eċċ.). Din l-inizjattiva ġġib valur miżjud tal-UE ċar b’teknoloġija ewlenija li ser jgħinu biex jindirizzaw l-aktar kwistjonijiet li jippreżentaw sfida għas-soċjetà moderna tagħna u fl-aħħar mill-aħħar ser ikunu ta’ benefiċċju għall-benesseri tagħna, il-kompetittività u l-impjiegi. |
1.2. |
Il-KESE jemmen li l-investiment inizjali ta’ EUR 1 biljun għall-akkwist u għall-operazzjoni ta’ magni ta’ supercomputing fuq livell għoli huwa sinifikanti iżda mhux wisq ambizzjuż meta mqabbel mal-kompetituri tagħha, bħall-Istati Uniti tal-Amerika u ċ-Ċina. Madankollu, il-KESE huwa konvint li żieda sostanzjali fl-investimenti (fl-Istati Membri tal-UE), flimkien ma’ programm ta’ riċerka u innovazzjoni Ewropew b’saħħtu, ser tkun neċessarja biex jinżamm il-livell ta’ klassi dinjija f’applikazzjonijiet tal-HPC. Peress li t-tiġrija ser tkompli, m’hemmx dubju li sforzi simili ser ikunu neċessarji għall-QFP li jmiss f’konformità ma’ dawk tal-kompetituri globali. |
1.3. |
Il-KESE japprova l-approċċ industrijali għall-iżvilupp tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ mikroċipep b’enerġija baxxa fl-Ewropa. Dan ser jagħmel lill-UE inqas dipendenti fuq l-importazzjonijiet u jiżgura aċċess għall-ogħla teknoloġija tal-HPC. Il-KESE jirrimarka li l-iżvilupp ta’ tali mikroċipep għandu wkoll impatt fuq computing fuq skala żgħira għaliex iċ-ċirkwiti integrati ta’ kwalità għolja jistgħu jiġu adattati (tnaqqis fl-iskala) għal apparat fis-suq tal-massa (PCs, smartphones, is-settur awtomobilistiku). |
1.4. |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel aktar enfasi fuq il-pożizzjoni b’saħħitha li din l-inizjattiva qed tibda minnha u fuq il-fatt li huwa essenzjali li titkompla l-istorja ta’ suċċess Ewropea msejsa fuq pilastri eżistenti PRACE u GÉANT u ilhom ħafna snin li jipprovdu servizzi HPC ta’ livell għoli għall-industrija u r-riċerka ta’ interkonnessjoni, l-edukazzjoni u netwerks nazzjonali ta’ riċerka u ċentri ta’ HPC b’netwerks sikuri, ta’ kapaċità għolja, rispettivament. |
1.5. |
Għalhekk, il-KESE jenfasizza l-importanza kbira tal-integrazzjoni tal-Impriża Konġunta l-ġdida EuroHPC ma’ strutturi li diġà jeżistu u programmi bħala l-aħjar mod biex konġuntament jiskjeraw ir-riżorsi Ewropej. Pereżempju, l-evalwazzjoni bejn il-pari organizzata minn PRACE għandha tinżamm biex jinżamm l-istandard dinji għoli. |
1.6. |
Il-KESE jixtieq jinkoraġġixxi aktar Stati Membri biex jingħaqdu mal-Impriża Konġunta EuroHPC u jużawha bħala opportunità biex jagħmlu profitt minn qawwa komputazzjonali ta’ livell dinji. Fid-dawl tal-kumplessità ta’ Impriża Konġunta, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex tqiegħed biżżejjed sforzi biex jispjegaw u jippromovu l-vantaġġi u l-opportunitajiet ta’ dan l-istrument legali, b’mod partikolari għal pajjiżi iżgħar u fir-rigward tal-possibbiltà għal kontribuzzjonijiet in natura. |
