Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020IE1715

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-UE u l-Afrika: Nagħmlu s-sħubija għall-iżvilupp ugwali realtà abbażi tas-sostenibbiltà u l-valuri komuni” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

EESC 2020/01715

ĠU C 429, 11.12.2020, p. 105–113 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 429/105


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-UE u l-Afrika: Nagħmlu s-sħubija għall-iżvilupp ugwali realtà abbażi tas-sostenibbiltà u l-valuri komuni”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2020/C 429/15)

Relaturi:

Dimitris DIMITRIADIS (EL-I)

Dilyana SLAVOVA (BG-III)

Thomas WAGNSONNER (AT-II)

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

20.2.2020

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta' Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni

Adottata fis-sezzjoni

24.2.2020

Adottata fil-plenarja

16.9.2020

Sessjoni plenarja Nru

554

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

216/1/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

F'dinja li qed tinbidel malajr bi problemi sinifikanti iżda wkoll b'opportunitajiet ġodda, l-Ewropa għandha obbligu: li tuża l-legat multikulturali, istituzzjonali u soċjoekonomiku tagħha biex tippermetti żvilupp sostenibbli globali. L-isfidi li qed jiffaċċjaw il-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-Afrika huma kumplessi ħafna u jeħtieġ li nindirizzawhom b'approċċ sensittiv u multidimensjonali. Ma nistgħux nagħtu biss pariri b'intenzjonijiet tajba, iżda huma meħtieġa wkoll mezzi finanzjarji kbar ħafna mill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jiġu investiti fl-Afrika bil-għan li jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs). Dan għandu jkun l-iskop ewlieni tas-sħubijiet internazzjonali tal-UE, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem universali, li huma valuri komuni essenzjali, għandu jkun il-pedament għal kwalunkwe impenn politiku fi sħubija għall-iżvilupp ugwali mal-Afrika.

1.2.

Skont il-Kunsens Ġdid għall-Iżvilupp tal-UE, il-KESE jirrakomanda l-promozzjoni ta' ħajja deċenti u prospetti tajbin, il-ħolqien ta' klassi medja u appoġġ għal sħubijiet ugwali billi jissaħħu l-istrutturi soċjali-liberali demokratiċi sostenibbli fl-Afrika, skont id-drittijiet tal-bniedem universali (1), inklużi d-drittijiet fundamentali tax-xogħol (Id-Dikjarazzjoni dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), li tinkludi l-Istandards Fundamentali tax-Xogħol, u d-Dikjarazzjoni Tripartitika dwar il-Prinċipji li Jikkonċernaw l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali), il-libertà ta' intrapriżad-dritt għal ambjent tajjeb għas-saħħa, kif ukoll l-SDGs. Il-KESE jilqa' l-Komunikazzjoni Konġunta Lejn Strateġija komprensiva mal-Afrika (2) u jfittex li jikkontribwixxi għat-titjib tal-istrateġija komprensiva l-ġdida tal-UE mal-Afrika.

1.3.

Is-sitwazzjoni attwali tiżvela sfidi kritiċi iżda wkoll prospetti promettenti għall-kooperazzjoni ta' żvilupp bejn l-UE u l-Afrika. L-Afrika tinkludi l-biċċa l-kbira tal-għoxrin ekonomija tad-dinja li qed jikbru bl-akbar rata mgħaġġla. Sal-2035, din ser ikollha l-akbar forza tax-xogħol potenzjali. Sħubija ta' kummerċ u investiment ta’ livell għoli, ibbażata fuq id-drittijiet tal-bniedem universali u s-sostenibbiltà, hija meħtieġa għaż-żewġ naħat, u l-enfasi għandha tkun fuq l-iżvilupp, minflok ma l-fondi għall-iżvilupp jintużaw għas-sigurtà tal-fruntieri.

1.4.

Il-KESE jilqa' ż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Kontinentali Afrikana (CFTA), għax din issaħħaħ il-kummerċ fi ħdan il-kontinent, tnaqqas id-dipendenzi u titbiegħed minn approċċ immexxi biss minn esportazzjonijiet lejn pajjiż ieħor. Din tista' tkun l-ewwel pass essenzjali lejn żona ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Afrika. Il-KESE jtenni r-rwol importanti ta' soċjetà ċivili organizzata fil-ftehim ta' wara Cotonou.

1.5.

Investiment fit-tul fl-infrastruttura intra-Afrikana biex jitrawmu ktajjen tal-valur reġjonali u ekonomija lokali sostenibbli jagħmel sens ekonomiku, huwa ekoloġikament sostenibbli u joħloq kapaċitajiet ta' produzzjoni, inklużi impjiegi lokali u ta' kwalità. Approċċ immirat biss lejn l-esportazzjonijiet lejn pajjiż ieħor mhuwiex sostenibbli. B'mod partikolari, il-kollaborazzjoni ekonomika interkontinentali għandha tiffavorixxi il-produzzjoni lokali fl-Afrika, li s-setturi ewlenin tagħha għandhom ikunu l-agrikoltura sostenibbli, l-enerġija u l-ekonomija ċirkolari, kif ukoll is-setturi tradizzjonali relatati mal-materja prima u l-kostruzzjoni, li għad għandhom bżonn jiġu riformati f'konformità mal-SDGs. Il-fondi pubbliċi mhux neċessarjament se jintużaw għall-investimenti privati fl-Afrika, għad-detriment tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp konvenzjonali. Għalhekk, is-sistemi ta' monitoraġġ, verifika u evalwazzjoni li jinvolvu ħafna lis-soċjetà ċivili organizzata huma assolutament vitali.

1.6.

Is-soċjetà ċivili, is-sħubijiet soċjali, l-ekonomiji tas-suq soċjali u s-sistemi ta' stat soċjali għandhom ikunu mudelli ta' suċċess biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp sostenibbli fl-Afrika, anke jekk imfassla apposta skont il-kultura lokali u ċ-ċirkostanzi soċjoekonomiċi. Il-prijoritajiet għall-appoġġ ta' pajjiżi Afrikani m'għandhomx jiffukaw biss fuq il-kummerċ u l-investiment iżda wkoll, u b'mod partikolari, fuq il-politika dwar it-taxxa, il-migrazzjoni, l-iżvilupp, l-ambjent, l-edukazzjoni, is-saħħa, u l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-għajxien. Dan huwa saħansitra aktar importanti fid-dawl tal-kriżi attwali tal-COVID-19 (coronavirus), li minnha l-Afrika se ssofri bil-kbir.

1.7.

