This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52019IE0522
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘Blockchain and distributed ledger technology as an ideal infrastructure for the social economy’(own-initiative opinion)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-blockchain u t-teknoloġija tar-reġistru distribwit bħala infrastruttura ideali għall-ekonomija soċjali”(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-blockchain u t-teknoloġija tar-reġistru distribwit bħala infrastruttura ideali għall-ekonomija soċjali”(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
EESC 2019/00522
ĠU C 353, 18.10.2019, p. 1–5
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
18.10.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 353/1 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-blockchain u t-teknoloġija tar-reġistru distribwit bħala infrastruttura ideali għall-ekonomija soċjali”
(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
([…])
Relatur: Giuseppe GUERINI
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
13.12.2018 |
Bażi legali |
Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
Sezzjoni kompetenti |
Is-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum |
Adottata fis-sezzjoni |
4.7.2019 |
Adottata fil-plenarja |
17.7.2019 |
Sessjoni plenarja nru |
545 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
179/1/2 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-KESE jappoġġja l-attivitajiet proposti mill-Kummissjoni Ewropea biex tiġi żviluppata sħubija Ewropea tal-blockchain, bit-tnedija tal-Osservatorju u l-Forum tal-UE dwar il-Blockchain. |
1.2 |
Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet irawmu l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Osservatorju u fis-Sħubija Ewropea tal-Blockchain, peress li huwa ċar li l-iżvilupp b’suċċess tal-blockchain u l-infrastruttura diġitali ġdida mhuwiex biss kwistjoni tal-IT, iżda jirrappreżenta proċess veru u proprju ta’ innovazzjoni soċjali rivoluzzjonarja. |
1.3 |
Il-KESE jemmen li l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali jistgħu jgħinu biex jippromovu sensibilizzazzjoni akbar u infurmata dwar il-potenzjal tal-blockchain, speċjalment fir-rigward tal-konverġenza ta’ bażi kulturali u metodoloġika, iffukata fuq forom ta’ governanza miftuħa u parteċipatorja, bil-għan li jinżamm livell għoli ta’ trasparenza u l-involviment taċ-ċittadini kollha fl-iżvilupp li jistgħu jwasslu għalih dawn it-teknoloġiji ġodda. |
1.4 |
L-applikazzjonijiet operattivi tat-teknoloġiji blockchain jistgħu jtejbu b’mod sinifikanti l-prestazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali, li hija ta' benefiċċju għall-istess organizzazzjonijiet, il-membri tagħhom u, fuq kollox, l-utenti finali. |
1.5 |
Il-proġetti kummerċjali bbażati fuq it-teknoloġiji ta' "reġistru distribwit" (DLT) jeħtieġu strutturi ta' governanza soda, li jipprovdu rwoli u responsabbiltajiet ċari u jappoġġjaw il-kooperazzjoni fost id-diversi partijiet ikkonċernati. |
1.6 |
Il-KESE jistieden lill-awtoritajiet pubbliċi jiżguraw li l-iżvilupp tat-teknoloġija blockchain ikun f’konformità mar-regoli dwar l-ipproċessar tad-data personali u dwar iċ-ċibersigurtà, filwaqt li jimmonitorjaw ir-riskji ta' akkapparament jew sfruttament mhux xieraq tad-data dwar ċittadini u negozji. |
1.7 |
Fir-rigward tal-bidliet profondi li jirriżultaw mit-teknoloġiji l-ġodda, il-KESE jirrakkomanda li ċ-ċittadini u l-ħaddiema jkunu protetti b’mod xieraq, inkluż permezz tal-involviment xieraq tal-imsieħba soċjali, b'mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ xogħolhom u fl-introduzzjoni ta’ pjani xierqa għat-taħriġ u għall-aġġornament tal-ħiliet tagħhom. |