1.7. |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li tnejn mill-imsieħba tal-Kummissjoni fs-sħubija pubblika-privata kuntrattwali (cPPP) jistgħu jsiru l-ewwel membri privati, li huwa ċentrali għall-parteċipazzjoni tal-industriji, inklużi l-SMEs. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-possibilità ta’ aktar imsieħba, iżda jinsisti wkoll li għal kwalunkwe sieħeb ġdid, b’mod partikolari għal dawk minn barra l-UE, għandha tiġi sodisfatta r-reċiproċità. L-UE għandha tkun tista’ tapprofitta mill-opportunità rappreżentata mill-iżvilupp tat-teknoloġija HPC sabiex jitlesta s-settur industrijali Ewropew sabiex jiġu kopruti l-ispejjeż kollha tal-katina ta’ produzzjoni (disinn, manifattura, implimentazzjoni, applikazzjoni). Bħala għan ta’ nofs it-terminu l-Unjoni Ewropea għandha tilħaq il-kapaċità biex tippjana u twettaq HPC b’teknoloġija Ewropea. |
1.8. |
Il-KESE jirrakkomanda li ċ-ċittadini u l-impriżi jiġu infurmati dwar din l-inizjattiva l-ġdida importanti biex tiġi rkuprata l-fiduċja taċ-ċittadini fil-proċess tal-integrazzjoni Ewropea, u biex jgħinu l-intrapriżi Ewropej, b’mod partikolari l-SMEs, ikunu konxji tal-benefiċċji tagħha. Barra minn hekk l-universitajiet u ċ-ċentri ta’ riċerka għandhom ikunu involuti permezz ta’ attività ta’ komunikazzjoni speċifika li għandha l-għan li tqajjem l-interess u tħeġġeġ proġetti dwar l-HPC. |
1.9. |
Il-KESE jirrakkomanda li tissaħħaħ kemm jista’ jkun id-dimensjoni soċjali tal-proċess ta’ diġitalizzazzjoni bħala parti fundamentali tal-Pilastru soċjali Ewropew. L-implimentazzjoni u l-użu ta’ magni ta’ livell għoli għandu jkollu impatt pożittiv evidenti u li jista’ jitkejjel fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini. |
2. Introduzzjoni
2.1. |
Wara li ntuża oriġinarjament fir-riċerka dwar il-klima, it-tbassir tat-temp numeriku, l-astrofiżika, il-fiżika u l-kimika tal-partiċelli, il-computing ta’ prestazzjoni għolja (HPC) issa ntuża wkoll f’ħafna oqsma xjentifiċi, mill-bijoloġija, ix-xjenzi tal-ħajja u s-saħħa, simulazzjonijiet tal-kombustjoni b’fedeltà għolja, ix-xjenzi tal-materjali għax-xjenzi soċjali u l-istudji umanistiċi. Fl-industrija, l-HPC intuża b’mod mifrux fl-esplorazzjoni għaż-żejt u l-gass, l-aeronawtika, is-settur tal-karozzi u l-finanzi, u issa qed isir kruċjali għall-iżgurar ta’ mediċina personalizzata, l-iżvilupp tan-nanoteknoloġiji u biex isir żvilupp u użu mill-enerġiji rinnovabbli. Fl-aħħar nett, l-HPC qed isir għodda dejjem aktar importanti għall-appoġġ tat-teħid ta’ deċiżjonijiet pubbliċi billi jissimulaw xenarji relatati ma’ avvenimenti ta’ riskju naturali, riskji industrijali, riskji bijoloġiċi u riskji ta’ terroriżmu (ċibernetiku), u għalhekk hija essenzjali għas-sigurtà nazzjonali u d-difiża. |
2.2. |
Fil-computing, l-operazzjonijiet b’punt li jvarja kull sekonda (FLOPS) huwa kejl tal-prestazzjoni tal-kompjuter. Il-prestazzjoni tal-HPC tirrappreżenta in-naħa ta’ fuq ta’ dak li huwa teknoloġikament possibbli. Din il-prestazzjoni ta’ livell għoli qed tiżdied b’mod kostanti, minħabba ċ-ċirkwiti integrati dejjem iżgħar (Moore’s law) u l-bidla minn ipproċessar vector għal dak parallel. Kull għaxar sa tnax-il sena, kien hemm bidla ta’ veloċità komputazzjonali b’fattur ta’ 1 000, għalhekk kien hemm tranżizzjoni minn gigascale (1985), għal terascale (1997), għal petascale (2008). It-tranżizzjoni minn petascale għal exascale (Giga = 109, tera = 1012, peta = 1015, exa = 1018) hija mistennija li tiġri bejn 2020 u 2023. |
2.3. |