Għandha tinbena infrastruttura li tassigura l-kwalità biex il-prodotti Afrikani jkunu jistgħu jilħqu l-istandards tas-swieq fil-mira tagħhom. Għandha tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li l-liġijiet li jikkonformaw mal-SDGs jiġu rrispettati. Bl-istess mod, sistemi ta' diliġenza dovuta b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem, li jinkludu r-regoli tal-UE, ikunu ta' għajnuna kbira (3).

1.8.

Erasmus+ għandu jiġi estiż sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Afrika. Is-sħubija għall-iżvilupp UE-Afrikana għandha tappoġġja b'aktar qawwa il-ħolqien ta' sistemi edukattivi pubbliċi lokali, mill-pedagoġiji għat-tfal żgħar sal-livell universitarju u edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, inkluż l-apprendistati u s-sistemi ta' tagħlim tul il-ħajja. “Eżodu ta' mħuħ” mill-Afrika lejn l-UE għandu jiġi evitat. L-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-għoti tas-setgħa lin-nisa għandhom rwol ċentrali fil-kisba ta’ żvilupp sostenibbli.

1.9.

L-emanċipazzjoni tan-nisa fl-Afrika hija prijorità għall-KESE, li jħeġġeġ lill-Istituzzjonijiet u lis-Soċjetà Ċivili biex jaħdmu favur l-ugwaljanza sħiħa bejn il-ġeneri fil-livelli soċjali u ekonomiċi differenti u b’mod attiv u kostanti.

1.10.

Il-migrazzjoni ta' ritorn hija kwistjoni kruċjali f'ħafna aspetti. Huwa biss l-iżvilupp ekonomiku, ambjentali u soċjali li se jikkumbatti l-kawżi tal-migrazzjoni involontarja.

1.11.

Korporazzjoni Finanzjarja ta' Dijaspora Afrikana internazzjonali tista' tkun il-pjattaforma ideali biex jiġu diretti l-investimenti, immexxija minn korpi Afrikani u użata għall-bżonnijiet Afrikani. Din tista' tkun ukoll għażla għall-investituri tal-UE.

1.12.

L-Afrika kibret b'mod qawwi tul l-aħħar deċennju, li wassal għat-tbassir li d-domanda għall-enerġija tal-kontinent se tirdoppja sal-2050, bir-rati ta' faqar jibqgħu persistentement għoljin. Dan jipperpetwa, jekk mhux jiggrava, kwistjonijiet ta' sostenibbiltà fir-rigward ta' aspetti ambjentali u soċjoekonomiċi.

1.13.

Madankollu, jistgħu jfiġġu opportunitajiet: (i) il-pajjiżi Afrikani jista' jkollhom rwol ewlieni fil-bidla tal-enerġija solari għall-elettriku permezz tat-teknoloġija solari fotovoltajka; din tista' twassal ukoll għall-produzzjoni fuq skala kbira ta' fjuwils sintetiċi; (ii) possibiltajiet speċifiċi għal proġetti konġunti, attivitajiet u politiki ta' negozju jistgħu joħolqu approċċ ġdid ta' ekonomija tas-suq soċjoekoloġika.

1.14.

L-industriji tal-agrikoltura u tal-ikel fl-Afrika għandhom jiġu appoġġjati, biex itejbu l-kultivazzjoni, inaqqsu t-telf tal-ħsad u jtejbu l-istandards ta' kwalità. Objettivi oħrajn fis-settur agroalimentari huma l-iżvilupp ta' metodi ġodda ta' kummerċjalizzazzjoni u ta’ produzzjoni, il-promozzjoni ta' awtoorganizzazzjoni kooperattiva fost il-bdiewa, is-sigurtà tal-ikel, u ż-żieda fil-kummerċ tul il-katina kollha tal-valur. Il-KESE jopponi b'mod partikolari “il-ħtif tal-art” fl-Afrika.

1.15.

Il-partijiet interessati fl-UE u fl-Afrika għandhom jaħdmu flimkien biex jagħmlu l-Patt Ekoloġiku realtà bil-għan li tiġi salvata l-pjaneta u tinħoloq ħajja deċenti għal kulħadd. Bl-involviment istituzzjonalizzat tas-soċjetà ċivili organizzata, nistgħu faċilment nipprattikaw l-awtoriflessjoni u nevitaw żbalji tal-passat permezz ta' mezzi ġodda. L-iżvilupp sostenibbli jista' jinkiseb biss jekk joriġina minn pajjiż stess u jiġi xprunat internament.

1.16.

L-adozzjoni ta' approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem universali, l-iżvilupp ta' strutturi governattivi demokratiċi, it-titjib tal-governanza ekonomika u finanzjarja permezz ta' ġestjoni trasparenti tal-finanzi pubbliċi, u l-ħolqien ta' sistemi kredibbli biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni abbażi ta' ġudikatura indipendenti lkoll jikkontribwixxu biex jiġu stabbiliti msieħba b'saħħithom, awtodipendenti u stabbli fin-negozju u l-iżvilupp.

2.   Sfond u objettivi ewlenin tal-Opinjoni

2.1.

L-UE27 hija l-akbar sieħeb fl-oqsma tal-kummerċ u l-investiment tal-Afrika. Il-KESE jilqa' l-Komunikazzjoni Konġunta Lejn Strateġija komprensiva mal-Afrika (4), li tipproponi sħubijiet relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika u l-aċċess għall-enerġija, it-trasformazzjoni diġitali, it-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi, u l-paċi u l-governanza.

2.2.

Tnejn u ħamsin pajjiż Afrikan għandhom xi forma ta' arranġament kummerċjali mal-UE. Ftehimiet ta' assoċjazzjoni jeżistu ma' erba' pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq u negozjati dwar Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA) jinsabu għaddejjin mal-Marokk u t-Tuneżija. L-UE nnegozjat ħames ftehimiet ta' sħubija ekonomika (FSE) ma' organizzazjonijiet reġjonali Afrikani. Dawn huma bbażati fuq il-Ftehim ta' Cotonou u l-objettivi tiegħu biex jiġu aġġornati r-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) skont ir-regoli tad-WTO.

2.3.

Il-KESE jtenni l-approċċ tiegħu: jixtieq jiżgura ħajja deċenti u prospetti tajbin għal kulħadd, il-ħolqien ta' klassi medja (konxju mill-korrelazzjoni bejn il-migrazzjoni u l-introjtu) u appoġġ għal sħubijiet ugwali billi jissaħħu l-istrutturi soċjali-liberali demokratiċi sostenibbli. Madankollu, it-tradizzjonijiet u l-aħjar prattiki li kienu jeżistu qabel għandhom jiġu rrispettati. Il-KESE tkellem favur politika għall-iżvilupp li toħloq prospetti, strutturi tajbin u opportunitajiet ekonomiċi għal kulħadd fl-Afrika.