1.8 |
Il-KESE jemmen li l-ħtieġa għal involviment ġenwin tal-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali u tas-soċjetà ċivili hija essenzjali biex jiġi żgurat li l-opportunitajiet kbar offruti mit-teknoloġiji l-ġodda jkunu orjentati lejn l-iżgurar ta’ benefiċċji, aċċess, trasparenza u parteċipazzjoni għal kulħadd u mhux biss għall-“elitisti l-ġodda tal-ekonomija diġitali”. |
2. Sfond u suġġett tal-inizjattiva
2.1 |
Din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja toriġina mill-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Lussemburgu, li jinkludu sejħa biex jiġi esplorat il-potenzjal innovattiv tat-teknoloġiji diġitali ġodda fl-ambitu tal-ekonomija soċjali. |
2.2 |
Fost dawn it-teknoloġiji ġodda qed jitfaċċa l-potenzjal innovattiv rivoluzzjonarju tad-diversi forom tat-teknoloġija tar-reġistru distribwit (distributed ledger technology – DLT), magħrufa bħala blockchain, li jippermettu li jiġu żviluppati applikazzjonijiet interessanti ħafna f’oqsma differenti tas-setturi tal-ekonomija u dawk soċjali. |
2.3 |
Xi karatteristiċi ta’ dawn it-teknoloġiji jagħmlu l-blockchain infrastruttura diġitali, li tista’ tintuża bi profitt mill-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali biex jilħqu aħjar l-għanijiet tagħhom, u b’hekk iżidu l-kapaċità tagħhom li jiġġeneraw impatti soċjali pożittivi u jrawmu l-innovazzjoni soċjali. |
2.4 |
Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet jiffaċilitaw l-involviment tas-soċjetà ċivili fl-Osservatorju Ewropew tal-Blockchain, peress li l-iżvilupp b’suċċess tal-blockchain u tal-infrastruttura diġitali ġdida la jista’ jiddependi biss fuq soluzzjonijiet teknoloġiċi jew tal-IT, u lanqas fuq l-inġinerija, iżda jista’ jilħaq il-milja tiegħu biss jekk dawn nagħrfu nagħmluhom il-mutur tal-innovazzjoni soċjali rivoluzzjonarja. |
2.5 |
Huwa utli li wieħed jiftakar li t-teknoloġiji DLT jiggarantixxu l-fiduċja bejn is-sħab orjentati biex jikkollaboraw u jiċċertifikaw prinċipalment it-tranżazzjonijiet u mhux il-kontenut jew il-kwalità ta' dak li hu inkluż fil-ktajjen tal-blokok. Għaldaqstant, għalkemm xi evalwazzjonijiet ottimisti ta' din it-teknoloġija jiddefinixxu t-teknoloġija bħala mezz ġdid ta' fiduċja, għandu jingħad b'mod ċar li din ma tistax tissostitwixxi l-lealtà u l-fiduċja bejn il-partijiet. |
3. Deskrizzjoni fil-qosor tal-blockchain u tat-teknoloġiji tar-reġistru distribwit
3.1 |
It-teknoloġija blockchain hija protokoll tal-IT kkonfigurat fis-snin disgħin. Madankollu, l-użu tagħha fuq skala kbira u s-suċċess tagħha huma marbuta mat-tixrid tal-kriptovaluti, li l-aktar popolari fosthom hija l-Bitcoin. Madankollu, ikun żball li l-blockchain tiġi assimilata biss mal-kriptovaluti. Fil-fatt, bis-saħħa tal-kombinazzjoni mal-qawwa komputazzjonali li dejjem qed tiżdied u mal-analiżi tad-data tas-sistemi tal-kompjuter, tat-titjib tal-konnettività fl-Ewropa u l-iżvilupp kontinwu tas-sistemi ta' intelliġenza artifiċjali, il-potenzjal tal-użu tad-DLT għal diversi skopijiet qed jikber b'mod esponenzjali. |
3.2 |
Il-blockchain hija kemm kodiċi, jiġifieri protokoll ta' komunikazzjoni, kif ukoll reġistru pubbliku li fih jiġu rreġistrati t-tranżazzjonijiet kollha bejn il-parteċipanti tan-netwerk f'ordni sekwenzjali, bi grad għoli ta' trasparenza u b'mod li ma jistgħux jiġu modifikati. |
3.3 |
