Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019AE1686

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2015/757 biex titqies b’mod xieraq is-sistema globali tal-ġbir tad-data għad-data dwar il-konsum taż-żejt tal-fjuwil mill-bastimenti”(COM (2019) 38 final — 2019/0017(COD))

EESC 2019/01686

ĠU C 240, 16.7.2019, p. 41–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 240/41


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2015/757 biex titqies b’mod xieraq is-sistema globali tal-ġbir tad-data għad-data dwar il-konsum taż-żejt tal-fjuwil mill-bastimenti”

(COM (2019) 38 final — 2019/0017(COD))

(2019/C 240/10)

Relatur: Constantine CATSAMBIS

Konsultazzjoni

11.2.2019, il-Parlament Ewropew

13.2.2019, Kunsill

Bażi legali

L-Artikoli 192(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Deċiżjoni tal-Bureau

19.2.2019

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

25.4.2019

Adottata fil-plenarja

15.5.2019

Sessjoni plenarja nru

543

Riżultat

(favur/kontra/astensjonijiet)

204/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Din l-Opinjoni tirreferi għall-Proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex temenda r-Regolament (UE) 2015/757 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu (1) (ir-“Regolament MRV tal-UE”). F’dan ir-rigward, qed issir referenza għall-Opinjoni tal-2013 tar-relatur Stefan Back, NAT/616 dwar l-emissjonijiet tat-trasport marittimu, dwar l-emendi proposti għar-Regolament MRV tal-2015, li jinkludi ħafna proposti importanti, inkluż l-Artikolu 22 tar-Regolament tal-2015 li ġie adottat mill-Kummissjoni, skont liema l-Kummissjoni, f’każ ta’ ftehim internazzjonali dwar sistema globali ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika, se tirrevedi r-Regolament MRV tal-UE u, jekk xieraq, tipproponi emendi sabiex tiżgura l-allinjament ma’ dak il-ftehim internazzjonali.

1.2.

Fil-fatt, fl-2016, il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar (MEPC) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) tan-Nazzjonijiet Uniti adotta emendi għall-Konvenzjoni MARPOL li tistabbilixxi l-qafas legali għal sistema globali ta’ ġbir ta’ data għall-konsum taż-żejt tal-fjuwil mill-bastimenti (“Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI tan-NU”), skont liema bdew l-obbligi ta’ monitoraġġ f’Jannar 2019.

1.3.

Il-Kummissjoni enfasizzat li allinjament parzjali taż-żewġ sistemi ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika jista’ jikkontribwixxi biex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-kumpaniji u l-amministrazzjoniet tat-trasport marittimu, filwaqt li jiġu ppreservati l-għanijiet ewlenin tar-Regolament MRV tal-UE. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni pproponiet l-allinjament limitat tar-Regolament MRV tal-UE mas-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI tan-NU b’rabta mad-definizzjonijiet, il-parametri ta’ monitoraġġ, il-pjani ta’ monitoraġġ u l-mudelli.

1.4.

Il-bidliet proposti għar-Regolament MRV tal-UE huma kif ġej:

1.4.1.

L-obbligi ta’ rappurtar f’każ ta’ tibdil ta’ kumpanija għandhom iqisu d-dispożizzjonijiet paralleli tas-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI tan-NU. Dan se jiżgura li l-istess entitajiet legali jimmonitorjaw u jirrapportaw skont perjodi ta’ rappurtar ikkalkulati b’mod simili.

1.4.2.

Il-parametru “merkanzija li qed tinġarr”jinżamm bħala parametru ta’ monitoraġġ volontarju għal dawk il-kumpaniji li huma lesti li jipprovdu kalkolu tal-effiċjenza enerġetika medja tal-bastimenti tagħhom abbażi tal-merkanzija li tinġarr.

1.4.3.

Il-parametru attwali “ħin fuq il-baħar”jinbidel bid-definizzjoni ta’ “sigħat tal-ivvjaġġar”tas-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI.

1.4.4.

Il-kalkolu ta’ “distanza vvjaġġata”għandu jieħu bħala l-bażi l-alternattivi miżmuma skont il-linji gwida rilevanti tas-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI.

1.4.5.

Il-kontenut minimu tal-pjani ta’ monitoraġġ għandu jiġi razzjonalizzat biex jitqiesu l-linji gwida tal-OMI tan-NU għall-iżvilupp ta’ Pjan ta’ Ġestjoni għall-Effiċjenza Enerġetika tal-Bastimenti, (Guidelines for the development of a Ship Energy Efficiency Management Plan (SEEMP)), għajr dawk id-dispożizzjonijiet li huma meħtieġa biex ikun żgurat li d-data relatata mal-UE biss tiġi monitorjata u rappurtata skont ir-Regolament MRV tal-UE.