2.4.

L-investiment minn barra l-Afrika qiegħed dejjem jiżdied. Pereżempju, iċ-Ċina qed tinvesti bħala parti mill-Forum dwar il-Kooperazzjoni bejn iċ-Ċina u l-Afrika (FOCAC) u l-Inizjattiva “Belt and Road”. Inizjattivi oħrajn u inqas estensivi jinkludu l-Istazzjon ta' Sħubija mal-Afrika tal-Istati Uniti u s-Summit Russja-Afrika tal-2019.

2.5.

Id-drittijiet tal-bniedem universali, inklużi d-drittijiet fundamentali tax-xogħol, il-libertà ta' intrapriża, id-dritt għal ambjent tajjeb għas-saħħal-istat tad-dritt huma valuri komuni essenzjali. Flimkien mal-SDGs, dawn jiffurmaw standard minimu maqbul internazzjonalment għall-programmi ta' żvilupp u huma l-bażi għal sħubija għall-iżvilupp ugwali.

2.6.

Dawn il-valuri huma skont il-kunsens il-ġdid tal-UE għall-iżvilupp, li jfittex ukoll li jqis l-impatti fuq l-iżvilupp ta' politiki oħra permezz tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp.

2.7.

Din l-Opinjoni tidentifika aspetti kritiċi għal sħubija għall-iżvilupp serja u ugwali u tanalizza s-sitwazzjoni u l-isfidi attwali fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika.

3.   Sfidi attwali

Ħajja deċenti, ir-responsabbiltà ekoloġika u l-prospetti tajbin huma kruċjali għas-sopravivenza tagħna. Jeħtieġ li nindirizzaw it-tibdil fil-klima u naħsbu b'mod aktar responsabbli u kooperattiv. L-approċċ tradizzjonali tal-politika industrijali u t-tkabbir huwa mudell ta' żvilupp skadut li se jeqred il-pjaneta u jwassal għal spiża enormi għas-soċjetà. B'mod speċjali fl-Afrika, in-nies mhux biss jeħtieġu li jinħarġu minn faqar estrem, imma għandhom ikunu jistgħu jieħdu sehem b'mod attiv fis-soċjetà (akkomodazzjoni, ikel, saħħa, edukazzjoni). Ir-Rapport dwar ir-Riskji Globali tal-Forum Ekonomiku Dinji tal-2017 enfasizza il-problema tal-inugwaljanza madwar id-dinja bħala l-akbar xprunatur għar-riskji assoċjati mal-isfidi politiki reċenti. In-nisa u l-gruppi vulnerabbli huma saħansitra aktar milquta u esklużi mill-parteċipazzjoni fis-soċjetà meta jkun hemm nuqqas ta' opportunitajiet.

3.1.   Aspetti ekonomiċi

3.1.1.

Il-biċċa l-kbira tal-għoxrin ekonomija tad-dinja li qed jikbru b'rata mgħaġġla jinsabu fl-Afrika u sal-2035, l-Afrika ser ikollha l-akbar forza tax-xogħol potenzjali. L-Afrika hija l-post qed ifiġġu s-swieq globali, il-klijenti u l-impjegati tal-futur. Għalhekk, il-maġġoranza tal-isfidi globali attwali jistgħu jiġu indirizzati biss flimkien ma' msieħba Afrikani b'saħħithom. Hija meħtieġa sħubija ugwali ta' kummerċ u investiment, ibbażata fuq id-drittijiet tal-bniedem universali u s-sostenibbiltà. EUR 600 biljun huma meħtieġa kull sena biex jinkisbu l-SDGs fl-Afrika (5). Għalhekk, il-KESE jirrikonoxxi l-bżonn enormi ta' investiment privat.

3.1.2.

Il-politika kummerċjali għandha tqis koerenza għall-iżvilupp b'mod partikolari b'rabta mat-tariffi, l-akkwisti u t-taxxi, għandha tqis assimetriji eżistenti, speċjalment skont il-ftehimiet ta' sħubija ekonomika (FSE) (6), għandha tappoġġja l-integrazzjoni reġjonali, għandha tinkludi taqsimiet dwar is-sostenibbiltà li jkunu vinkolanti u sanzjonabbli, u għandha timmodifika l-protezzjoni tal-investiment sabiex id-drittijiet tal-bniedem universali kollha jiġu rrispettati.

3.1.3.

Il-KESE jilqa' ż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Kontinentali (AfCFTA), peress li din issaħħaħ il-kummerċ fi ħdan il-kontinent, tnaqqas id-dipendenza u titbiegħed minn approċċ immexxi biss minn esportazzjonijiet lejn pajjiż ieħor. Hija tiffavorixxi żona ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Unjoni Afrikana (UA) taħt ftehim wieħed, li għandu jqis id-diversità u l-qawwiet ekonomiċi tal-Istati Afrikani individwali.

3.1.4.

Aktar ma jmur, fondi li tradizzjonalment ikunu allokati għall-iżvilupp qed jintużaw bħala ingranaġġ għall-investimenti privat, li m'għandhomx ikunu għad-detriment tal-kooperazzjoni tradizzjonali għall-iżvilupp. L-hekk imsejħa “Bonds ekoloġiċi” li huma speċifikament diretti lejn proġetti sostenibbli, jistgħu ikunu mod tajjeb kif jiġu allokati investimenti privati fl-Afrika. L-investimenti kollha, pubbliċi jew privati, għandhom ikunu assolutament mmonitorjati, ivverifikati u evalwati bl-involviment tal-OSĊ biex ikun iggarantit li qed jintużaw biex jintlaħqu l-SDGs u l-objettivi ta' żvilupp u li huma konformi mad-drittijiet tal-bniedem universali. Fl-istess ħin, il-KESE innota li l-fondi Ewropej għall-iżvilupp intużaw biex jittaffew kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena fl-Afrika (7).

3.1.5.