Dan l-ordni ta' reġistrazzjonijiet jikkonsisti minn sett ta' "blokok" (il-partijiet tal-kodiċi) li huma marbuta ma' xulxin b'mod kriptografiku, b'hekk kull parti mill-blokka li tifforma l-katina hija traċċabbli u ma tistax tiġi modifikata. Dawn il-"blokok marbutin mal-katina" huma rreġistrati simultanjament fuq kull wieħed mill-apparati li bihom jikkollegaw il-parteċipanti tal-blockchain. Kull parteċipant huwa ħolqa fil-katina, li jikkontribwixxi sabiex tiġi vvalidata u maħżuna d-data li qiegħda tiġi skambjata. |
3.4 |
B'dan il-mod, it-tranżazzjonijiet iseħħu f'mod orizzontali u jiġu vvalidati minn għadd ta' parteċipanti, li jagħmilha impossibbli għal operatur wieħed li jimmodifika jew jeqred ir-reġistrazzjonijiet. Dan għandu jagħmel l-ipproċessar tad-data sigur u jikkonsolida l-fiduċja reċiproka bejn il-parteċipanti tal-blockchain li huma involuti fil-proċess tal-validazzjoni distribwit u deċentralizzat. Il-blockchain hija għalhekk għodda interessanti għad-definizzjoni mill-ġdid tal-kunċett ta' sigurtà tal-operazzjonijiet ta' tranżazzjoni diġitali. |
3.5 |
Huwa għalhekk li t-teknoloġija blockchain intużat l-aktar bħala infrastruttura għall-muniti virtwali, iżda għall-istess raġunijiet jista' jkollha wkoll valur soċjali, kulturali, politiku u ekonomiku. Madankollu, kwalunkwe użu ieħor fil-kuntesti ekonomiċi fiżiċi u mhux virtwali jeħtieġ l-għarfien li d-DLT ma tiżgurax il-kwalitajiet tal-kontenut li wieħed jirreferi għalih. Fi kliem ieħor, jista' jiġi ċċertifikat li prodott partikolari segwa katina tal-provvista mfassla b'mod sigur f'DLT, iżda ma jistax jingħad li dak il-prodott għandu kwalitajiet intrinsikament tajbin. |
3.6 |
Il-parteċipanti varji fi blockchain għandhom kontroll dirett fuq parti waħda mill-katina kollha u b’dan il-mod il-blockchain issir sistema deċentralizzata, li diffiċilment tiġi "dominata" minn operatur wieħed. Dan iżid is-sigurtà fil-konfront ta' attakki jew sabotaġġi, peress li jekk wieħed min-nodi fil-katina jiġi attakkat jew iġarrab ħsara, in-nodi l-oħra tar-"reġistru distribwit" jibqgħu jiffunzjonaw. |
3.7 |
It-tranżazzjonijiet li jsiru fir-reġistru distribwit permezz tal-blockchain huma traċċati u viżibbli għall-parteċipanti kollha, b'hekk it-tranżazzjonijiet jitwettqu b'mod trasparenti, mingħajr l-involviment ta' "awtorità ċentrali" jew ta' "parti terzi" li taġixxi bħala interlokutur obbligatorju jew intermedjarju. Madankollu, l-evoluzzjoni tal-kompjuters kwantistiċi, bħall-possibbiltà teoretika li jiġi "ikkontrollat" numru sostanzjali ta' nodi tan-netwerk, ma teliminax kompletament ir-riskji ta' konċentrazzjoni jew kontroll tad-DLT u lanqas dawk ta' akkapparrament u konċentrazzjoni tad-data. |
3.8 |
Dawn il-karatteristiċi jippermettu li t-teknoloġija blockchain tiżviluppa wkoll kuntratti vera u proprji u awtomatizzati, magħrufa bħala "kuntratti intelliġenti", li jagħmluha possibbli li tranżazzjoni tiġi personalizzata u dettaljata b'mod rapidu, sikur u orizzontali. B'dan il-mod, informazzjoni bażika ċċertifikata tinbidel fi dritt li jista' jiġi infurzat, li jista' jaffettwa ħafna drawwiet soċjali, ekonomiċi u politiċi. |
3.9 |
Biżżejjed wieħed jaħseb, pereżempju, fl-iżviluppi possibbli tal-gvern diġitali fl-oqsma tal-elezzjonijiet u s-sistemi ta’ votazzjoni, il-benefiċċji soċjali u tas-saħħa, u l-ġestjoni tal-akkwist pubbliku. |
3.10 |
Il-kelmiet ewlenin tat-teknoloġija blockchain – id-deċentralizzazzjoni, it-trasparenza, il-parteċipazzjoni bejn il-pari, l-affidabbiltà u l-fiduċja – huma riflessi ħafna fil-forom ewlenin ta’ organizzazzjoni li permezz tagħhom joperaw in-negozji u l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali. Dan huwa aktar u aktar minnu, jekk in-netwerks tad-DLT jiġu żviluppati b'kapaċità għolja ta' interoperabbiltà, li tippermetti lill-utenti li jużaw dawn it-teknoloġiji b'mod kollaborattiv permezz ta' apparat u għodod differenti. |