S’issa kull Stat Membru fl-UE beda jinvesti f’HPC waħedha. Meta mqabbla mal-kompetituri tagħha mill-Istati Uniti, iċ-Ċina u l-Ġappun, jidher ċar li l-Ewropa qiegħda tinvesti inqas milli hemm bżonn fl-HPC, bi spariġġ ta’ finanzjament ta’ EUR 500-700 miljun fis-sena. Għalhekk, l-UE m’għandhiex l-aktar superkompjuters rapidi u barra minn hekk il-magni tal-HPC fl-UE jiddependu fuq teknoloġija mhux Ewropea. Il-passi li jmiss fit-teknoloġija tal-HPC jistgħu jinkisbu l-aħjar permezz ta’ sforzi konġunti Ewropej b’investimenti fuq skala li tmur lil hinn mill-possibilitajiet ta’ Stati Membri individwali. |
2.4. |
L-iżvilupp tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ microċipep fl-Ewropa tista’ tgħin biex tintlaħaq l-indipendenza tal-UE f’aċċess għall-ogħla teknoloġija tal-HPC. Iżda l-katina tal-provvista tat-teknoloġija tal-HPC Ewropea tista’ tittejjeb biss bi prospetti ċari ta’ suq ewlieni u tal-iżvilupp ta’ ekosistema ta’ magna ta’ daqs sa exascale. Is-settur pubbliku għandu jkollu rwol ewlieni f’dan il-għan, inkella l-fornituri Ewropej mhux se jieħdu r-riskju li jiżviluppaw l-magni waħedhom. |
2.5. |
B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni Ewropea qed tippjana inizjalment li tinvesti EUR 1 biljun flimkien mal-Istati Membri fil-bini ta’ infrastruttura ta’ superkompjuters Ewropea ta’ klassi dinjija. Tali infrastruttura kondiviża u l-użu komuni ta’ kapaċitajiet eżistenti huwa maħsub li jkun ta’ benefiċċju għal kulħadd, mill-industrija, l-SMEs, ix-xjenza, is-settur pubbliku u speċjalment l-Istati Membri (iżgħar) mingħajr infrastrutturi awtosuffiċjenti nazzjonali tal-HPC. |
2.6. |
L-importanza tal-HPC ġiet deskritta b’mod ċar mill-Kummissjoni Ewropea fl-2012 fl-istrateġija tagħha “Informatika ta’ Prestazzjoni Għolja: post l-Ewropa f’Tellieqa Globali” (1). F’April 2016, il-Kummissjoni Ewropea nediet l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing (2). Din l-inizjattiva tinkludi żewġ elementi: l-Infrastruttura tad-Data Ewropea (EDI) b’kapaċità ta’ supercomputing u konnettività b’veloċità għolja fuq livell dinji u l-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa (EOSC) b’ħażna ta’ data mill-aktar avvanzata u ġestjoni u interfaċċji għat-twassil tas-servizz ibbażat fuq il-cloud L-ewwel waħda ser titwassal bil- Proposta għal regolament tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-Impriża Konġunta Ewropea tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja (3). |
2.7. |
Il-proposta hija segwitu għad-dikjarazzjoni tal-EuroHPC, iffirmata fit-23 ta’ Marzu 2017 waqt il-Jum Diġitali f’Ruma minn seba’ Stati Membri – Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Portugall u Spanja. Ingħaqdu magħhom matul l-2017 il-Belġju, il-Bulgarija, l-Iżvizzera, is-Slovenja, il-Greċja u l-Kroazja. Dawn il-pajjiżi qablu li jibnu infrastruttura tas-superkompjutazzjoni tal-exascale integrata u pan-Ewropea. Stati Membri oħra u pajjiżi assoċjati huma mħeġġin li jiffirmaw id-dikjarazzjoni EuroHPC ukoll. |
2.8. |
B’segwitu għal valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni (4) sabet li Impriża Konġunta kienet l-aħjar għażla għall-implimentazzjoni tal-EuroHPC, li tippermetti l-akkwist konġunt, is-sjieda u t-tħaddim ta’ superkompjuters biex jiġu kkombinati b’mod effiċjenti. |
3. Il-kontenut essenzjali tal-proposta
3.1. |
Il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi Regolament tal-Kunsill dwar dwar l-istabbiliment tal-Impriża Konġunta Ewropea tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja (EuroHPC). Din l-entità legali ġdida ser:
|
3.2. |
Il-kontribut tal-UE għall-EuroHPC se jkun ta’ madwar EUR 486 miljun taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali, flimkien ma’ ammont simili mill-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati. Il-membri privati tal-inizjattiva jistgħu wkoll jżidu kontribuzzjonijiet in natura. B’mod ġenerali, madwar EUR 1 biljun ta’ fondi pubbliċi ser jiġu investiti sal-2020. |
3.3. |
L-attivitajiet tal-Impriża Konġunta EuroHPC li joperaw mill-2019 sal-2026 ser jikkonsistu minn:
|
3.4. |
Il-proposta trid tilħaq prestazzjoni exascale sal- 2022-2023. Pass intermedju (50 % tal-prestazzjoni exascale) għandu jintlaħaq sal-2019. L-infrastruttura ppjanata ser tkun proprjetà konġunta u operata mill-membri li għall-ewwel jikkonsistu mill-pajjiżi li ffirmaw id-dikjarazzjoni EuroHPC u l-membri privati mill-akkademja u l-industrija. Membri oħra jistgħu jissieħbu ma’ din il-kooperazzjoni f’kull mument, sakemm jagħmlu kontribuzzjoni finanzjarja (inklużi kontribuzzjonijiet in natura). |
3.5. |
Il-proposta tistabbilixxi li żewġ infrastrutturi se jinħolqu u jiġu implimentati b’mod parallel. Tali infrastrutturi ser jiġu ospitati minn żewġ pajjiżi tal-UE soġġetti għal kriterji speċifiċi. |
3.6. |
L-impriża Konġunta ser tkun amministrata minn bord ta’ tmexxija, magħmul minn rappreżentanti tal-pubbliku li huma membri tal-Impriża Konġunta. Din ser ikun responsabbli għat-tfassil ta’ politika strateġika u d-deċiżjonijiet ta’ finanzjament relatati mal-attivitajiet ta’ akkwist u ta’ R&I tal-Impriża Konġunta. Id-drittijiet tal-vot tal-membri u l-proċeduri se jkunu fi proporzjoni mal-kontribuzzjoni finanzjarja tagħhom. L-impriża Konġunta hija bbażata fuq it-tagħlimiet miksuba minn impriżi konġunti oħrajn, bħal pereżempju ECSEL. Iż-żewġ impriżi konġunti huma simili f’termini ta’ għanijiet u struttura. Id-differenza ewlenija qiegħda f’attivitajiet ta’ akkwist fuq skala kbira fil-EuroHPC li huma nieqsa f’ECSEL. Din id-differenza tispjega l-attribuzzjoni ta’ drittijiet tal-vot fi proporzjon għall-kontribuzzjoni ta’ parteċipanti. |
3.7. |
Il-bord ta’ tmexxija ser ikun appoġġjat minn Bord ta’ Konsulenza Xjentifika u Industrijali, magħmul minn rappreżentanti tal-membri privati li tal-Impriża Konġunta. Sabiex jiġu evitati kunflitti ta’ interess, il-bord konsultattiv ser ikollu biss rwol konsultattiv. |
4. Kummenti speċifiċi
4.1. |
Il-KESE japprova din l-inizjattiva bħala pass konkret f’konformità mal-istrateġija Ewropea tal-cloud: l-għażla strateġika ta’ computing cloud Ewropea miftuħa mmirata lejn il-komunità u l-industrija xjentifika, bħala parti minn impenn politiku u ekonomiku b’saħħtu għall-innovazzjoni diġitali (5). Din l-inizjattiva ġġib valur miżjud tal-UE ċar b’teknoloġija ewlenija li ser jgħinu biex jindirizzaw l-aktar kwistjonijiet li jippreżentaw sfida għas-soċjetà moderna tagħna u fl-aħħar mill-aħħar ser ikunu ta’ benefiċċju għall-benesseri tagħna, il-kompetittività u l-impjiegi. |
4.2. |
B’mod aktar ġenerali, l-inizjattiva tal-HPC hija parti kruċjali minn strateġija usa’ tal-UE (li tinkludi l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà (6), l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali (reviżjoni) (7), is-Soċjetà Ewropea tal-Gigabits (8), ix-Xjenza Miftuħa, eċċ.) li għandhom l-għan li jirkupraw is-sovranità u l-indipendenza diġitali tal-Ewropa, sabiex l-UE ssir attur kruċjali fl-iżvilupp diġitali b’impatt dirett fuq il-kompetittività u l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini. |
4.3. |
Il-KESE jqis l-investimenti tal-bidu ta’ 1 biljun għall-akkwist u għall-operazzjoni ta’ żewġ magni ta’ supercomputing pre-exascale ta’ livell dinji u mill-inqas żewġ magni ta’ supercomputing ta’ livell medju bħala sinifikanti iżda mhux wisq ambizzjużi meta mqabbla mal-kompetituri tiegħu. Madankollu, il-KESE huwa konvint li żieda sostanzjali fl-investimenti (fl-Istati Membri tal-UE), flimkien ma’ programm ta’ riċerka u innovazzjoni Ewropew b’saħħtu, ser tkun neċessarja biex jinżamm il-livell ta’ klassi dinjija f’applikazzjonijiet tal-HPC. Peress li t-tiġrija ser tkompli, m’hemmx dubju li sforzi simili ser ikunu neċessarji għall-QFP li jmiss f’konformità ma’ dawk tal-kompetituri globali. |
4.4. |
Il-KESE jixtieq josserva li kompjuter b’veloċità għolja waħdu mhuwiex biżżejjed biex ikun suċċess. L-iżvilupp ta’ softwer avvanzat ħafna u l-applikazzjonijiet ibbażati fuq programm ta’ riċerka u żvilupp b’saħħithom huma wkoll indispensabbli għal progress reali. F’dan il-qasam, l-UE mhi xejn lura meta mqabbla mal-kompetituri tagħha u l-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tagħmel aktar enfasi fuq il-pożizzjoni b’saħħitha li din l-inizjattiva għadha tibda minnha u fuq il-fatt li din l-inizjattiva hija fundamentali biex titkompla l-istorja ta’ suċċess Ewropea msejsa fuq il-pilastri eżistenti PRACE u GÉANT u li għal aktar minn għaxar snin issa ħadu r-responsabbiltà li jorganizzaw u jgħaqqdu flimkien l-oqsma ta’ HPC u n-netwerking, rispettivament. |
4.5. |
Is-Sħubija għall-Computing Avvanzat fl-Ewropa (PRACE) kkofinanzjata mill-UE, maħluqa fl-2010 u li tinkludi 25 Stat Membru, tipprovdi servizzi HPC lix-xjenza u l-industrija avvanzati ħafna, u tuża l-akbar sistemi ta’ supercomputing nazzjonali fl-Ewropa. Fl-2017, PRACE pprovdiet aċċess għal netwerk ta’ seba’ sistemi sofistikati ħafna, ipprovduti minn ħames membri ospitanti (Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja u l-Isvizzera) li investew aktar minn EUR 400 miljun fi PRACE sa mill-bidu tagħha). PRACE talloka riżorsi HPC abbażi ta’ sejħiet għal proposti evalwati bejn il-pari bbażati fuq l-eċċellenza xjentifika, għal proġetti ta’ riċerka li ġejjin mill-akkademja u mill-industrija inklużi l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju. |
4.6. |
In-netwerk pan-Ewropew GÉANT imniedi fl-2000 jgħaqqad ir-riċerka, l-edukazzjoni u n-netwerks ta’ riċerka nazzjonali u ċentri ta’ HPC ma’ netwerks sikuri, ta’ kapaċità għolja. In-netwerk huwa essenzjali għall-appoġġ tax-xjenza miftuħa b’servizzi għal aċċess affidabbli. In-netwerk GÉANT huwa l-ikbar netwerk tar-Riċerka u l-Iżvilupp fid-dinja, kif ukoll l-aktar avvanzat, u jgħaqqad aktar minn 50 miljun utent f’10 000 istituzzjoni fl-Ewropa kollha u jappoġġja kull dixxiplina xjentifika. In-netwerk “backbone” jopera b’veloċità sa 500 Gbps (2017). GÉANT ħoloq b’suċċess kbir is-servizz eduroam biex jippermetti lill-utenti tar-Riċerka u Żvilupp biex jaqbdu ma’ kwalunkwe netwerk tal-wi-fi fejn eduroam SSID huwa preżenti – skema li ġiet proposta mill-KESE bħala mudell għall-aċċess tal-wi-fi għall-Ewropej kollha fil-kuntest tal-istrateġija dwar il-Konnettività għal Suq Uniku Diġitali kompetittiv — Lejn Soċjetà Ewropea tal-Gigabits (9). |