L-agrikoltura hija settur ekonomiku ewlieni fl-Afrika (aktar minn 60 % tal-Afrikani jaħdmu fl-agrikoltura, l-aktar ta' spiss f'biedja ta' sussistenza żgħira). F'ekonomiji industrijalizzati u emerġenti, hemm tellieqa biex jiġi żgurat raba' li jinħadem fl-Afrika (8). In-nuqqas ta' reġistri uffiċjali jew preċiżi jiffaċilita l-ħtif tal-art u jżomm lura liż-żgħażagħ Afrikani milli jaċċessaw l-art agrikola. Ħafna investimenti bbażati fuq l-art madwar id-dinja qed isiru fl-Afrika, inklużi investimenti tal-UE fuq skala kbira. Esperti fil-qasam tal-iżvilupp iwissu li fis-Savana tal-Guinea, sa 4 miljun kilometru kwadru ta' raba' li jinħadem qed ikunu fil-mira ta' intrapriżi agrikoli internazzjonali (inkluż Ewropej) (9). Il-produzzjoni globali tal-ikel jeħtieġ li tiżdied b'70 % sal-2050 (10), li se tirrikjedi żieda ta' 97 % f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li fl-istess ħin ir-raba' li jinħadem qed jintuża dejjem aktar għall-produzzjoni ta' ekofjuwils u ingredjenti għall-industrija tal-kimika. Is-sigurtà tal-ikel hija saħansitra aktar importanti minħabba l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19.

3.2.   Aspetti soċjali

3.2.1.

Il-kunċetti ta' soċjetà ċivili, sħubijiet soċjali u ekonomija soċjali tas-suq ħadmu tajjeb ħafna fl-Ewropa.

3.2.2.

Il-proġetti tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jidhru li qed jilħqu objettivi usa' ta' sostenibbiltà u jużaw approċċ aħjar għall-iżvilupp. Madankollu, il-PE, il-KE u l-OSĊs esprimew it-tħassib tagħhom dwar l-operat tal-BEI. Dawn enfasizzaw il-bżonn li fl-operat tiegħu tittejjeb id-diliġenza dovuta fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem. Din hija ta' importanza kbira jekk dan irid joffri appoġġ kredibbli (11).

3.2.3.

Dispożizzjonijiet li jippermettu lill-Ewropej jikkontestaw il-liġijiet li huma konformi mal-SDGs jagħmlu ħsara lill-kredibbiltà tagħna:

ix-xogħol deċenti jinkludi paga għall-għajxien; li wieħed jikkontesta dan mhuwiex konformi mal-approċċ ta' żvilupp li għandna bżonn nieħdu (eż. L-każ Veolia v. Egypt);

L-investimenti tal-UE għandhom jiġu protetti, iżda rridu nissalvagwardjaw il-liġijiet tax-xogħol, tal-ambjent u tal-protezzjoni tal-konsumatur.

3.2.4.

Is-sħubija tagħna għall-iżvilupp għandha tappoġġja b'mod aktar qawwi l-ħolqien ta' sistemi edukattivi pubbliċi lokali, mill-pedagoġiji għat-tfal żgħar sal-livell universitarju. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-edukazzjoni vokazzjonali, inkluż l-apprendistati, u s-sistemi ta' tagħlim tul il-ħajja. L-esperjenza tal-Ewropa tista' tkun utli fl-iżvilupp ta' sistemi edukattivi fl-Afrika.

3.2.5.

L-ispiża tal-kummerċ fl-Afrika ħafna drabi hija għolja u ħafna pajjiżi għadhom ma jikkonformawx mal-istandards internazzjonali ta' kwalità, sikurezza u dawk ekoloġiċi. Għandha tinbena infrastruttura li tassigura l-kwalità biex tappoġġja li l-merkanzija Afrikana tissodisfa l-istandards tas-swieq fil-mira tagħha, anke fl-Afrika. B'mod partikolari, l-appoġġ għall-pajjiżi Afrikani għandu jkun immirat lejn il-kundizzjonijiet ambjentali, tas-saħħa u tax-xogħol u l-istrutturi ta' protezzjoni.

3.2.6.

Is-sistemi soċjali Ewropej żviluppaw b'suċċess abbażi tas-solidarjetà u billi huma msejsa fil-valuri fundamentali li huma komuni fost il-movimenti politiċi ewlenin kollha. Sistemi ta' assigurazzjoni soċjali, mudelli kooperattivi u servizzi pubbliċi ppermettaw lin-nies jiksbu l-ġid u li jiffukaw il-forzi tas-suq mhux biss biex jonqos il-faqar u jiġi stimulat it-tkabbir ekonomiku, iżda wkoll biex jippromovu d-demokraziji parteċipattivi.

3.2.7.

Dan huwa ferm aktar importanti meta jitqiesu l-isfidi tal-kriżi tal-COVID-19, li minnha l-Afrika se ssofri bil-kbir. Skont data tan-NU, l-Afrika ġġorr 24 % tal-piż globali tal-mard, bil-Malarja tkun problematika b'mod partikolari, iżda għandha biss 3 % tal-ħaddiema dinjija fis-settur tas-saħħa. Huwa magħruf sew li pajjiżi li jħarrġu ħaddiema fis-settur tas-saħħa jsofru telf finanzjarju meta dawn il-professjonisti jemigraw lejn pajjiżi industrijalizzati (12).

3.2.8.

Huwa biss l-iżvilupp ekonomiku, ambjentali u soċjali li se jikkumbatti l-kawżi tal-migrazzjoni involontarja. Għandna ninkludu d-drittijiet tal-bniedem universali fil-politiki tagħna biex inrawmu t-tip ta' soċjetajiet tal-Afrika li ħafna emigranti Afrikani jfittxu fl-UE minħabba nuqqas ta' prospetti f'pajjiżhom.

3.2.9.

Li l-migrazzjoni tiġi riversata hija kwistjoni kruċjali, eż. il-KESE jixtieq jenfasizza rapporti (13) ta' eżodu ta' mħuħ mit-Tuneżija, fejn dawk li jfasslu l-politika jridu jiffaċċjaw il-fatt li madwar terz tal-esperti fil-qasam tal-IT — imħarrġa bl-għajnuna tal-fondi Ewropej — jemigraw biex jaħdmu fl-UE.

3.3.   Aspetti ta’ sostenibbiltà

3.3.1.

L-ekonomija Afrikana kompliet tissaħħaħ matul l-aħħar deċennju u l-kundizzjonijiet tal-għajxien ittejbu ħafna, iżda r-rati tal-faqar baqgħu persistentement għoljin. Bid-diversifikazzjoni ekonomika limitata tagħha, l-inugwaljanzi persistenti, livell għoli ta' qgħad u d-degradazzjoni ambjentali, il-kontinent għad għandu bżonn jimxi lejn perkors ta' żvilupp sostenibbli li jista' jikseb ħajja deċenti għal kulħadd.