4. L-Unjoni Ewropea u l-blockchain
4.1 |
Il-KESE japprova u jappoġġja l-attivitajiet li bdew il-Kummissjoni Ewropea u bosta Stati Membri biex jiżviluppaw sħubija Ewropea tal-blockchain. Hija ta' importanza strateġika li l-Ewropa ma titlifx postha fil-kompetizzjoni internazzjonali li għaddejja għall-iżvilupp tat-teknoloġiji diġitali kollha, u li hija tħeġġeġ u tippromovi l-kollaborazzjoni bejn id-diversi atturi pubbliċi u privati għall-ħolqien ta' infrastruttura Ewropea tal-blockchain. |
4.2 |
Il-Parlament Ewropew ukoll esprima ruħu dwar dawn is-suġġetti permezz tar-Riżoluzzjonijiet 2017/2772 (RSP) u 2018/2085 (INI), fejn talbu wkoll lill-Kummissjoni Ewropea tħeġġeġ valutazzjoni fuq l-impatt soċjali tad-DLT. |
4.3 |
Daqstant importanti kienet it-tnedija tal-Osservatorju u l-Forum tal-UE dwar il-Blockchain (EU Blockchain Observatory and Forum) mill-1 ta' Frar 2018, stabbilit mill-Kummissjoni Ewropea, li diġà ppubblika għadd ta' rapporti tematiċi (1). |
4.4 |
Il-KESE huwa konvint li, sabiex jiġi żgurat li l-benefiċċji tal-blockchain ikunu żviluppati kif xieraq, jeħtieġ li jiġi promoss qafas regolatorju adegwat li jħeġġeġ u jrawwem il-kollaborazzjoni fis-settur pubbliku u privat u fis-soċjetà ċivili organizzata. B'hekk tinkiseb konverġenza soċjali, kulturali u regolatorja pożittiva, li hija meħtieġa biex jinħolqu l-opportunitajiet kollha biex jittejbu s-servizzi u l-proċessi fis-setturi pubbliċi u privati. |
5. Jistgħu l-blockchain u r-reġistru distribwit deċentralizzat ikunu infrastruttura xierqa għall-ekonomija soċjali?
5.1 |
Filwaqt li t-teknoloġija blockchain hija strument utli biex tissawwar mill-ġdid il-fiduċja fil-kuntest ta’ ekonomija diġitali globali, l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali li jużaw din it-teknoloġija jistgħu jikkontribwixxu għal ekonomija aktar demokratika, billi jippromovu t-tixrid ta' ekonomija soċjali diġitali. |
5.2 |
Il-kriżijiet finanzjarji dgħajfu l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet finanzjarji. Il-fiduċja saret riżorsa soċjali skarsa, u t-tħassib dejjem jikber dwar is-sigurtà tad-data miġbura u miżmuma minn xi operaturi ekonomiċi kbar jagħmilha saħansitra aktar skarsa. |
5.3 |
L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, li għandhom il-karatteristika li jkunu mifruxa ħafna, ibbażati fuq il-livell lokali u fil-komunitajiet lokali, jistgħu jaqdu rwol importanti biex jappoġġjaw tixrid usa' ta’ opportunitajiet fost iċ-ċittadini Ewropej. Għalhekk jistgħu jikkontribwixxu b'mod pożittiv għall-promozzjoni ta' konverġenza etika u ta' valur bejn l-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni teknoloġika, u jimxu lejn mudell ta' żvilupp li jirrifletti l-interessi komuni. |
5.4 |
Hemm bosta applikazzjonijiet operattivi konkreti tat-teknoloġiji blockchain li jistgħu jintużaw f'organizzazzjonijiet tal-ekonomija. |
5.5 |
L-ewwel nett, teknoloġija li żżid il-livell ta' trasparenza u fiduċja tista' faċilment tintuża biex isiru donazzjonijiet u ġbir ta' fondi sikuri u traċċabbli, pereżempju billi tippermetti donatur li jiffinanzja NGO biex isegwi l-fluss u d-destinazzjoni tar-riżorsi li jkun ta. Minn angolu differenti, l-istess NGO tista' tattrezza lilha nnifisha b'sistema li tagħmilha possibbli li tirrapporta b'mod dettaljat dwar kull fluss ta' nefqa, filwaqt li jiġi żgurat li r-riżorsi investiti jintużaw fil-fatt għall-finijiet maħsuba. |
5.6 |
Bl-adozzjoni tat-teknoloġija blockchain, ħafna organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali jistgħu jtejbu b’mod sinifikanti l-ġestjoni tal-governanza tagħhom, billi jagħmluha aktar sigura u traċċabbli (konsultazzjoni tal-membri u l-proċeduri ta' votazzjoni) billi jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni u l-involviment anke meta l-membri jkunu mifruxa f'territorji deċentralizzati, jew ikunu daqstant numerużi li tkun diffiċli li jsiru l-laqgħat ġenerali tradizzjonali. |
5.7 |
Ħafna attivitajiet ta' produzzjoni kulturali, mit-taħriġ għall-arti, jitwettqu minn organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali. L-assoċjazzjonijiet u l-kooperattivi fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll tad-divertiment u l-produzzjonijiet artistiċi jew intellettwali, ikunu jistgħu jużaw it-teknoloġija blockchain kemm biex jawtentikaw l-attivitajiet li jsiru mill-bogħod, kif ukoll biex jippersonalizzawhom skont il-ħtiġijiet tal-utenti. Madankollu, it-teknoloġija blockchain tista' tintuża b'mod partikolari biex id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u tal-awtur ikunu aktar ċari u ċerti, billi tistabbilixxi "kuntratti intelliġenti" għat-trasferiment tal-kontenut. |
5.8 |
Fil-qasam tat-taħriġ u l-edukazzjoni, għaċ-ċertifikazzjoni ta' ħiliet, il-blockchain tista' tuża s-sigurtà ta' kwalifiki edukattivi u diplomi f'format diġitali, kif ukoll il-ħruġ ta' ċertifikati diġitali li jaġġornaw b'mod awtomatiku s-CV ta' ħaddiema jew studenti. |
5.9 |
Nistgħu nantiċipaw bosta applikazzjonijiet sinifikanti fil-qasam tas-saħħa, tal-kura personali u tal-assistenza soċjali, kemm fir-rigward tal-ħżin sigur tad-data u l-informazzjoni, kif ukoll l-aċċess u l-identifikazzjoni tal-persuni megħjuna. F'dawn l-oqsma, ħafna organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali huma involuti f'ħidma mill-qrib ta' dawk li huma fil-bżonn, inkluż f'żoni deċentralizzati, fejn il-possibbiltà li jiġu implimentati sistemi tat-telemediċina u tat-teleassistenza siguri jista' jkollha impatt sinifikanti fuq il-kwalità tal-ħajja tan-nies. |
5.10 |
Dawn it-teknoloġiji spiss jeħtieġu ħiliet u riżorsi li mhumiex disponibbli għal kulħadd. Dan huwa b'mod partikolari l-każ tal-persuni l-aktar vulnerabbli bħall-anzjani, il-foqra, il-persuni b'diżabbiltà, il-minorenni u l-familji emarġinati. Għal dawn is-sezzjonijiet tal-popolazzjoni, li lkoll għandna dmir li naħsbu fihom, l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali jistgħu jistabbilixxu punt ta' aċċess fundamentali. |
5.11 |
Ħafna kooperattivi attivi fis-settur agrikolu qed jikkunsidraw teknoloġiji ġodda biex jagħmlu l-prodotti tagħhom traċċabbli u identifikabbli b'ċertezza sħiħa, filwaqt li jevitaw il-frodi u l-falsifikazzjoni li jagħmlu ħsara lill-produtturi u lill-konsumaturi. Minn barra dan, it-teknoloġija blockchain tista’ tagħmel ir-relazzjoni bejn kooperattiva agrikola u l-produtturi membri tagħha aktar ċerta u trasparenti, inkluż it-tnaqqis tal-ispejjeż ta' servizzi bħall-assigurazzjoni kontra riskji marbuta ma' diżastri naturali. |
5.12 |
Kif inhu magħruf, l-ewwel applikazzjonijiet tal-blockchain ġew adottati biex jiġu żviluppati kriptovaluti u sistemi ta' ħlas bejn il-pari. Dan jista' jkun utli fis-settur tal-ekonomija soċjali biex jiġu ġestiti kemm it-tranżazzjonijiet ta' crowdfounding, kif ukoll sistemi ta' ħlas komplementari utli għal tranżazzjonijiet ta' mikrokreditu mmirati lejn persuni mhux bankarji, jew għall-immaniġġjar ta' netwerks ta' mikroinvestiment etiku favur ċirkwiti ta' ekonomija komunitarja. |