4.7. |
Għalhekk, il-KESE jenfasizza l-importanza kbira tal-integrazzjoni tal-Impriża Konġunta l-ġdida EuroHPC ma’ strutturi u programmi li diġà jeżistu. Pereżempju, l-evalwazzjoni bejn il-pari organizzata minn PRACE għandha tinżamm biex jinżamm l-istandard dinji għoli. L-aqwa prattiki oħra għandhom jiġu integrati jew adattati. Approċċ integrat ta’ EuroHPC, H2020 jew is-suċċessur tiegħu fil-Programm Qafas u l-attivitajiet nazzjonali korrispondenti huwa l-aħjar mod biex jiġu użati b’mod konġunt ir-riżorsi Ewropej. F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-pjan tal-Kummissjoni li tuża l-Impriża Konġunta tal-EuroHPC għall-koordinazzjoni tal-istrument ta’ finanzjament H2020 (u s-suċċessur tiegħu) fil-qasam tal-HPC. Il-KESE jinnota li jeħtieġ skema b’approċċ minn fuq għal isfel għall-bini ta’ infrastrutturi, filwaqt li xjenza tajba, kif imrawma permezz tal-PRACE, teħtieġ approċċ minn isfel għal fuq fejn ix-xjentisti jridu jkunu dawk li jmexxu. |
4.8. |
Il-KESE jixtieq jinkoraġġixxi aktar Stati Membri biex jingħaqdu mal-Impriża Konġunta EuroHPC u jużawha bħala opportunità biex jagħmlu profitt minn qawwa komputazzjonali ta’ livell dinji. In-netwerking huwa kruċjali għall-użu xjentifiku tal-HPC. Fid-dawl tal-kumplessità ta’ Impriża Konġunta, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex tqiegħed biżżejjed sforzi biex jispjegaw u jippromovu l-vantaġġi u l-opportunitajiet ta’ dan l-istrument legali, b’mod partikolari għal pajjiżi iżgħar u fir-rigward tal-possibbiltà għal kontribuzzjonijiet in natura. |
4.9. |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li żewġ imsieħba tal-Kummissjoni fis-sħubija pubblika-privata kuntrattwali (cPPP) bagħtu l-ittri ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Impriża Konġunta EuroHPC: il-Pjattaforma ta’ Teknoloġija Ewropea għal Computing ta’ Prestazzjoni Għolja (ETP4HPC) u l-Big Data Value Association (BDVA). Dawn jistgħu jsiru l-ewwel membri privati, li huwa ċentrali għall-parteċipazzjoni tal-industriji, inklużi l-SMEs. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-possibilità ta’ aktar imsieħba, iżda jinsisti wkoll li għal kwalunkwe sieħeb ġdid, b’mod partikolari għal dawk minn barra l-UE, għandha tiġi sodisfatta r-reċiproċità. L-UE għandha tkun tista’ tapprofitta mill-opportunità rappreżentata mill-iżvilupp tat-teknoloġija HPC sabiex jitlesta s-settur industrijali Ewropew sabiex jiġu kopruti l-ispejjeż kollha tal-katina ta’ produzzjoni (disinn, manifattura, implimentazzjoni, applikazzjoni). |
4.10. |
Superkompjuter ibbażat fuq CPU ta’ 12-il petaflop għandu konsum tal-enerġija ta’ madwar 1,5 MW. Bi gradazzjoni lineari sa exascale, l-HPC ibbażat fuq teknoloġija li teżisti llum ikun iwassal għal konsum tal-enerġija fil-medda ta’ 150 MW, li mhux aċċettabli; għalhekk l-iżvilupp ta’ mikroċipep b’enerġija baxxa huwa objettiv tal-EuroHPC. Il-KESE jirrimarka li l-mikroċipep b’enerġija baxxa għalhekk ser jaqdu rwol importanti fl-għanijiet tal-istrateġija tal-enerġija tal-UE, ikun xi jkun l-għan biex l-UE ssir indipendenti fir-rigward tal-importazzjonijiet. F’konformità mal-għanijiet imsemmijin hawn fuq, il-“European Processor Initiative”, imnedija mill-Kummissjoni Ewropea fl-2018 u appoġġjata minn konsorzju ta’ 23 imsieħeb minn 10 Stati Membri u ffinanzjata b’EUR 120 miljun, se taqdi rwol importanti fit-twettiq tal-inizjattiva HPC. |
4.11. |
Il-KESE jirrimarka li l-iżvilupp ta’ mikroċipep avvanzati b’enerġija baxxa għandu wkoll impatt fuq computing fuq skala żgħira (PCs, smartphones, is-settur awtomobilistiku) għaliex iċ-ċirkwiti integrati ta’ kwalità għolja jistgħu jiġu adattati wkoll (tnaqqis fl-iskala) għal apparat fis-suq tal-massa. Dan se jkun ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini kollha direttament u jista’ jiftaħ swieq ġodda għall-industrija tal-UE. L-HPC huwa għalhekk f’ħafna modi teknoloġija ewlenija għal soċjetà moderna. |
4.12. |
Il-KESE jirrakkomanda li ċ-ċittadini u l-impriżi jiġu infurmati dwar din l-inizjattiva importanti l-ġdida li ttieħdet mill-UE. Minn naħa waħda, ser tkun utli biex tiġi rkuprata l-fiduċja taċ-ċittadini fil-proċess tal-integrazzjoni Ewropea. Is-soċjetà ċivili organizzata tista’ tkun għodda utli għat-tixrid ta’ tali informazzjoni. Min-naħa l-oħra, kampanja ffokata ser tgħin lill-intrapriżi Ewropej, b’mod partikolari l-SMEs, biex ikunu jafu dwar l-inizjattivi li jkunu għaddejjin. Għal din ir-raġuni huwa importanti li jiġu appoġġati permezz ta’ triq speċifika l-SMEs bi produzzjoni ta’ valur miżjud għoli fl-aċċess u l-użu tal-infrastrutturi l-ġodda. |
4.13. |
L-universitajiet u ċ-ċentri ta’ riċerka għandhom ikunu involuti permezz ta’ attività ta’ komunikazzjoni speċifika li għandha l-għan li tqajjem l-interess u tħeġġeġ proġetti dwar l-HPC. Tali proċess jista’ jistimula wkoll il-ħolqien ta’ kurrikuli tal-iskejjel, il-kurrikuli vokazzjonali u l-kurrikuli akkademiċi ġodda sabiex jingħalaq id-distakk fil-ħiliet Ewropej fir-rigward tal-kompetituri globali ewlenin (10). |
4.14. |
Il-KESE jirrakkomanda li tissaħħaħ kemm jista’ jkun id-dimensjoni soċjali tal-proċess ta’ diġitalizzazzjoni bħala parti fundamentali tal-Pilastru soċjali Ewropew (11). Għal din ir-raġuni, il-Kumitat jipproponi l-istabbiliment ta’ sensiela ta’ sfidi tas-soċjetà li għandhom jinkisbu permezz ta’ infrastruttura diġitali ġdida. L-implimentazzjoni u l-użu ta’ magni ta’ livell għoli għandu jkollu impatt pożittiv evidenti u li jista’ jitkejjel fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini. |
4.15. |
Il-KESE jqis li l-HPC u t-teknoloġija quantum jirrappreżentaw żewġ miri strateġiċi għat-tkabbir u l-kompetittività Ewropej. Għalhekk il-Kumitat jirrakkomanda l-iżvilupp taż-żewġ teknoloġiji, b’mod parallel, bil-għan li jiżgura li l-UE tkun tista’ tibbenefika mill-aħjar prestazzjoni u opportunitajiet fuq perijodu medju u fit-tul. |
Brussell, it-23 ta’ Mejju 2018.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Luca JAHIER
(1) COM(2012) 45 final u ĠU C 299, 4.10.2012, p. 148.
(2) COM(2016) 178 final u ĠU C 487, 28.12.2016, p. 86.
(3) COM(2018) 8 final u Anness 1.
(4) SWD(2018) 6 final.
(5) ĠU C 487, 28.12.2016, p. 86.
(6) ĠU C 227, 28.6.2018, p. 86.
(7) ĠU C 81, 2.3.2018, p. 102.
(8) ĠU C 125, 21.4.2017, p. 51.
(9) ĠU C 125, 21.4.2017, p. 51 u ĠU C 125, 21.4.2017, p. 69.
(10) ĠU C 434, 15.12.2017, p. 30; ĠU C 173, 31.5.2017, p. 45