3.3.2.

Id-domanda għall-enerġija fl-Afrika hija mistennija tirdoppja sal-2050. Dawn iż-żidiet fil-bżonnijiet għandhom jiġu koperti bl-espansjoni tal-użu tal-enerġiji rinnovabbli. L-implimentazzjoni tat-tranżizzjoni tal-enerġija minn fjuwils fossili għal sorsi ta' enerġija rinnovabbli hija essenzjali fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Il-pajjiżi Afrikani jista' jkollhom rwol ewlieni fil-bidla tal-enerġija solari għall-elettriku permezz ta' teknoloġiji fotovoltajċi solari (PV). Minbarra li jipprovdu l-enerġija elettrika għall-użu lokali, parks kbar tal-PV jistgħu jwasslu wkoll għall-produzzjoni tal-e-fjuwils (14). Il-popolazzjoni lokali għandha tkun kapaċi tiggwadanja mill-qligħ. Il-metanol u fjuwils sintetiċi oħra jidhru li huma alternattivi għall-fjuwils fossili fl-avjazzjoni, iżda jistgħu jtawlu wkoll l-użu ta' magni ta' kombustjoni interna fil-vetturi tat-trasport bit-triq.

4.   Rakkomandazzjonijiet ta' politika

4.1.   Aspetti ġenerali

4.1.1.

Relazzjoni ġusta u ugwali għall-iżvilupp mal-Istati Afrikani għandha tippromwovi xogħol deċenti u ssostni s-servizzi pubbliċi. B'mod partikolari, il-politika kummerċjali għandha tiżgura li d-drittijiet tal-bniedem universali, l-ambjent u d-dritt għal ħajja deċenti jiġu rrispettati bis-sħiħ. Għandha tqis ukoll il-bżonnijiet ta' pajjiżi anqas żviluppati. Ftehim għall-era ta' wara Cotonou se jkun opportunità kbira biss jekk joħloq impjiegi ta' kwalità, jagħti spinta lit-tkabbir sostenibbli u jiżgura l-inklużjoni tas-soċjetà ċivili organizzata. Esperti ewlenin tal-politika għall-iżvilupp isostnu li r-reġjonaliżmu demokratiku għandu jiggwida l-politika għall-iżvilupp tal-UE, b'rilevanza partikolari għall-Afrika u s-soċjetajiet tagħha, minħabba ċ-ċirkostanzi lokali speċjali (15).

4.1.2.

Sħubijiet kontemporanji u progressivi għandhom jirriflettu id-domanda għal forma ġdida ta' kooperazzjoni bejn il-pajjiżi industrijalizzati u dawk li qed jiżviluppaw. B'mod partikolari, l-istabbiliment ta' dawn is-sħubijiet għal riforma se jirrikjedi ambjent ġenerali aħjar għall-attivitajiet tas-settur privat u l-ħolqien ta' aktar impjiegi ta' kwalità b'introjtu xieraq biex il-popolazzjoni żagħżugħa Afrikana tkun tista' tgħix ħajja deċenti. Dan huwa essenzjali sabiex tkun limitata x-xewqa taż-żgħażagħ li jemigraw mill-kontinent Afrikan għal futur aħjar (16). F'dan ir-rigward, il-KESE jinnota l-kuntatti u l-appoġġ tiegħu għad-demokratizzazzjoni tat-Tuneżija. Il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles approfondit u komprensiv, li dwaru għaddejjin in-negozjati, għandu jqis li jippreserva dak li nkiseb billi jiżgura li l-ekonomija Tuneżina tkun kapaċi tagħti opportunitajiet u perspettivi lin-nies tagħha.

4.1.3.

Biex ir-riformi meħtieġa fl-Afrika jissaħħu u jingħataw l-appoġġ, jista' jiġi stabbilit grupp ta' riflessjoni, b'fokus fuq l-impenn tas-soċjetà ċivili, ir-riformi ekonomiċi u strutturali deliberati u l-SDGs. Dan jista' jħeġġeġ l-iżvilupp ta' għarfien u kompetenzi fl-Afrika u jiffaċilita l-iskambju bejn is-soċjetà ċivili fl-Afrika u l-Ewropa.

4.2.   Żvilupp ekonomiku

4.2.1.

Fir-rigward tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-innovazzjoni u trasformazzjoni soċjali-ekoloġika għandhom imexxu l-iżvilupp ekonomiku. Il-fokus għandu jkun fuq it-tqassim ġust tal-ġid u l-ħolqien ta' strutturi tal-istat soċjali. Il-prijoritajiet m'għandhomx iqisu biss il-kummerċ u l-investiment, iżda wkoll il-kooperazzjoni internazzjonali fi kwistjonijiet oħra, pereżempju l-politika tat-tassazzjoni, il-migrazzjoni, l-iżvilupp, l-ambjent, l-edukazzjoni u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, tal-ħajja u tas-saħħa (speċjalment wara l-COVID-19). L-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata se jkun deċiżiv f'dan ir-rigward.

4.2.2.

L-investiment fit-tul f'infrastruttura intra-Afrikana huwa meħtieġ (għall-kuntrarju ta' infrastruttura biex tiffaċilita l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi oħra) biex jitrawmu ktajjen tal-valur reġjonali u ekonomija lokali sostenibbli. Dan jagħmel sens ekonomiku, huwa ekoloġikament sostenibbli u joħloq kapaċitajiet tal-produzzjoni inklużi impjiegi lokali ta' kwalità. Il-mudell xprunat mill-esportazzjoni lejn pajjiżi barranin għadu sinifikanti fl-Afrika hekk kif il-materja prima għandha importanza strateġika għall-ekonomiji kbar (fosthom l-UE u l-Istati Membri). L-investiment tal-UE għandu jieħu approċċ ieħor ibbażat fuq sħubijiet verament ugwali biex jiġi żgurat li kulħadd jibbenefika u, b'mod partikolari, biex jitrawwem żvilupp sostenibbli fl-Afrika.

4.2.3.

Korporazzjoni Finanzjarja ta' Dijaspora Afrikana internazzjonali tista' tikkoordina l-użu ta' riżorsi ta' dijaspora Afrikana għall-iżvilupp u l-investiment inklużiv f'impriżi u skemi (17) li huma soċjalment responsabbli fl-Afrika. Din tista' tkun il-pjattaforma ideali biex jiġu allokati l-investimenti, irregolati minn korpi Afrikani, li jintużaw għal intrapriżi Afrikani u għażla għall-investituri tal-UE. L-investiment meħtieġ biex jintlaħqu l-SDGs fl-Afrika jaqbeż b'mod sinifikanti t-tfaddil annwali stmat tal-migranti Afrikani. Għaldaqstant, għandhom isiru aktar modi ta' kooperazzjoni (kummerċjali) bl-għajnuna ta' organizzazzjonijiet ta' ex dijaspora.