5.13 |
L-assoċjazzjonijiet ambjentali u l-intrapriżi soċjali huma wkoll atturi ewlenin fil-qasam tat-tnaqqis tal-iskart, il-ġbir u t-trattament divrenzjali tal-iskart. F'dawn il-kuntesti wkoll, il-potenzjal tar-reġistri distribwiti deċentralizzati jista' jintuża biex itejjeb is-servizzi għaċ-ċittadini. |
5.14 |
Il-kooperattivi tal-enerġija rinnovabbli, li diġà huma aktar minn 1 500 fl-Ewropa u jinvolvu aktar minn miljun ċittadin attiv fit-tranżizzjoni tal-enerġija, jistgħu jottimizzaw in-netwerk ta' distribuzzjoni u t-tranżizzjonijiet tagħhom bl-użu tat-teknoloġija blockchain. |
5.15 |
Il-kwistjoni tal-enerġija hija aspett importanti ħafna għall-blockchain, peress li r-reġistrazzjoni simultanja tad-data u l-katini tal-blokka fuq għadd ta' servers u apparati deċentralizzati jiġġenera użu għoli ħafna tal-enerġija, li xorta jservi biex jiġi ottimizzat l-użu tal-enerġija biex it-teknoloġija blockchain tkun aktar sostenibbli. |
5.16 |
Peress li ġie stabbilit li t-teknoloġija blockchain kapaċi ġġib żviluppi pożittivi maġġuri, huwa importanti li wieħed iqis li huwa impossibbli li tinbidel id-data rreġistrata permezz tal-blockchain. Għaldaqstant, jeħtieġ li r-regolamentazzjoni pubblika tiggarantixxi li l-iżilupp ta' din it-teknoloġija jseħħ f'konformità mar-regoli dwar l-ipproċessar tad-data personali ("GDPR"), b'referenza partikolari għad-dritt li wieħed ikun "minsi". |
5.17 |
Huwa importanti li r-regoli viġenti dwar dawn il-kwistjonijiet jiġu adattati kontinwament, kemm b'mod dirett kif ukoll permezz tal-interpretazzjoni tagħhom, għall-bidla teknoloġika rapida ħafna li tkun għaddejja. Dan huwa l-uniku mod biex jiġi żgurat li l-iżviluppi pożittivi mistennija mit-teknoloġija blockchain ma jimxux id f'id ma' żviluppi avversi u implikazzjonijiet problematiċi. |
5.18 |
It-teknoloġija blockchain se jkollha effetti sinifikanti fuq is-suq tax-xogħol; bosta impjiegi se jisparixxu, impjiegi oħra se jinbidlu bil-kbir, filwaqt li impjiegi oħra se jiżviluppaw u jevolvu mill-istruttura attwali tagħhom. Il-KESE jqis li huwa importanti li l-ħaddiema jiġu protetti b'mod adegwat, b'mod partikolari billi jiġu stabbiliti pjani ta' taħriġ adegwati u strumenti ta' politiki attivi tax-xogħol implimentati bl-involviment tal-imsieħba soċjali. |
5.19 |
Il-potenzjal enormi tat-teknoloġiji diġitali ġodda u l-ispejjeż għolja tal-investiment meħtieġ jesponu t-teknoloġija blockchain għar-riskju ta' konċentrazzjoni ta' apparati li huma kapaċi jħaddmuha. B'riżultat ta' dan, minbarra l-potenzjal ta' demokratizzazzjoni tan-netwerk, hemm ir-riskju wkoll li d-data u n-netwerks teknoloġiċi jiġu kkapparrati b'mod spekulattiv f'idejn il-ftit atturi jew il-pajjiżi li huma kapaċi jagħmlu investimenti kbar. Għalhekk, huwa importanti li jkun hemm interventi pubbliċi li jappoġġjaw l-iżvilupp parteċipatorju u aċċessibbli ta' dawn it-teknoloġiji. |
Brussell, is-17 ta’ Lulju 2019.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Luca JAHIER
(1) "Blockchain Innovation in Europe" (L-Innovazzjoni tal-Blockchain fl-Ewropa) f'Lulju 2018, "Blockchain e General Data Protection Regulation (GDPR)" (Il-Blockchain u r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) f'Ottubru 2018, "Blockchain for Government and Public Services" (Il-Blockchain għall-Gvern u s-Servizzi Pubbliċi) f'Diċembru 2018, "Scalabilità, interoperabilità e sostenibilità delle blockchain" (Skalabbiltà, interoperabbiltà u sostenibbiltà tal-Blockchain) f'Marzu 2019, "Blockchain and Digital Identity" (Il-Blockchain u l-Identità Diġitali) f'Mejju 2019.