This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62020CN0687
Case C-687/20: Action brought on 17 December 2020 — European Commission v Portuguese Republic
Kawża C-687/20: Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Diċembru 2020 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Portugiża
Kawża C-687/20: Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Diċembru 2020 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Portugiża
ĠU C 62, 22.2.2021, p. 18–19
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
22.2.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 62/18 |
Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Diċembru 2020 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Portugiża
(Kawża C-687/20)
(2021/C 62/22)
Lingwa tal-kawża: il-Portugiż
Partijiet
Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Noll-Ehlers, G. Braga da Cruz, aġenti)
Konvenut: Ir-Repubblika Portugiża
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
— |
tiddikjara li, billi ma elaboratx mapep strateġiċi ta’ ħsejjes fir-rigward ta’ ħames toroq maġġuri, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha bis-saħħa tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2002 li tirrigwardja l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali (1); |
— |
tiddikjara li, billi ma elaboratx pjanijiet ta’ azzjoni fir-rigward tal-agglomerazzjonijiet ta’ Amadora u Porto, pjanijiet ta’ azzjoni fir-rigward ta’ 236 triq maġġuri u pjanijiet ta’ azzjoni fir-rigward ta’ 55 rotta ferrovjarja maġġuri, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha bis-saħħa tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva; |
— |
tiddikjara li, billi ma kkomunikatx lill-Kummissjoni l-informazzjoni pprovduta mill-mapep strateġiċi ta’ ħsejjes fir-rigward ta’ ħames toroq maġġuri u, ulterjorment, billi ma kkomunikatx lill-Kummissjoni s-sommarji tal-pjanijiet ta’ azzjoni fir-rigward tal-agglomerazzjonijiet ta’ Porto u ta’ Amadora, kif ukoll dawk fir-rigward ta’ 236 triq maġġuri u 55 rotta ferrovjarja maġġuri, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha bis-saħħa tal-Artikolu 10(2) moqri flimkien mal-Anness VI tad-Direttiva; |
— |
tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Skont id-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2002 li tirrigwardja l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali (iktar ’il quddiem id-“Direttiva”), u b’rabta ma’ din il-kawża, l-awtoritajiet Portugiżi:
1) |
Fl-ewwel lok, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva, kellhom obbligu jinformaw lill-Kummissjoni, sal-31 ta’ Diċembru 2008, dwar l-agglomerazzjonijiet kollha u t-toroq u r-rotot ferrovjarji maġġuri kollha li jinsabu fit-territorju tagħhom. |
2) |
Fit-tieni lok, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva, kellhom obbligu jelaboraw, sat-30 ta’ Ġunju 2012, mapep strateġiċi ta’ ħsejjes għall-agglomerazzjonijiet kollha u t-toroq u r-rotot ferrovjarji maġġuri kollha, li kienu jirriflettu s-sitwazzjoni fis-sena ta’ referenza tal-2011. Għalhekk l-awtoritajiet Portugiżi kellhom jibgħatu lill-Kummissjoni, sat-30 ta’ Diċembru 2012, informazzjoni dwar il-mapep strateġiċi ta’ ħsejjes konformement mal-Artikolu 10(2) moqri flimkien mal-Anness VI tad-Direttiva. |
3) |
Fit-tielet lok, kellhom ukoll jelaboraw, skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva, sat-18 ta’ Lulju 2013, pjanijiet ta’ azzjoni għall-agglomerazzjonijiet kollha u t-toroq u r-rotot ferrovjarji maġġuri kollha li jinsabu fit-territorju tagħhom. Għalhekk l-awtoritajiet Portugiżi kellhom jibgħatu lill-Kummissjoni, sat-18 ta’ Jannar 2014, is-sommarji ta’ dawn il-pjanijiet ta’ azzjoni konformement mal-Artikolu 10(2) moqri flimkien mal-Anness VI tad-Direttiva. |
Għandu jiġi indikat li l-obbligi tal-awtoritajiet Portugiżi, imsemmija iktar ’il fuq, jikkostitwixxu tliet stadji suċċessivi previsti fid-Direttiva, fejn it-tieni u t-tielet stadju huma bbażati rispettivament fuq l-istadju immedjatament preċedenti.
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 101.