4.2.4.

Minbarra li jesportaw il-materja prima biex tiġi pproċessata xi mkien ieħor, il-pajjiżi Afrikani għandhom jiġu mħeġġa u megħjuna jistabbilixxu industriji domestiċi sostenibbli sabiex il-profitti ġġenerati mill-ipproċessar tal-materja prima jibqa' fil-pajjiż. Id-dħul mis-settur tal-estrazzjoni għandu jiġi investit fl-infrastruttura u s-servizzi soċjali, u b'hekk fl-aħħar mill-aħħar tkun qed tgawdi l-popolazzjoni.

4.2.5.

It-tisħiħ tas-sigurtà pubblika sabiex jiġi miġġieled it-terroriżmu jibqa' prijorità. Għaldaqstant, is-sigurtà tal-fruntieri u l-provvediment tal-armi għandhom jiġu indirizzati b'attenzjoni kbira. L-iżvilupp għandu jkun il-punt ċentrali, minflok l-użu tal-fondi ta' żvilupp biex titwaqqaf il-migrazzjoni involontarja u l-armamenti tal-forzi tas-sigurtà: l-aspett li dejjem qed jikber tas-“siguratizzazzjoni”, fil-politika għall-iżvilupp qiegħed potenzjalment jiggrava l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni.

4.2.6.

Il-KESE jitlob li jitfasslu regoli tal-UE dwar id-diliġenza dovuta fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem (18). Aktar qabel kien talab lill-UE biex timplimenta b'mod vinkolanti d-diliġenza dovuta fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment fil-ktajjen ta' valur internazzjonali mill-UE (19). Abbażi tal-miżuri eżistenti u l-kunċetti tal-KESE (pereżempju aġenzija ta' klassifikazzjoni), sistema vinkolanti tad-diliġenza dovuta tkun ta' għajnuna kbira għall-iżvilupp sostenibbli, b'mod partikolari fl-Afrika, u ssaħħaħ l-isforzi tal-UE biex toħloq sħubija għall-iżvilupp ugwali.

4.2.7.

Il-merti tal-iżvilupp u l-kooperazzjoni tal-SME bejn SMEs Afrikani u tal-UE ma jistgħux jiġu enfasizzati biżżejjed. Fuq kollox, kumpaniji multinazzjonali huma kapaċi jimmaniġġjaw ir-riskji assoċjati ma' impriżi kummerċjali fl-Afrika. Biex ikun jista' jintuża l-potenzjal tal-SMEs fi sħubija għall-iżvilupp ugwali, l-SMEs jeħtieġu strutturi affidabbli u appoġġ istituzzjonali. Il-maġġoranza tal-impjiegi fl-Afrika huma pprovduti minn SMEs. Is-servizzi finanzjarji, b'mod partikolari fuq bażi kooperattiva, se jkollhom jittejbu u (fejn ma jeżistux) jiġu żviluppati sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet tal-SMEs, pereżempju self, self fil-munita lokali u l-immaniġġjar tar-riskji.

4.2.8.

In-nuqqas ta' ħaddiema b'ħiliet huwa ostakolu ewlieni għall-kumpaniji f'pajjiżi Afrikani. Il-promozzjoni tat-taħriġ vokazzjonali hija għalhekk kwistjoni tal-ogħla prijorità.

4.2.9.

“Peress li l-kwistjonijiet tat-tassazzjoni ma jistgħux jinfirdu mill-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), l-intrapriżi għandhom iħallsu t-taxxi kif dovut fil-post fejn jinħolqu profitti permezz ta' valur miżjud matul il-proċessi tal-produzzjoni, l-estrazzjoni ta' materja prima u attivitajiet oħra bħal dawn” (20). Dan il-prinċipju huwa ta' importanza fundamentali għal sħubija għall-iżvilupp ugwali. Il-KESE tkellem ukoll favur valutazzjonijiet tal-impatt tal-ftehimiet bilaterali dwar it-tassazzjoni doppja mwettqa mill-UE jekk ikun hemm riskju li dawn imorru kontra l-politiki tal-UE għall-iżvilupp (21).

Flimkien mal-investiment privat, id-dħul mit-taxxa għandu rwol importanti fl-iffinanzjar tal-iżvilupp sostenibbli. Il-pajjiżi Afrikani għandhom dħul mit-taxxa nieqes li jikkorrispondi għad-doppju tal-ammont tal-fondi għall-iżvilupp li jirċievu kull sena. Miżuri kontra l-evitar tat-taxxa u biex tiġi eliminata l-korruzzjoni u kampanji għal aktar dħul domestiku fil-pajjiżi Afrikani huma essenzjali, marbuta ma' taħriġ għall-uffiċjali minn awtoritajiet tat-taxxa, mill-qrati tal-awditjar u mill-ministeri tal-finanzi. Rifuġji fiskali, fi Stati Afrikani jew fl-UE, ixekklu l-iżvilupp sostenibbli.

4.2.10.

L-infrastruttura hi meħtieġa biex tgħin kumpaniji isibu mekkaniżmi ta' finanzjament u ta' appoġġ u biex jibnu kuntatti fil-prattika. Għandhom bżonn jirċievu wkoll parir fl-istadji tal-ippjanar tal-proġett.

4.2.11.

L-industriji tal-agrikoltura u l-ikel f'pajjiżi Afrikani għandhom jingħataw appoġġ sabiex jiġu żviluppati proċeduri għat-titjib tal-kultivazzjoni, jitnaqqas it-telf mill-ħsad, titwaqqaf id-deforestazzjoni u jittejbu l-istandards ta' kwalità. Barra minn hekk, is-settur agroalimentari għandu jiżviluppa metodi ġodda ta' kummerċjalizzazzjoni, metodi ta’ biedja u proċessar moderni, jippromovi l-awtoorganizzazzjoni fost il-bdiewa, speċjalment fil-kooperattivi, u jżid il-kummerċ tul il-katina tal-valur kollha.

4.3.   Politika soċjali

4.3.1.

L-inklużjoni tas-soċjetà ċivili, bħal fis-sħubijiet soċjali fil-livell lokali u fil-livell tas-settur, fil-qafas istituzzjonali tal-Istati Ewropej tat vantaġġ lill-UE. Is-soċjetà ċivili organizzata għandha tkun involuta ħafna fis-sħubija għall-iżvilupp ugwali, peress li din se toħloq strutturi stabbli għall-attivitajiet kollha tal-UE, b'mod speċjali għan-negozju. B'dak il-mod, l-isforzi tagħna ma jkunux iffukati biss fuq il-profitti, iżda wkoll fuq l-iżvilupp sostenibbli fl-Afrika, sabiex jinħolqu sħubijiet fit-tul ibbażati fuq il-fiduċja u l-ugwaljanza.

4.3.2.

Erasmus+ għandu jiġi estiż sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Afrikani. Il-kapaċitajiet professjonali u l-għarfien tal-gradwati Afrikan għandhom jappoġġjaw l-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom. “Eżodu ta' mħuħ” mill-Afrika lejn l-UE għandu jiġi evitat. L-edukazzjoni hija pass ewlieni biex jittejbu l-kundizzjonijiet, b’mod partikolari tan-nisa u l-gruppi vulnerabbli u l-appoġġ tagħna għandu jkun immirat kif xieraq.

4.3.3.

Il-COVID-19 tagħmel l-isfidi ħafna kbar. Ħafna mis-sistemi tas-saħħa bħalissa huma mgħobbija żżejjed. Ser ikollna nagħtu appoġġ akbar lill-Istati Afrikani sabiex ikunu jistgħu jimplimentaw sistemi tal-kura tas-saħħa li jkunu lesti għall-isfidi bħall-COVID-19 fuq livell bijomediċinali u soċjali-mediċinali. Kura tas-saħħa tajba m'għandhiex tkun imxekkla minn ekonomija fqira, in-nuqqas ta' governanza, in-nuqqas ta' aċċessibbiltà jew in-nuqqas ta' persunal imħarreġ. Stati soċjali mibnija sew fl-Ewropa taw prova ċara tagħhom infushom fid-dawl tal-isfida attwali u jistgħu jintużaw bħala mudelli biex jittejbu s-sistemi tal-kura tas-saħħa fl-Afrika, b'mod partikolari.

4.3.4.

Organizzazzjonijiet ta' dijaspora Afrikani fl-UE jeħtieġ li jkunu involuti meta tinħoloq sħubija ugwali bejn l-UE u l-Istati Afrikani. Dawn jistgħu joffru finanzjament u know-how u jistgħu jagħmluha ċara li approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem universali se jsaħħaħ l-istrutturi Afrikani meħtieġa għal negozju stabbli, impenn soċjali u ambjent b'saħħtu. Dawn jafu dwar l-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem universali fl-UE, jafu kif joperaw fi ħdan l-oqsfa tal-UE, u jistgħu iservu ta' pont għall-attivitajiet tal-UE fil-pajjiżi tal-oriġini tagħhom.

4.4.   Żvilupp sostenibbli

4.4.1.

L-iżvilupp sostenibbli jista' jinkiseb biss jekk joriġina minn pajjiż stess u jiġi xprunat internament. Il-kapaċitajiet proprji għall-iżvilupp tal-Afrika għandhom jiġu appoġġjati sabiex ir-riformi jinbdew, kulħadd jikseb prospetti deċenti u kemm l-investimenti privati kif ukoll dawk pubbliċi fil-kontinent iħallu r-riżultati.

4.4.2.

L-Afrika teħtieġ approċċ ġdid lejn politika industrijali li tkun organizzata settur b'settur u kkoordinata internazzjonalment biex toħloq swieq akbar u inċentivi aktar b'saħħithom għall-industriji sostenibbli, b'mod speċjali dawk li ma jiddependux fuq il-fjuwils fossili (22).

4.4.3.

Fil-qasam tal-produzzjoni tal-e-fjuwil permezz tat-teknoloġiji PV, il-post jagħmel differenza fir-rigward tal-effiċjenza ekonomika (23), biż-żona fejn ikun hemm ix-xemx (“sunbelt”) tal-ekwatur tidher li hija ż-żona ideali (24). Dan is-settur jista' jkollu wkoll impatt favorevoli fuq l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiżi Afrikani, potenzjalment jippermettilhom jipparteċipaw fi proġetti internazzjonali tal-enerġija. Kwalunkwe għajnuna għall-iżvilupp f'dan is-settur jista' ma jkollhiex biss effetti pożittivi fuq il-pajjiż li qed jirċeviha, iżda wkoll fuq il-konsumaturi tal-enerġija fil-pajjiżi żviluppati (25).

4.4.4.

L-SDGs joffru relazzjoni bbażata fuq id-drittijiet tal-bniedem universali bejn l-UE u l-imsieħba Afrikani tagħha, li jaħdmu flimkien fis-sens tal-Patt Ekoloġiku biex tkun salvata l-pjaneta u tinħoloq ħajja deċenti għal kulħadd. Bl-involviment istituzzjonalizzat tas-soċjetà ċivili organizzata, nistgħu faċilment nipprattikaw l-awtoriflessjoni u nevitaw żbalji tal-passat permezz ta' mezzi ġodda.

4.4.5.

Il-partijiet interessati kollha, inklużi l-imsieħba soċjali u OSĊ oħrajn, għandhom jirsistu għal proġetti, attivitajiet kummerċjali u politiki li joħolqu approċċ ġdid tal-ekonomija tas-suq soċjoekoloġika. Minbarra l-aspetti ekonomiċi, kwistjonijiet soċjali u biofiżiċi fundamentali (bħat-tibdil fil-klima) għandhom jitqiesu b'mod ferm aktar b'saħħtu. Għaldaqstant, minbarra l-indikaturi ekonomiċi biss, dawk li jqisu l-aspetti olistiċi tal-benesseri għal kulħadd għandhom jitqiesu fir-relazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli (26) fi sħubija għall-iżvilupp ugwali.

4.4.6.

