This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018TN0201
Case T-201/18: Action brought on 23 March 2018 — Diusa Rendering and Assograssi v Commission
Kawża T-201/18: Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Marzu 2018 – Diusa Rendering u Assograssi vs Il-Kummissjoni
Kawża T-201/18: Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Marzu 2018 – Diusa Rendering u Assograssi vs Il-Kummissjoni
ĠU C 166, 14.5.2018, p. 44–45
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
14.5.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 166/44 |
Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Marzu 2018 – Diusa Rendering u Assograssi vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-201/18)
(2018/C 166/56)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Diusa Rendering Srl (Piacenza, l-Italja), Assograssi – Associazione Nazionale Produttori Grassi e Proteine Animali (Buccinasco, l-Italja) (rappreżentant: M. Moretto, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
— |
tiddikjara li l-Kummissjoni Ewropea naqset mill-obbligi imposti fuqha mir-Regolament Nru 1069/2009, mir-Regolament Nru 178/2001 u mir-Regolament Nru 999/2001, kif ukoll mill-prinċipji ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità billi naqset milli tqiegħed għall-vot tal-Kumitat Regolatorju, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/648/KE, abbozz ta’ miżuri intiż sabiex tiġi eżaminata mill-ġdid il-projbizzjoni ta’ esportazzjoni ta’ fertilizzanti organiċi u prodotti li jtejbu l-ħamrija idderivati minn materjal tal-Kategorija 2 attwalment stabbilit mill-Artikolu 43(3) tar-Regolament Nru 1069/2009; |
— |
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti jsostnu li filwaqt li sal-2011 l-esportazzjoni fil-pajjiżi terzi ta’ fertilizzanti organiċi u prodotti li jtejbu l-ħamrija idderivati minn prodotti sekondarji tal-annimali tal-Kategorija 2 (u/jew 3) kienet awtorizzata, ħlief fil-każ ta’ projbizzjoni ta’ esportazzjoni ta’ fertilizzanti organiċi u prodotti li jtejbu l-ħamrija li jinkludu proteini tal-annimali pproċessati (PAP) dderivati minn annimali li jixtarru, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU 2009 L 300, p. 1), u wara n-nuqqas ta’ adozzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tad-dispożizzjonijiet neċessarji ta’ implementazzjoni, l-esportazzjoni fil-pajjiżi terzi ta’ fertilizzanti organiċi u prodotti li jtejbu l-ħamrija dderivati minn materjali tal-Kategorija 2 illum hija pprojbita. Din il-projbizzjoni għadha applikabbli anki jekk kważi l-Istati Membri tal-Unjoni kollha sadanittant kisbu l-klassifikazzjoni ta’ pajjiż b’riskju ta’ BSE negliġibbli u minkejja li l-istandard internazzjonali stabbilit mill-Office international des épizooties (OIE) ma jipprevedix projbizzjoni simili għall-fertilizzanti organiċi u prodotti li jtejbu l-ħamrija li joriġinaw minn pajjiżi li jibbenefikaw minn din il-klassifikazzjoni.
Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu wkoll li filwaqt li tipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ fertilizzanti organiċi u prodotti li jtejbu l-ħamrija dderivati minn materjali tal-Kategorija 2, anki jekk joriġinaw minn Stati Membri b’riskju negliġibbli, l-Unjoni tawtorizza l-kummerċjalizzazzjoni u l-użu tal-istess prodotti fit-territorju tagħha; b’hekk hija tirrikonoxxi li, fil-verità, il-fertilizzanti organiċi u prodotti li jtejbu l-ħamrija dderivati minn materjali tal-Kategorija 2 prodotti skont id-dispożizzjonijiet imposti mir-Regolament Nru 1069/2009 u mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (ĠU 2011 L 54, p. 1), ma jippreżentaw ebda riskju għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali.
Skont ir-rikorrenti, filwaqt li timponi projbizzjoni assoluta ta’ esportazzjoni fir-rigward tal-fertilizzanti organiċi u prodotti li jtejbu l-ħamrija kkonċernati, l-Unjoni tawtorizza l-importazzjoni minn pajjiżi terzi, inkluż minn pajjiżi b’riskju kkontrollat jew indeterminat, mhux biss ta’ prodotti tal-ikel u għalf li setgħu inkisbu bl-użu ta’ fertilizzanti organiċi u prodotti li jtejbu l-ħamrija li joriġinaw minn pajjiżi terzi li ma jippreżentawx neċessarjament l-istess livell ta’ sigurtà ggarantit mill-fertilizzanti organiċi u prodotti li jtejbu l-ħamrija prodotti fl-Unjoni, iżda wkoll l-importazzjoni ta’ annimali ħajjin u laħam frisk tal-annimali (ħnieżer u tjur) le setgħu intemgħu direttament bi tqiq idderivat ukoll minn materjal ta’ annimali li jixtarru.
Id-danni li l-operaturi tal-Unjoni jġarrbu minħabba l-projbizzjoni ta’ esportazzjoni ta’ fertilizzanti organiċi u prodotti li jtejbu l-ħamrija dderivati minn prodotti sekondarji tal-Katergorija 2 jidhru li huma kunsiderevoli.
Il-motivi u l-argumenti prinċipali huma simili għal dawk invokati fil-Kawża T-189/18, Lipitalia 2000 u Assograssi vs Il-Kummissjoni.
Qed jiġi invokat b’mod partikolari l-ksur tal-Artikoli 43(3) u 52(4) tar-Regolament Nru 1069/2009.