Official Journal L 029 , 03/02/1999 P. 0049 - 0050
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Jannar 1999, dwar il-proċedura għall- attestazzjoni ta' konformità ta' prodotti għall-bini skond l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE dwar travi u kolonni ħfief magħmula minn materjal b'bażi ta' l-injam (notifikata bid-dokument numru K (1999) 116) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) (1999/92/KE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE tal-21 ta' Diċembru, 1988, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolament u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ prodotti għall-bini [1], kif emendata bid-Direttiva 93/68/KEE [2], u partikolarment Artikolu 13(4) tagħha, Billi l-Kummissjoni jeħtiġilha, skond iż-żewġ proċeduri msemmija f'Artikolu 13(3) tad-Direttiva 89/106/KEE dwar attestazzjoni ta' konformità ta' prodott, illi tagħżel "il-proċedura l-inqas oneruża possibli li tkun taqbel mas-sigurtà"; billi dan ifisser li jeħtieġ li jkun deċiż jekk, għal ċertu prodott jew klassi ta' prodotti, l-eżistenza ta' sistema ta' kontroll ta' produzzjoni fil-fabbrika taħt ir-responsabbiltà tal-manifattur hix kondizzjoni neċessarja u suffiċjenti għal attestazzjoni ta' konformità, jew jekk, għal raġunijiet li għandhom x'jaqsmu biex jitħarsu l-kriterji msemmija f'Artikolu 13(4), hemmx ħtieġa ta' l-intervent għal dak l-iskop ta' korp approvat ta' ċertifikazzjoni; Billi Artikolu 13(4) jitlob li l-proċedura hekk stabbilita għandha tintwera fil-mandati u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi; billi, għalhekk, ikun aħjar li jkun hemm definizzjoni tal-kunċett ta' prodotti jew klassi ta' prodotti kif użati fl-ordnijiet u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi; Billi ż-żewġ proċeduri msemmija f'Artikolu 13(3) huma murija fid-dettal f'Anness III tad-Direttiva 89/106/KEE; billi għalhekk jeħtieġ li jkunu speċifikati b'mod ċar il-metodi li bihom iż-żewġ proċeduri għandhom ikunu implimentati, b'riferenza għal Anness III, għal kull prodott jew klassi ta' prodotti, peress li Anness III jagħti preferenza lil ċerti sistemi; Billi l-proċedura li għaliha saret referenza fil-punt (a) ta' Artikolu 13(3) taqbel mas-sistemi msemmija fl-ewwel possibbiltà, mingħajr sorveljanza kontinwa, u fit-tieni u fit-tielet possibbiltà tal-punt (ii) tat-Taqsima 2 ta' Anness III, u l-proċedura msemmija fil-punt (b) ta' Artikolu 13(3) taqbel mas-sistema msemmija fil-punt (i) tat-taqsima 2 ta' Anness III u fl-ewwel possibbiltà, b'sorveljanza kontinwa, tal-punt (ii) tat-Taqsima 2 ta' Anness III; Billi l-miżuri stabbiliti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Bini, ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-prodotti msemmija f'Anness I għandu jkollhom l-konformità tagħhom attestata permezz ta' proċedura li biha, flimkien mas-sistema ta' kontroll tal-produzzjoni fil-fabbrika mħaddma mill-manifattur, korp approvat ta' ċertifikazzjoni jkollu x'jaqsam fl-istima u fis-sorveljanza tal-kontroll tal-produzzjoni jew tal-prodott innifsu. Artikolu 2 Il-proċedura għall-attestazzjoni ta' konformità kif mogħtija f'Anness II għandha tintwera fil-mandati għal linji-gwida għal approvazzjoni teknika Ewropea. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fil-15 ta' Jannar 1999. Għall-Kummissjoni Martin Bangemann Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 40, tal-11.2.1989, p. 12. [2] ĠU L 220, tat-30.8.1993, p. 1. -------------------------------------------------- ANNESS I Travi u kolonni ħfief magħmula minn materjal b'bażi ta' l-injam (inklużi travi fl-għamla "T", jiġifieri taħlita ta' travi u xorok): - biex jintużaw fil-bini. -------------------------------------------------- ANNESS II ATTESTAZZJONI TA' KONFORMITÀ KLASSI TA' PRODOTTI TRAVI U KOLONNI ĦFIEF MAGĦMULA B'MATERJAL B'BAŻI TA' L-INJAM (1/1) 1. Sistemi ta' attestazzjoni ta' konformità Għall-prodotti u l-użu maħsub għalihom skond il-lista ta' hawn taħt, jenħtieġ li l-EOTA tispeċifika s-sistema ta' attestazzjoni ta' konformità fil-linji-gwida rilevanti għal approvazzjonijiet tekniċi Ewropej: Sistema 1 : Ara d-Direttiva 89/106/KEE, Anness III(2)(i), mingħajr eżami ta' verifika ta' kampjuni. Prodott(i) | Użu maħsub għalihom | Livell/i jew klassi/jiet (reazzjoni għan-nar) (reżistenza għan-nar) | Sistema/i ta' attestazzjoni ta' konformità | Travi u kolonni ħfief magħmula b'materjal b'bażi ta' l-injam (inklużi travi fl-għamla "T", jiġifieri taħlita ta' travi u xorok): | fil-bini | liema jkun | 1 | L-ispeċifikazzjoni għas-sistema għandha tkun b'mod li tista’ titwettaq ukoll fejn ir-rendiment m'għandux il-ħtieġa li jiġi stabbilit għal xi karatteristika partikolari, għaliex ta' l-inqas Stat Membru wieħed m'għandu ebda ħtieġa legali għal karatteristika bħal din (ara Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/106/KEE u, fejn japplika, l-punt 1,2,3 tad-Dokumenti ta' Interpretazzjoni). F'dawk il-każijiet il-verifika ta' dik il-karatteristika m'għandhiex tkun imposta fuq il-manifattur jekk hu ma jixtieqx jiddikjara ir-rendiment tal-prodott f'dak ir-rigward. --------------------------------------------------