Ħafna investimenti agrikoli għandhom impatti dubjużi fuq il-komunitajiet. Hemm rapporti regolari ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u ta' investituri li jmorru lura minn ftehimiet biex jibnu l-infrastruttura jew joħolqu l-impjiegi għall-komunitajiet lokali, inklużi investituri Ewropej. Il-KESE jopponi b'mod partikolari “il-ħtif tal-art” fl-Afrika. L-evalwazzjonijiet tal-impatt, li jsiru bl-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata, jeħtieġ li jkunu aktar rigorużi u għandu jkollhom konsegwenzi għall-investituri li ma jikkonformawx mad-drittijiet tal-bniedem universali u l-SDGs. Għażla waħda hija li jingħata appoġġ lill-ħolqien ta' reġistri tal-art u li bdiewa residenti jiġu organizzati sabiex joħolqu impriżi kooperattivi li jkunu aktar b'saħħithom fis-swieq internazzjonali. Dan se jgħin lill-UE u l-Afrika jilħqu l-objettivi komuni tagħhom, peress li joħloq strutturi li jippermettu kundizzjonijiet ekwi mal-imsieħba Afrikani tagħha u ssaħħaħhom fil-konfront ta' atturi ekonomiċi ewlenin oħra.

4.5.   Il-kooperazzjoni u t-tisħiħ tas-soċjetà ċivili fl-Istati Afrikani bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem universali u l-SDGs — il-perkors tal-UE lejn is-suċċess għal sħubija għall-iżvilupp ugwali

4.5.1.

L-adozzjoni ta' approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem universali, l-iżvilupp ta' strutturi governattivi demokratiċi, it-titjib tal-governanza ekonomika u finanzjarja permezz ta' ġestjoni trasparenti tal-finanzi pubbliċi, u l-ħolqien ta' sistemi kredibbli biex tkun miġġielda l-korruzzjoni abbażi ta' ġudikatura indipendenti lkoll jikkontribwixxu biex jiġu stabbiliti msieħba b'saħħithom, awtodipendenti u stabbli fin-negozju u l-iżvilupp. Parteċipazzjoni ċivili organizzata tista' tiżgura definittivament li dawn il-miżuri kollha jiġu implimentati.

4.5.2.

Il-wegħdiet tal-UE jridu jwasslu għal riżultati tanġibbli. Huwa biss bir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem universali u l-ilħuq tal-SDGs li se nkunu kapaċi ninqalgħu mid-dipendenzi u nsiru msieħba għall-iżvilupp ugwali.

Brussell, is-16 ta’ Settembru 2020.

Luca JAHIER

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Kif stipulat fid-disa' patti u konvenzjonijiet ewlenin tan-NU dwar id-Drittijiet tal-bniedem.

(2)  JOIN(2020) 4 final.

(3)  Studju tal-PE dwar Access to legal remedies for victims of corporate human rights abuses in third countries (Aċċess għal rimedji legali għall-vittmi ta’ abbużi tad-drittijiet tal-bniedem minn korporazzjonijiet f’pajjiżi terzi), Brussell, (2019).

(4)  JOIN(2020) 4 final.

(5)  Il-Ministeru Ġermaniż għall-Iżvilupp, Afrika und Europa — Neue Partnerschaft für Entwicklung, Frieden und Zukunft, (2017).

(6)  Il-Fondazzjoni Awstrijaka għar-Riċerka dwar l-Iżvilupp, L-effetti Ekonomiċi u soċjali tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomija fuq għadd ta' Pajjiżi Afrikani, Vjenna 2018, tidenfika effetti detrimentali tal-FSE fuq l-ECOWAS, filwaqt li t-tariffi mnaqqsa jistgħu jiswew biljuni għall-pajjiżi sħab tagħna u dħul pubbliku mitluf għall-iżvilupp sostenibbli (ĠU C 97, 24.3. 2020, p. 18., punt 5.5).

(7)  Abbażi ta' rapport orali mill-Membru tal-KESE Jaroslaw Mulewicz, wara żjara matul missjoni tal-KESE fil-Park Industrijali Bole Lemi fl-Etjopja, fejn huma bbażati il-kumpaniji tat-tessuti Asjatiċi. Madankollu, il-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika (EUTF għall-Afrika) għandu jippromovi kundizzjonijiet tax-xogħol sostenibbli u aċċettabli (li s'issa wettaq dan b'riżultati mħallta)

(8)  L-Aġenzija Ambjentali Ġermaniża, Globale Landflächen und Biomasse, (2013).

(9)  Gebauer, Trojanow, Hilfe? Hilfe! — Wege aus der globalen Krise, (2018).

(10)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 8.

(11)  Riżoluzzjoni tal-PE tas-17 ta’ Jannar 2019 2018/2151(INI); Commission Staff Working Document SWD(2019) 333 final.

(12)  Kingsley Ighobor f'Africa Renewal, Deċ 2016 — Mar 2017, Diagnosing Africa's medical brain drain (Nidentifikaw l-eżodu ta' mħuħ mediku tal-Afrika)

(13)  Rapport Orali minn Kais Sellami, Kap Eżekuttiv ta' Discovery Informatique fil-Konferenza Euromed f'Barċellona f'Ottubru 2019

(14)  COM(2018) 773 — Pjaneta Nadifa għal kulħadd — Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima.

(15)  Bħal Werner Raza, id-Direttur tal-Fondazzjoni Awstrijaka għar-Riċerka dwar l-Iżvilupp, fil-Konferenza: Ħajja tajba għal kulħadd teħtieġ Globalizzazzjoni differenti, Marzu 2020, Vjenna.

(16)  Studji juru li ċertu livell ta' paga minima inaqqas il-pressjoni tal-migrazzjoni, eż. Clemens, Does Development Reduce Migration? (L-Iżvilupp Inaqqas il-Migrazzjoni?) (2014).

(17)  GK Partners. (2019), Strategic, Business and Operational Framework for an African Diaspora Finance Corporation (Qafas Strateġiku, Kummerċjali u Operattiv għal Korporazzjoni Finanzjarja ta' Dijaspora Afrikana).

(18)  ĠU C 47, 11.2.2020, p. 38 punt 1.5.3.

(19)  ĠU C 47, 11.2.2020, p. 38ĠU C 97, 24.3.2020, p. 9.

(20)  ĠU C 81, 2.3.2018, p. 29 punt 1.9.

(21)  Ibid. punt 1.7.

(22)  Victor, Geels, Sharpe, Accelerating the Transitions, (2019).

(23)  Janina Scheelhaase et al., Transportation Research Procedia 43 (2019) 21–30.

(24)  Prognos (2018), Importance of liquid energy sources for the energy transition.

(25)  Radermacher F.-J. (2019), Die internationale Energie- und Klimakrise überwinden.

(26)  Stiglitz, Joseph; Sen, Amartya; Fitoussi, Jean, Report of the Commission on the Measurement of Economic Performance and Social Progress (CMEPSP) (Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Kejl tal-Prestazzjoni Ekonomika u l-Progress Soċjali (CMEPSP)), (2009).


Top
  翻译: