This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document JOL_2011_057_R_0001_01
Council Decision 2011/133/CFSP of 21 February 2011 on the signing and conclusion of the Agreement between the European Union and Montenegro establishing a framework for the participation of Montenegro in European Union crisis management operations#Agreement between the European Union and Montenegro establishing a framework for the participation of Montenegro in European Union crisis management operations
Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/133/PESK tal- 21 ta' Frar 2011 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tal- Montenegro f'operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta' kriżijiet
Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tal-Montenegro f'operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta' kriżijiet
Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/133/PESK tal- 21 ta' Frar 2011 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tal- Montenegro f'operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta' kriżijiet
Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tal-Montenegro f'operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta' kriżijiet
ĠU L 57, 2.3.2011, p. 1–7
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
2.3.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 57/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2011/133/PESK
tal-21 ta' Frar 2011
dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tal- Montenegro f'operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta' kriżijiet
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 218(5) u (6) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (“RGħ”),
Billi:
(1) |
Il-kondizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni ta' Stati terzi f'operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta' kriżijiet għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim li jistabbilixxi qafas għal tali parteċipazzjoni possibbli fil-ġejjieni, pjuttost milli dawk il-kondizzjonijiet jiġu definiti abbażi ta' każ b'każ għal kull operazzjoni konċernata. |
(2) |
Wara l-adozzjoni ta' Deċiżjoni tal-Kunsill fis-26 ta' April 2010 li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati, ġie nnegozjat, mir-RGħ, ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tal-Montenegro f'operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta' kriżijiet (“il-Ftehim”). |
(3) |
Il-Ftehim għandu jiġi approvat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tal-Montenegro f'operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta' kriżijiet (“il-Ftehim”) huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni Ewropea.
It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim sabiex tintrabat l-Unjoni.
Artikolu 3
Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja mid-data tal-iffirmar tiegħu, sakemm jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu (1).
Artikolu 4
Il-President tal-Kunsill, f'isem l-Unjoni, għandu jagtħi n-notifika prevista fl-Artikolu 16(1) tal-Ftehim.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Frar 2011.
Għall-Kunsill
Il-President
C. ASHTON
(1) Id-data tal-iffirmar tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.
TRADUZZJONI
FTEHIM
bejn l-Unjoni Ewropea u l-Montenegro li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tal-Montenegro f'operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta' kriżijiet
L-UNJONI EWROPEA
minn naħa waħda, u
L-MONTENEGRO
min-naħa l-oħra,
minn hawn 'il quddiem imsejħa l-“Partijiet”,
Billi:
L-Unjoni Ewropea (UE) tista' tiddeċiedi li tieħu azzjoni fil-qasam tal-immaniġġar ta' kriżijiet.
L-UE ser tiddeċiedi jekk Stati terzi jkunux mistiedna jipparteċipaw f'operazzjonijiet tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi.
Il-kondizzjonijiet rigward il-parteċipazzjoni tal-Montenegro f'operazzjonijiet tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet għandhom jiġu stabbiliti fi Ftehim li jistabbilixxi qafas għal tali parteċipazzjoni fil-ġejjieni, pjuttost milli dawk il-kondizzjonijiet jiġu definiti abbażi ta' każ b'każ għal kull operazzjoni konċernata.
Tali ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, u ma għandux jippreġudika n-natura każ b'każ tad-deċiżjonijiet tal-Montenegro li jipparteċipa f'operazzjonijiet tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet.
Tali ftehim għandu jindirizza biss operazzjonijiet tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet fil-futur u għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe ftehim eżistenti li jirregola l-parteċipazzjoni tal-Montenegro f'operazzjonijiet tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet, li jkunu diġà ġew skjerati,
FTIEHMU KIF ĠEJ:
TAQSIMA I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Deċiżjonijiet relatati mal-parteċipazzjoni
1. Wara d-deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea (UE) li tistieden lill-Montenegro biex jipparteċipa f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet, u ladarba l-Montenegro jkun iddeċieda li jipparteċipa, il-Montenegro għandu jipprovdi informazzjoni dwar il-kontribuzzjoni proposta tiegħu lill-UE.
2. Il-valutazzjoni mill-UE tal-kontribuzzjoni tal-Montenegro għandha ssir b'konsultazzjoni mal-Montenegro.
3. L-UE għandha tipprovdi lill-Montenegro b'indikazzjoni bikrija tal-kontribuzzjoni probabbli ta' dan tal-aħħar għall-ispejjeż komuni tal-operazzjoni mill-aktar fis possibli bil-ħsieb li tgħin lill-Montenegro fil-formulazzjoni tal-offerta tiegħu.
4. L-UE għandha tikkomunika r-riżultat ta' dik il-valutazzjoni lill-Montenegro permezz ta' ittra bil-ħsieb li tassigura l-parteċipazzjoni tal-Montenegro skont id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim.
Artikolu 2
Qafas
1. Il-Montenegro għandu jassoċja ruħu mad-Deċiżjoni tal-Kunsill li biha l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiddeċiedi li l-UE twettaq l-operazzjoni għall-immaniġġar ta' kriżijiet, u ma' kwalunkwe deċiżjoni oħra li biha l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiddeċiedi li jestendi l-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet, skont id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim u kwalunkwe arranġament implimentattiv meħtieġ.
2. Il-kontribut tal-Montenegro għal operazzjonijiet tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-awtonomija fit-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE.
Artikolu 3
Status ta' persunal u forzi
1. L-istatus ta' persunal issekondat għal operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet u/jew tal-forzi kkontribwiti lil operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet mill-Montenegro għandhom ikunu rregolati mill-ftehim dwar l-istatus tal-missjoni/forzi, jekk konkluż, bejn l-UE u l-Istat jew Stati li fihom titwettaq l-operazzjoni.
2. L-istatus tal-persunal ikkontribwit għall-kwartieri ġenerali jew elementi ta' kmand li jinstabu barra l-Istat(i) li fih(om) titwettaq l-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet, għandu jiġi regolat minn arranġamenti bejn il-kwartieri ġenerali u elementi ta' kmand ikkonċernati u l-Montenegro.
3. Mingħajr preġudizzju għall-ftehim dwar l-istatus tal-missjoni/forzi msemmi fil-paragrafu 1, il-Montenegro għandu jeżerċita ġurisdizzjoni fuq il-persunal tiegħu li jipparteċipa fl-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet.
4. Il-Montenegro għandu jkun responsabbli biex jirrispondi għal kwalunkwe talba konnessa mal-parteċipazzjoni f'operazzjonijiet tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet, li tiġi minn jew tikkonċerna kwalunkwe membru tal-persunal tiegħu. Il-Montenegro għandu jkun responsabbli biex iressaq kwalunkwe azzjoni, b'mod partikolari legali jew dixxiplinarji, kontra kwalunkwe membru tal-persunal tiegħu, skont il-liġijiet u r-regolamenti tiegħu. Mudell għal tali dikjarazzjoni huwa anness għal dan il-Ftehim.
5. Il-Partijiet jaqblu li jirrinunzjaw għat-talbiet kollha, ħlief għal dawk kuntrattwali, kontra xulxin għal dannu, telf jew distruzzjoni ta' assi li jkunu proprjetà ta'/operati minn Parti jew oħra, jew korriment jew mewt ta' persunal ta' Parti jew oħra, li jirriżultaw mit-twettiq tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom b'rabta mal-attivitajiet taħt dan il-Ftehim, ħlief fil-każ ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina b'mod volontarju.
6. Il-Montenegro jintrabat li jagħmel dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja ta' talbiet kontra kwalunkwe Stat parteċipanti f'operazzjoni ta' maniġġar ta' kriżijiet tal-UE li fiha jipparteċipa l-Montenegro, u li jagħmel dan meta jiffirma dan il-Ftehim.
7. L-UE tintrabat li tiżgura li l-Istati Membri tagħha jagħmlu dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja ta' drittijiet, għal kwalunkwe parteċipazzjoni futura tal-Montenegro f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet, u li tagħmel dan meta tkun qed tiffirma dan il-Ftehim.
Artikolu 4
Informazzjoni kklassifikata
Il-Ftehim bejn il-Gvern tal-Montenegro u l-UE dwar is-sigurtà tal-informazzjoni kklassifikata, magħmul fi Brussell fit-13 ta' Settembru 2010, għandu japplika fil-kuntest tal-operazzjonijiet tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet.
TAQSIMA II
DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-PARTEĊIPAZZJONI F'OPERAZZJONIJIET ĊIVILI GĦALL-IMMANIĠĠAR TA' KRIŻIJIET
Artikolu 5
Persunal issekondat lil operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet
1. Il-Montenegro għandu jiżgura li l-persunal tiegħu issekondat lill-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet jidħol għall-missjoni tiegħu b'mod konformi ma':
(a) |
id-Deċiżjoni tal-Kunsill u emendi sussegwenti kif imsemmija fl-Artikolu 2(1), |
(b) |
il-Pjan tal-Operazzjoni, |
(c) |
il-miżuri implementattivi. |
2. Il-Montenegro għandu jinforma fi żmien debitu lill-Kap tal-Missjoni tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet (minn hawn 'il quddiem il-“Kap tal-Missjoni”) u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (minn hawn 'il quddiem ir-“RGħ”) bi kwalunkwe bidla fil-kontribut tiegħu lill-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet.
3. Persunal issekondat lill-operazzjonijiet ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet għandu jagħmel eżami mediku, vaċċinazzjoni u għandu jkun ċertifikat b'mod mediku li hu b'saħħtu għax-xogħol minn awtoritá kompetenti mill-Montenegro. Il-persunal issekondat lill-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi għandu jipproduċi kopja ta' dik iċ-ċertifikazzjoni.
Artikolu 6
Linja ta' kmand
1. Persunal issekondat mill-Montenegro għandu jwettaq id-doveri tiegħu u jġib ruħu bl-interessi tal-operazzjonijiet ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet biss f'moħħu.
2. Il-persunal kollu għandu jibqa' taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tiegħu.
3. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-kontroll operattiv lill-UE.
4. Il-Kap tal-Missjoni għandu jieħu r-responsabbiltà u jeżerċita kmand u kontroll tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet fuq il-post.
5. Il-Kap tal-Missjoni għandu jmexxi l-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet u jieħu f'idejh l-amministrazzjoni tagħha ta' kuljum.
6. Il-Montenegro għandu jkollu l-istess drittijiet u obbligi f'termini ta' amministrazzjoni ta' kuljum tal-operazzjoni bħall-Istati Membri tal-UE li jkunu qed jipparteċipaw fl-operazzjoni, skont l-istrumenti legali msemmija fl-Artikolu 2(1).
7. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinari tal-persunal tal-operazzjonijiet ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet. Meta jkun meħtieġ, għandha tittieħed azzjoni dixxiplinarja mill-awtoritá nazzjonali konċernata.
8. Għandu jinħatar Punt ta' Kuntatt tal-Kontinġent Nazzjonali (NPC) mill-Montenegro biex jirrappreżenta l-kontinġent nazzjonali tiegħu fl-operazzjoni. L-NPC għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet nazzjonali u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina ta' kuljum tal-kontinġent.
9. Id-deċiżjoni li tintemm l-operazzjoni għandha tittieħed mill-UE, wara konsultazzjoni mal-Montenegro jekk huwa jkun għadu qed jikkontribwixxi lill-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet fid-data tat-terminazzjoni tal-operazzjoni.
Artikolu 7
Aspetti finanzjarji
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8, il-Montenegro għandu jassumi l-ispejjeż kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tiegħu fl-operazzjoni minbarra l-ispejjeż kurrenti, kif stabbilit fil-baġit operattiv tal-operazzjoni.
2. F'każ ta' mewt, korriment, telf jew ħsara lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-Istat(i) li fih(om) titwettaq l-operazzjoni, il-Montenegro għandu, meta r-responsabbiltá tiegħu tkun ġiet stabbilita, iħallas kumpens skont il-kondizzjonijiet previsti fil-ftehim applikabbli dwar l-status tal-missjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 3(1).
Artikolu 8
Kontribuzzjoni għall-baġit operattiv
1. Il-Montenegro għandu jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-baġit operattiv ta' operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet.
2. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Montenegro lill-baġit operattiv għandha tiġi kkalkolata abbażi tal-formoli li ġejjin, skont liema tipproduċi l-inqas ammont:
(a) |
is-sehem tal-ammont ta' referenza li jkun proporzjonali għall-proporzjon tad-dħul nazzjonali gross (minn hawn 'il quddiem “DNG”) tal-Montenegro fit-total tad-DNG tal-Istati kollha li jkunu qegħdin jikkontribwixxu għall-baġit operattiv tal-operazzjoni; jew |
(b) |
is-sehem tal-ammont ta' referenza għall-baġit operattiv li jkun proporzjonali għall-proporzjon tan-numru tal-persunal tal-Montenegro parteċipanti fl-operazzjoni għan-numru totali ta' persunal tal-Istati kollha parteċipanti fl-operazzjoni. |
3. Minkejja l-paragrafi 1 u 2, il-Montenegro ma għandu jagħmel l-ebda kontribuzzjoni għall-finanzjament ta' għotjiet per diem mħallsa lill-persunal tal-Istati Membri tal-UE.
4. Minkejja l-paragrafu 1, l-UE għandha, fil-prinċipju, teżenta lill-Montenegro minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għal operazzjoni ċivili partikolari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet meta:
(a) |
l-UE tiddeċiedi li l-Montenegro jipprovdi kontribuzzjoni sinifikanti li hija essenzjali għal din l-operazzjoni; jew |
(b) |
Il-Montenegro għandu DNG per capita li ma jeċċedix lil dak ta' kwalunkwe Stat Membru tal-UE. |
5. Għandu jiġi ffirmat arranġament dwar il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tal-Montenegro għall-baġit operattiv ta' operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet, bejn il-Kap tal-Missjoni u s-servizzi amministrattivi rilevanti tal-Montenegro. Dak l-arranġament għandu, inter alia, jinkludi d-dispożizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
l-ammont ikkonċernat, |
(b) |
l-arranġamenti għall-ħlas tal-kontribut finanzjarju, |
(c) |
il-proċedura tal-verifika tal-kontijiet. |
TAQSIMA III
DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-PARTEĊIPAZZJONI F'OPERAZZJONIJIET MILITARI GĦALL-IMMANIĠĠAR TA' KRIŻIJIET
Artikolu 9
Parteċipazzjoni f' operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet
1. Il-Montenegro għandu jiżgura li l-forzi tiegħu u l-persunal parteċipanti f' operazzjoni militari tal-UE għall-immmaniġġar ta' kriżijiet jidħlu għall-missjoni tagħhom b'mod konformi ma':
(a) |
id-Deċiżjoni tal-Kunsill u emendi sussegwenti kif imsemmija fl-Artikolu 2(1), |
(b) |
il-Pjan ta' Operazzjoni, |
(c) |
il-miżuri implementattivi. |
2. Persunal issekondat mill-Montenegro għandu jwettaq id-doveri tiegħu u jġib ruħu billi jżomm f'moħħu biss l-interessi tal-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet.
3. Il-Montenegro għandu jinforma lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE fi żmien xieraq bi kwalunkwe bidla fil-parteċipazzjoni tiegħu fl-operazzjoni.
Artikolu 10
Linja ta' kmand
1. Il-forzi u l-persunal kollha parteċipanti fl-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet għandhom jibqgħu taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tagħhom.
2. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-kmand Operattiv u Tattiku u/jew il-kontroll tal-forzi u tal-persunal tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE, li huwa intitolat li jiddelega l-awtorità tiegħu.
3. Il-Montenegro għandu jkollu l-istess drittijiet u obbligi f'termini ta' tmexxija ta' kuljum tal-operazzjoni bħal Stati Membri parteċipanti tal-UE.
4. Il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE jista', wara konsultazzjonijiet mal-Montenegro, fi kwalunkwe ħin jitlob l-irtirar tal-kontribut tal-Montenegro.
5. Għandu jinħatar Rappreżentant Militari Superjuri (“SMR”) mill-Montenegro biex jirrappreżenta l-kontinġent nazzjonali tiegħu fl-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet. L-SMR għandu jikkonsulta mal-Kmandant tal-Forza tal-UE dwar il-materji kollha li jolqtu l-operazzjoni u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina ta' kuljum tal-kontinġent tal-Montenegro.
Artikolu 11
Aspetti finanzjarji
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12, il-Montenegro għandu jassumi l-ispejjeż kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tiegħu fl-operazzjoni sakemm l-ispejjeż ma jkunux suġġetti għal finanzjament komuni kif previst fl-istrumenti legali msemmija fl-Artikolu 2(1), kif ukoll fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/975/PESK tat-18 ta' Diċembru 2008 li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża (Athena) (1).
2. F'każ ta' mewt, korriment, telf jew dannu lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-Istat(i) li fih(om) titwettaq l-operazzjoni, il-Montenegro għandu, meta r-responsabbiltá tiegħu tkun ġiet stabbilita, iħallas kumpens skont il-kondizzjonijiet previsti fil-ftehim applikabbli dwar l-istatus tal-forzi, imsemmi fl-Artikolu 3(1).
Artikolu 12
Kontribut għall-ispejjeż komuni
1. Il-Montenegro għandu jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-ispejjeż komuni ta' operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet.
2. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Montenegro għall-baġit operattiv għandha tiġi kkalkolata abbażi taż-żewġ formoli li ġejjin, skont liema tipproduċi l-inqas ammont:
(a) |
is-sehem tal-ispejjeż komuni li jikkorrispondi proporzjonalment għall-proporzjon tad- DNG tal-Montenegro fit-total tad-DNG tal-Istati kollha li jkunu qegħdin jikkontribwixxu għall-ispejjeż komuni tal-operazzjoni; jew |
(b) |
is-sehem tal-ispejjeż komuni li jikkorrispondi proporzjonalment għall-proporzjon tan-numru tal-persunal mill-Montenegro parteċipanti fl-operazzjoni għan-numru totali ta' persunal tal-Istati kollha parteċipanti fl-operazzjoni. |
Fejn tintuża l-formula taħt il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu u l-Montenegro jikkontribwixxi biss persunal għall-Operazzjoni jew għall-Kwartieri Ġenerali tal-Forza, il-proporzjon użat għandu jkun dak tal-persunal tiegħu għal dak tan-numru totali tal-persunal rispettiv tal-kwartieri ġenerali. F'każijiet oħra, il-proporzjon għandu jkun dak tal-persunal kollu kontribwit mill-Montenegro għal dak tal-persunal totali tal-operazzjoni.
3. Minkejja l-paragrafu 1, l-UE għandha, fil-prinċipju, teżenta lill-Montenegro minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-ispejjeż komuni ta' operazzjoni militari partikolari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet meta:
(a) |
l-UE tiddeċiedi li l-Montenegro jipprovdi kontribut sinifikanti għall-assi u/jew għall-kapaċitajiet li jkunu essenzjali għall-operazzjoni; jew |
(b) |
il-Montenegro għandu DNG per capita li ma jaqbiżx dak ta' kwalunkwe Stat Membru tal-UE. |
Għandu jiġi konkluż arranġament mal-Amministratur previst fid-Deċiżjoni 2008/975/PESK u l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti fil-Montenegro. Dak l-arranġament għandu jinkludi, inter alia, dispożizzjonijiet dwar:
(a) |
l-ammont ikkonċernat, |
(b) |
l-arranġamenti għall-ħlas tal-kontribut finanzjarju, |
(c) |
il-proċedura tal-verifika tal-kontijiet. |
TAQSIMA IV
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 13
Arranġamenti biex jiġi implimentat il-Ftehim
Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 8(5) u 12(4), kwalunkwe arranġament tekniku u amministrattiv meħtieġ għall-implementazzjoni ta' dan il-Ftehim għandu jiġi konkluż bejn ir-RGħ u l-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro.
Artikolu 14
Nonkonformità
Jekk waħda mill-Partijiet tonqos milli tikkonforma mal-obbligi tagħha skont dan il-Ftehim, il-Parti l-oħra għandu jkollha d-dritt li ttemm dan il-Ftehim billi tibgħat avviż bil-miktub minn xahar qabel.
Artikolu 15
Riżoluzzjoni ta' disputi
Id-disputi li jikkonċernaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandhom jiġu riżolti b'mezzi diplomatiċi bejn il-Partijiet.
Artikolu 16
Dħul fis-seħħ
1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara li l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-twettiq tal-proċeduri legali interni meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu.
2. Dan il-Ftehim għandu jiġi applikat b'mod proviżorju mid-data tal-firma.
3. Dan il-Ftehim għandu jkun suġġett għal reviżjoni regolari.
4. Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat abbażi ta' ftehim reċiproku bil-miktub bejn il-Partijiet.
5. Dan il-Ftehim jista' jiġi ddenunzjat minn kwalunkwe Parti b'notifika bil-miktub ta' denunzja mogħtija lill-Parti l-oħra. Tali denunzja għandha jkollha effett sitt xhur wara li l-Parti l-oħra tirċievi n-notifika.
Magħmul fi Brussell fit-tnejn u għoxrin jum ta' Frar tas-sena elfejn u ħdax, duplikatament, kull kopja bl-Ingliż.
Għall-Unjoni Ewropea
Għall-Montenegro
(1) ĠU L 345, 23.12.2008, p. 96.
TEST GĦAL DIKJARAZZJONIJIET
TEST GĦALL-ISTATI MEMBRI TAL-UE:
“L-Istati Membri tal-UE li japplikaw Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE dwar operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet li jipparteċipa fiha l-Montenegro, għandhom jippruvaw, safejn is-sistemi legali interni tagħhom jippermettu, jirrinunzjaw safejn possibbli talbiet kontra l-Montenegro għal korriment, mewt ta' persunal, jew dannu lil, jew telf ta', kwalunkwe assi li huma proprjetà tagħhom u użati mill-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet jekk tali korriment, mewt, dannu jew telf:
— |
kienu kkawżati minn persunal mill-Montenegro fit-twettiq tad-doveri tiegħu f'konnessjoni ma' operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet, ħlief f'każ ta' negliġenza serja jew ta' kondotta skorretta volontarja; jew |
— |
seħħew bl-użu ta' kwalunkwe assi fil-proprjetà tal-Montenegro, sakemm l-assi ġew użati b'konnessjoni mal-operazzjoni u ħlief fil-każ ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja tal-persunal tal-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet mill-Montenegro li kien qed juża dawk l-assi.” |
TEST GĦALL-MONTENEGRO:
“Il-Montenegro waqt li japplika Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE dwar operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet jagħmel dak li jista', sa fejn is-sistema legali interna tiegħu hekk tippermetti, sabiex jirrinunzja, sa fejn ikun possibbli, għal talbiet kontra kwalunkwe Stat ieħor li jipparteċipa fl-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet għal korriment, mewt ta' persunal tiegħu, jew dannu lil, jew telf ta', kwalunkwe assi li jkunu proprjetà tiegħu u użati mill-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet jekk tali korriment, mewt, dannu jew telf:
— |
kienu kkawżati minn persunal fl-eżekuzzjoni tad-doveri tagħhom b'konnessjoni ma' operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet, ħlief f'każ ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja; jew |
— |
irriżultaw mill-użu ta' kwalunkwe assi ta' Stati parteċipanti fl-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet, sakemm l-assi jkunu ntużaw b'konnessjoni mal-operazzjoni u ħlief f'każ ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja ta' persunal tal-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet li jkun qed juża dawk l-assi.” |