1.4.6.

L-emissjonijiet tas-CO2 tal-bastimenti fil-portijiet tal-UE jridu jiġu monitorjati u rappurtati b’mod separat ukoll, biex ikun inċentivat l-użu tal-miżuri disponibbli għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 fil-portijiet tal-UE, u biex ikun hemm aktar sensibilizzazzjoni dwar l-emissjonijiet mit-trasport marittimu.

1.4.7.

Id-dispożizzjonijiet attwali tal-MRV tal-UE dwar il-verifika tad-data minn partijiet terzi akkreditati jridu jinżammu sabiex jiġi ppreservat l-għan tal-UE li tingħata informazzjoni affidabbli u li tkun komparabbli maż-żmien għal meta jittieħdu aktar deċiżjonijiet fil-livell tal-UE jew fil-livell globali.

1.5.

Il-kwistjonijiet importanti li fadal fir-rigward tal-kisba ta’ allinjament sħiħ mal-linji gwida tal-OMI dwar is-Sistema tal-Ġbir tad-Data prinċipalment jikkonċernaw l-awtoritajiet u l-modalitajiet ta’ verifika, l-elementi ta’ monitoraġġ, u l-pubblikazzjoni ta’ data kummerċjali sensittiva. L-għan ta’ eżerċizzju ta’ allinjament sħiħ tar-Regolament MRV tal-UE mas-Sistema tal-Ġbir tad-Data tal-OMI tan-NU huwa li jkun hemm uniformità regolatorja globali sabiex jiġi minimizzat il-piż addizzjonali li għandu impatt kbir, b’mod partikolari fuq kumpaniji tat-trasport marittimu żgħar u ta’ daqs medju, u biex jiġu evitati kwalunkwe rekwiżiti ta’ rappurtar doppju taħt żewġ sistemi differenti.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Fl-Opinjoni tal-2013 (2) (NAT/616 dwar l-emissjonijiet tat-trasport marittimu), il-KESE qajjem dubji dwar il-ħtieġa u l-valur miżjud tal-informazzjoni u d-data operazzjonali li jmorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-konsum u l-emissjonijiet tal-fjuwil, li għandhom jiġu mmonitorjati u rrappurtati skont ir-Regolament MRV tal-UE u, b’mod partikolari, il-ħtieġa għal informazzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 9(d)–(g) rigward il-monitoraġġ ta’ parametri abbażi ta’ kull vjaġġ u l-Artikolu 10(g)– (j) fir-rigward tal-monitoraġġ ta’ parametri fuq bażi annwali, kif ukoll l-Anness II dwar il-monitoraġġ ta’ informazzjoni (rilevanti) oħra, peress li din l-informazzjoni hija kummerċjalment sensittiva, u jistgħu jinqalgħu kwistjonijiet dwar il-valur tad-disponibbiltà ta’ din l-informazzjoni f’forma aggregata.

2.2.

B’mod ġenerali, bil-bidliet proposti bħalissa għar-Regolament MRV tal-UE, il-Kummissjoni żżomm il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-pubblikazzjoni tad-data miġbura minn bastimenti individwali. Il-bidliet proposti huma aġġustamenti tekniċi li jirrappreżentaw korrezzjonijiet tekniċi fil-livell ta’ parametrizzazzjoni. Bħala tali, ma jirrappreżentawx allinjament sħiħ tar-Regolament MRV tal-UE mas-Sistema tal-Ġbir tad-Data tal-OMI tan-NU, kif mitlub mill-OMI tan-NU u l-industrija tat-trasport marittimu fl-interventi pubbliċi tagħha, u għad hemm kwistjonijiet importanti pendenti. Dawn jikkonċernaw prinċipalment l-awtoritajiet u l-modalitajiet tal-verifika, l-elementi ta’ monitoraġġ, u l-pubblikazzjoni ta’ data kummerċjali sensittiva.

2.3.

Fil-valutazzjoni tagħha għall-emendi proposti, il-Kummissjoni għandha tqis il-fatt li l-industrija globali tat-trasport marittimu hija impenjata bis-sħiħ biex tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 b’tal-anqas 40 % sal-2030, u tkompli l-isforzi biex tikseb tnaqqis ta’ 70 % sal-2050, meta mqabbel mal-2008, u biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra b’tal-anqas 50 % sal-2050, meta mqabbel mal-2008, b’konformità mal-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi. L-OMI tan-NU adottat Strateġija Inizjali f’April 2018, li għandha tiġi riveduta fl-2023, li tipprovdi l-qafas għall-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ miżuri konkreti ta’ tnaqqis tas-CO2 fuq perjodu qasir ta’ żmien kif ukoll miżuri kandidati fuq perjodu medju sa twil ta’ żmien għall-kisba ta’ tnaqqis xieraq ta’ emissjonijiet skont l-iskedi ta’ żmien u ta’ implimentazzjoni miftiehma, b’konformità mal-pjan direzzjonali miftiehem mal-OMI tan-NU għad-dekarbonizzazzjoni minn issa sal-2050.

2.4.

Fid-dawl tal-għadd u l-kuntest tal-proposti mressqa mill-Istati Membri u mill-industrija għall-kunsiderazzjoni matul id-deliberazzjonijiet tal-OMI tan-NU li ġejjin, il-partijiet interessati kollha jidhru li qed iħabirku biex jirregolaw l-effiċjenza enerġetika tal-flotta merkantili dinjija f’perjodu ta’ żmien konkret b’informazzjoni u data preċiżi pprovduti mill-OMI tan-NU dwar l-emissjonijiet tas-CO2 mill-bastimenti.

2.5.

Il-KESE jqis li l-allinjament parzjali propost ser iwassal għal rekwiżiti ta’ monitoraġġ u rappurtar doppji, onerużi u mhux effettivi, peress li l-obbligi ta’ rappurtar għadhom taħt żewġ sistemi differenti: sistema reġjonali (Ewropea) u oħra globali (OMI tan-NU). B’riżultat ta’ dan, il-bastimenti se jkollhom jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ monitoraġġ u ta’ rappurtar kemm tar-Regolament MRV tal-UE kif ukoll tas-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI tan-NU. Il-mudelli tar-rappurtar tal-UE u tal-OMI tan-NU huma differenti, u dan iżid l-ammont ta’ xogħol, il-piż amministrattiv u l-ispejjeż għall-ekwipaġġ tal-bastimenti u t-trasport marittimu.

2.6.

L-allinjament sħiħ tar-Regolament MRV tal-UE mas-Sistema tal-Ġbir tad-Data tal-OMI tan-NU ma jservix biss l-għan li tinħoloq bażi tad-data affidabbli u unifikata internazzjonalment għall-emissjonijiet tas-CO2 tal-bastimenti, iżda jkun ukoll konformi mal-aġenda għal regolamentazzjoni aħjar tal-Kummissjoni Ewropea, li għandha l-għan ta’ regolamentazzjoni mmirata sabiex tilħaq l-għanijiet tagħha u tkun ta’ benefiċċji għall-ekonomija Ewropea bi spiża minima. Se jiżgura wkoll kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fil-livell internazzjonali għall-flotta Ewropea. L-għan ta’ eżerċizzju ta’ allinjament sħiħ tar-Regolament MRV tal-UE mas-Sistema tal-Ġbir tad-Data tal-OMI tan-NU huwa li jkun hemm uniformità regolatorja globali sabiex jiġi minimizzat il-piż addizzjonali li għandu impatt kbir, b’mod partikolari fuq kumpaniji tat-trasport marittimu żgħar u ta’ daqs medju, u biex jiġu evitati kwalunkwe rekwiżiti ta’ rappurtar doppju taħt żewġ sistemi differenti.

2.7.

Ir-Regolament MRV tal-UE jirrikjedi li l-Kummissjoni tippubblika d-data riċevuta flimkien mal-identifikaturi tal-kumpanija u tal-bastimenti individwali, sabiex din tkun tista’ tintuża minn partijiet terzi. L-għan ta-ssitema tal-OMI tan-NU huwa sempliċiment li jiġu stabbiliti l-emissjonijiet totali ta’ CO2 tas-settur tat-trasport marittimu internazzjonali sabiex jiġu ffaċilitati aktar deċiżjonijiet ta’ politika u jiġu kkunsidrati miżuri addizzjonali għat-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Madankollu, il-Kummissjoni tixtieq tippubblika data dettaljata (u kummerċjalment sensittiva) dwar bastimenti individwali li jżuru l-portijiet tal-UE/ŻEE, li tista’ tintuża ħażin. Dan jista’ jwassal għal penalizzazzjoni inġusta ta’ bastimenti, u jista’ wkoll jgħawweġ il-kompetizzjoni u jġib miegħu żvantaġġi kompetittivi kbar għas-sidien ta’ bastimenti tal-UE fis-suq globali tat-trasport marittimu u għall-bastimenti li jidħlu f’portijiet tal-UE.

2.8.

Idealment jintużaw il-mekkaniżmi eżistenti tal-OMI tan-NU dwar l-Amministrazzjonijiet tal-Istat tal-Bandiera għall-infurzar u l-implimentazzjoni, taħt sistema globali waħda u funzjonali ta’ ġbir ta’ data tal-konsum tal-fjuwil. Taħt is-sistema tal-OMI tan-NU l-informazzjoni mill-bastimenti mressqa lill-OMI tan-NU permezz tal-Istat tal-bandiera hija anonima għal partijiet terzi.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.

Għandhom jiġu nnutati l-punti tekniċi li ġejjin dwar il-proposta. Skont l-Artikolu 21(f), il-medja annwali tal-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet ta’ CO2 għal kull distanza mbaħħra u merkanzija għal vjaġġi għad trid issir disponibbli għall-pubbliku mill-Kummissjoni Ewropea. Dan jidher li huwa f’kunflitt mad-dispożizzjoni emendata l-ġdida tal-proposta fl-Artikolu 9(1)(f) (ġdid) li jiddikjara li kwalunkwe monitoraġġ (abbażi ta’ kull vjaġġ) tal-merkanzija li tinġarr għandu jkun volontarju, peress li l-bidla proposta għall-merkanzija li tinġarr hija biss element ta’ monitoraġġ volontarju u bħala tali mhijiex allinjata mas-Sitema tal-Ġbir tad-Data tal-OMI tan-NU. Barra minn hekk, minkejja l-fatt li d-definizzjoni ta’ Tunnellaġġ tal-Piż Mejjet (Dead Weight Tonnage — DWT) tal-bastiment ġiet inkluża fl-Artikolu 3(p) u fl-Artikolu 11(3)(a)(xi) tal-proposta, jidher li din il-metrika ma tiġix integrata b’mod konsistenti fl-Artikoli kollha tal-proposta, u dan jista’ jiġi interpretat bħala nuqqas ta’ fiduċja min-naħa tal-Kummissjoni fl-effiċjenza tas-Sistema tal-Ġbir tad-Data tal-OMI tan-NU.

3.2.

Il-modifiki fl-Artikolu 11(2) u fl-Artikolu 3(d) tal-proposta dwar il-bidla tal-kumpanija huma milqugħa minħabba li issa jintroduċu r-responsabbiltà ta’ dak li qabel kien is-sid, mdifika li kienet ferm meħtieġa għal każijiet fejn bidla ta’ kumpanija sseħħ matul perjodu ta’ rappurtar. Id-definizzjonijiet ta’ “kumpanija”u ta’ “perjodu tar-rappurtar”, kif ukoll l-attribuzzjoni tal-obbligi ta’ monitoraġġ u rappurtar f’każ ta’ “bidla ta’ kumpanija”issa huma aktar allinjati mad-dispożizzjonijiet paralleli tas-Sistema tal-Ġbir tad-Data tal-OMI tan-NU. Madankollu, id-deskrizzjoni li għadha kif ġiet introdotta tidher li mhix preċiża biżżejjed biex tirregola r-relazzjoni bejn il-kumpanija “qadima”u dik “ġdida”. Sabiex ikun hemm ċarezza legali massima, is-sid il-ġdid jista’ jkun legalment responsabbli mill-jum meta tidħol fis-seħħ il-bidla. L-Artikolu 11(2) (ġdid) propost jista’ jiġi emendat kif ġej:

“2.

Meta jkun hemm bidla tal-kumpanija, il-kumpanija ta’ qabel għandha tressaq rapport lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-Istat tal-Bandiera kkonċernat, kemm jista’ jkun qrib id-data meta titlesta l-bidla u mhux aktar tard minn tliet xhur warajha, li jkun fih l-istess elementi bħar-rapport dwar l-emissjonijiet iżda limitat għall-perjodu meta twettqu l-attivitajiet fir-responsabbiltà tiegħu. Il-kumpanija l-ġdida għandha tiżgura li kull bastiment jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament mid-data tat-tlestija tal-bidla.

Brussell, il-15 ta’ Mejju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE, (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55).

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar l-Emissjonijiet mit-Trasport Marittimu (ĠU C 67, 6.3.2014, p. 170).


Top
  翻译: