1999R0530 — MT — 07.08.2009 — 003.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 530/1999

tad-9 ta' Marzu 1999

li jikkonċerna l-istatistiċi strutturali dwar il-qligħ u dwar l-ispejjeż tax-xogħol.

(ĠU L 063, 12.3.1999, p.6)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

 M1

IR-REGOLAMENT (KE) Nru 1882/2003 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tad-29 ta' Settembru 2003

  L 284

1

31.10.2003

►M2

REGOLAMENT Nru 1893/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL ta' l-20 ta' Diċembru 2006

  L 393

1

30.12.2006

►M3

REGOLAMENT (KE) Nru 596/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-18 ta’ Ġunju 2009

  L 188

14

18.7.2009




▼B

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 530/1999

tad-9 ta' Marzu 1999

li jikkonċerna l-istatistiċi strutturali dwar il-qligħ u dwar l-ispejjeż tax-xogħol.



IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 213 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-abbozz tar-Regolament sottomess mill-Kummissjoni,

Billi, sabiex jitwettaq ix-xogħol assenjat lilha, il-Kummissjoni għandha tinżamm informata dwar il-livell u l-kompożizzjoni ta' l-ispejjeż tax-xogħol u dwar l-istruttura u t-tqassim tal-qligħ fl-Istati Membri;

Billi l-iżvilupp tal-Komunità u l-operat tas-suq intern iżidu l-ħtieġa għall-informazzjoni kumparabbli dwar il-livell u l-kompożizzjoni ta' l-ispejjeż tax-xogħol u dwar l-istruttura u d-distribuzzjoni tal-qligħ, partikolarment bħala mezz għall-analiżi tal-progress tal-koeżjoni ekonomika u soċjali u sabiex jiġu stabbiliti paraguni ta' min joqgħod fuqhom u rilevanti bejn l-Istati Membri u r-reġjuni tal-Komunità;

Billi l-aħjar metodu sabiex tiġi valutata s-sitwazzjoni dwar l-ispejjeż tax-xogħol u l-qligħ huwa li jiġu kkompilati statistiċi Komunitarji li jużaw metodi u definizzjonijiet armonizzati kif sar f'okkażjonijiet preċedenti, l-iżjed riċenti għall-1996 fil-każ tal-livell u l-kompożizzjoni ta' l-ispejjeż tax-xogħol skond ir-Regolament (KE) Nru 23/97 ( 1 ) u għall-1995 fil-każ ta' l-istruttura u t-tqassim tal-qligħ skond ir-Regolament (KE) Nru 2744/95 ( 2 );

Billi, sabiex jiġu riflessi l-bidliet li qed iseħħu fl-istruttura tal-forza tax-xogħol, fid-distribuzzjoni tal-qligħ, u fil-kompożizzjoni ta' l-ispiża ta' l-impriżi f'salarji u kontribuzzonijiet relatati ta' dawk li jħaddmu, l-istatistiċi għandhom jiġu aġġornati regolarment;

Billi, skond ir-Regolament (KE) Nru 2223/96 ( 3 ) is-Sistema Ewropea tal-Kontijiet Nazzjonali u Reġjonali fil-Komunità Ewropea (ESA-95) hija t-terminu ta' riferenza għal standards, definizzjonijiet u prattiċi ta' kontabilità fl-Istati Membri sabiex jissodisfaw il-ħtiġiet Komunitarji; billi dan jeħtieġ li jiġu stabbiliti fonti ta' statistika kompluti, ta' min joqgħod fuqhom u paragunabbli fuq livell nazzjonali u reġjonali; billi l-livelli ta' tqassim li għandhom jiġu applikati għall-fatturi huma limitati għal dak li hu meħtieġ biex tiġi żgurata l-paragunabbilità ma' statistiċi preċedenti u kumpattibilità mal-ħtiġiet tal-kontijiet nazzjonali;

Billi l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jeħtieġ informazzjoni dwar il-livell u l-kompożizzjoni ta' l-ispejjeż tax-xogħol u dwar l-istruttura u d-distribuzzjoni tal-qligħ sabiex jiġi vvalutat l-iżvilupp ekonomiku fl-Istati Membri fil-kuntest ta' politika monetarja Ewropea waħda;

Billi informazzjoni statistika f'dan il-qasam hija disponibbli biss f'ċerti Stati Membri u għalhekk ma jistgħux isiru paraguni validi; billi l-istatistiċi Komunitarji għandhom, konsegwentement jiġu prodotti u r-riżultati pproċessati fuq il-bażi ta' definizzjonijiet komuni u metodoloġiji armonizzati, wara li jittieħdu inkonsiderazzjoni l-istandards approvati mill-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti;

Billi fil-preżent mhux l-Istati Membri kollha jiġbru informazzjoni kompleta fit-Taqsimiet M (Edukazzjoni), N (Saħħa u Ħidma Soċjali) u O (Attivitajiet oħra tal-Komunità, soċjali u servizzi personali); billi huwa għalhekk approprjat li jiġi deċiż dwar l-inklużjoni possibbli tagħhom fl-iskop ta' dan ir-Regolament fid-dawl ta' rapport li għandu jiġi sottomess mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta' studji pilota dwar il-vijabbilità li tinġabar informazzjoni kompluta f'dawn is-setturi;

Billi għalkemm l-importanza ta' informazzjoni kompluta dwar l-oqsma kollha ta' l-ekonomija għandha tiġi kompletament rikonoxxuta, din għandha tiġi peżata b'attenzjoni kontra l-possibilitajiet ta' rappurtaġġ u l-problema ta' rispons f'arji speċifiċi, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs); billi huwa għalhekk approprjat li l-Komunità twettaq studji pilota dwar il-vijabbilità tal-ġbir komplut ta' informazzjoni mill-unitajiet statistiċi b'inqas minn għaxar impjegati u li l-Kunsill jiddeċiedi dwar din il-materja fid-dawl ta' rapport li għandu jiġi sottomess mill-Kummissjoni, fi żmien erba' snin mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament; billi l-użu ta' reġistri amministrattivi jista' jkun ta' għajnuna fil-frattemp u għandu jiġi inkoraġġit;

Billi, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-ħolqien ta' standards statistiċi komuni li jippermettu li tiġi prodotta informazzjoni armonizzata hija azzjoni proposta, li l-oġġettivi tagħha jistgħu, għar-raġuni ta' l-iskala jew l-effetti tagħha jintlaħħqu aħjar mill-Komunità, billi dawn l-istandards jiġu implimentati f'kull Stat Membru bl-awtorità ta' l-aġenziji u l-istituzzjonijiet maħtura biex jikkumpilaw l-istatistiċi Komunitarji;

Billi jidher approprjat li jsiru dispożizzjonijiet għal eċċezzjonijet għal ċerti Stati Membri, sabiex jittieħdu inkonsiderazzjoni diffikultajiet tekniċi partikolari li jiltaqgħu magħhom dawn l-Istati fil-ġbir ta' ċerti tipi ta' informazzjoni, sakemm il-kwalità ta' l-informazzjoni statistika ma tkunx affetwata serjament;

Billi l-produzzjoni ta' ċerti statistiċi speċifiċi Komunitarji hija rregolata mir-regoli stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta' Frar 1997 dwar Statistiċi Komunitarji ( 4 );

Billi l-Kumitat tal-Programm Statistiku stabbilit permezz tad-Deċiżjoni 89/382/KEE, Euratom ( 5 ) ġie kkonsultat skond l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni msemmija,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:



L-Artikolu 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

L-awtoritajiet nazzjonali u l-Eurostat għandhom jipproduċu statistiċi Komunitarji dwar il-livell u l-kompożizzjoni ta' l-ispejjeż tax-xogħol u d-distribuzzjoni tal-qligħ ta' l-impjegati, fl-attivitajiet ekonomiċi definiti fl-Artikolu 3.

L-Artikolu 2

Il-Perijodu ta' riferenza

1.  L-istatistiċi dwar il-livell u l-kompożizzjoni ta' l-ispejjeż tax-xogħol għandhom jiġu prodotti għas-sena kalendarja 2000 u kull erba' snin wara.

2.  L-istatistiċi dwar l-istruttura u d-distribuzzjoni tal-qligħ għandha ssir għas-sena kalendarja 2002 u għal xahar rappreżentattiv f'dik is-sena, u kull erba' snin wara.

L-Artikolu 3

L-Iskop

▼M2

1.  L-istatistika għandha tkopri l-attivitajiet ekonomiċi kollha mfissra fit-taqsimiet B (Minjieri u barrieri), Ċ (Manifattura), D (Provvista ta' Elettriku, gass, fwar u arja kkondizzjonata), E (Provvista ta' ilma; sistemi ta' drenaġġi, ġestjoni ta' skart u attivitajiet ta' rimedjazzjoni), F (Kostruzzjoni), G (Negozju bl-ingrossa u bl-imnut; tiswija ta' vetturi bil-mutur u muturi), H (Trasport u ħżin), I (Akkomodazzjoni u attivitajiet ta' servizz marbuta ma' l-ikel), J (Attivitajiet ta' l-informatika u l-komunikazzjoni), K (Attivitajiet finanzjarji u ta' l-assigurazzjoni), L (Attivitajiet marbuta ma' propjetà immobbli), M (Attivitajiet professjonali, xjentifiċi u tekniċi), N (Attivitajiet amministrattivi u ta' servizz ta' sostenn), P (Edukazzjoni), Q (Attivitajiet ta' saħħa tal-bniedem u ta' xogħol soċjali), R (Attivitajiet ta' arti, divertiment u rikreazzjoni) u S (Attivitajiet oħra ta' servizz) tal-klassifikazzjoni ta' l-istatistika fir-rigward ta' l-attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità Ewropea (NACE Rev. 2).

▼M2 —————

▼B

L-Artikolu 4

Wara li tieħu inkonsiderazzjoni l-opinjonijiet tal-Kumitat tal-Programm Statistiku, il-Kummissjoni għandha, fi żmien erba' snin mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, tikkompila rapport li jieħu inkonsiderazzjoni r-riżultati ta' l-istudji pilota, b'mod partikolari, fuq il-bażi tal-fonti eżistenti fil-qasam ta' l-unitajiet statistiċi li għandhom inqas minn għaxar impjegati, u tissottomettih lill-Kunsill. Ir-rapport għandu jivvaluta l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament li jirrigwarda unitajiet b'inqas minn għaxar impjegati. Ir-rapport għandu jiżen l-importanza ta' informazzjoni kompluta kontra l-possibilitajiet ta' rappurtaġġ u l-problemi ta' rispons. Wara dan ir-rapport, il-Kummissjoni tista', jekk neċessarju, tissottometti inizjattivi approprjati lill-Kunsill sabiex jiġi emendat dan ir-Regolament.

L-Artikolu 5

Unitajiet Statistiċi

Il-kumpilazzjoni ta' l-istatistiċi għandha tkun ibbażata fuq unitajiet u impriżi lokali kif definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 696/93 tal-15 ta' Marzu 1993 dwar l-unitajiet statistiċi għall-osservazzjoni u l-analiżi tas-sistema ta' produzzjoni fil-Komunità ( 6 ).

L-Artikolu 6

Karatteristiċi ta' l-informazzjoni meħtieġa

1.  Fil-każ ta' statistiċi dwar il-livell u l-kompożizzjoni ta' l-ispejjeż tax-xogħol, għandha għall-inqas tiġi pprovduta informazzjoni dwar:

(a) il-karatteristiċi li ġejjin li jirrigwardaw l-unità lokali:

 ir-reġjun (f'livell NUTS 1),

 id-daqs ta' l-intrapriża li l-unità lokali tappartjeni għaliha (kklassifikata bħala waħda milli ġejjin: 10-49, 50-249, 250-499, 500-999, 1 000 jew iktar impjegati),

 l-attiività ekonomika (fil-livell ta' diviżjoni ta' ►M2  NACE Rev. 2 ◄ );

(b) il-fatturi li ġejjin:

 l-ispejjez tax-xogħol totali annwali, b'distinzjoni bejn pagi u salarji (maqsuma f'remunerazzjoni diretta u bonuses, pagamenti għal skemi ta' tfaddil ta' l-impjegati, pagamenti għal ġranet li ma nħadmux u pagi u salarji innatura), il-kontribuzzjonijiet soċjali ta' min iħaddem, (maqsuma f'kontribuzzjonijiet soċjali attawali u imputati), spejjeż ta' taħriġ professjonali, spejjeż u taxxi oħra, kif ukoll sussidji direttament relatati ma' l-ispejjeż tax-xogħol,

 il-medja annwali ta' l-impjegati, b'distinzjoni bejn impjegati full-time, impjegati part-time kif ukoll apprendisti,

 in-numru annwali ta' sigħat maħduma fis-sena u n-numru ta' sigħat imħallsa, f'kull każ b'distinzjoni bejn impjegati full-time, impjegati part-time, u apprendisti.

2.  Fil-każ ta' statistiċi dwar l-istruttura u d-distribuzzjoni tal-qligħ, għandha għall-inqas tiġi pprovduta informazzjoni dwar:

(a) il-karatteristiċi li ġejjin li jirrigwardaw l-unità lokali li magħha l-impjegati li jintgħażlu għall-kampjun ikunu marbuta:

 ir-reġjun (f'livell NUTS 1),

 id-daqs ta' l-intrapriża li għaliha tappartjeni l-unità lokali (klassifikata bħala waħda milli ġejjin: 10-49, 50-249, 250-499, 500-999, 1 000 jew iktar impjegati),

 l-attività ekonomika (fil-livell ta' diviżjoni ta' ►M2  NACE Rev. 2 ◄ ),

 il-forma ta' kontroll ekonomiku u finanzjarju fis-sens tad-Direttiva tal-Kummissjoni 80/723/KEE tal-25 ta' Ġunju 1980 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi publiċi ( 7 ),

 it-tip ta' ftehim dwar ħlas kollettiv li huwa fis-seħħ;

(b) il-karatteristiċi li ġejjin li jirrigwardawkull impjegat fil-kampjun:

 sess,

 età,

 xogħol ikklassifikat skond l-Istandard Internazzjonali tal-Klassifika ta' Xogħlijiet,

 l-ogħla livell komplut ta' edukazzjoni u taħriġ,

 it-tul tas-servizz fl-intrapriża,

 kemm jekk fulltime jew parttime,

 it-tip ta' kuntratt tax-xogħol;

(ċ) id-dettalji li ġejjin dwar il-qligħ:

 id-dħul gross għal xahar rappreżentattiv (b'distinzjoni bejn qligħ relatat mas-sahra u pagamenti speċjali għal xogħol ta' shift),

 id-dħul gross annwali fis-sena ta' riferenza (b'distinzjoni bejn bonuses separati mħallsa b'mod irregolari),

 il-ħin tax-xogħol (in-numru ta' sigħat imħallsa f'xahar ta' xogħol standard, in-numru ta' sigħat ta' sahra mħallsa f'dak ix-xahar u l-intitolament annwali għal-leave).

L-Artikolu 7

Il-Ġbir ta' informazzjoni

1.  L-inkjesti għandhom jitwettqu pemezz ta' l-awtoritajiet nazzjonali approprjati, li għandhom ifasslu l-metodi approprjati għall-ġbir ta' l-informazzjoni, b'kont meħud tal-problemi ta' rispons, l-iktar fir-rigward ta' l-SMEs.

2.  Dawk li jħaddmu u persuni oħrajn li huma rikjesti li jissupplixxu l-informazzjoni għandhom jirrispondu għall-mistoqsijiet b'mod komplet u fil-limiti ta' żmien stabbiliti. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri approprjati sabiex jevitaw vjolazzjonijiet ta' l-obbligu li tiġi fornita l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6.

3.  Sabiex titnaqqas il-problema fuq l-impriżi, partikolarment fuq l-SMEs, l-inkjesti m'hemmx għalfejn jitwettqu jekk l-awtoritajiet nazzjonali għandhom informazzjoni minn sorsi approprjati oħrajn jew jekk jistgħu jipproduċu estimi ta' l-informazzjoni neċessarja bl-użu ta' proċeduri ta' valutazzjoni statistika fejn uħud mill-karatteristiċi jew kollha ma ġewx osservati għall-unitajiet kollha li għalihom għandhom jiġu kkompilati l-istatistiċi.

L-Artikolu 8

L-Ipproċessar tar-riżultati

L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jipproċessaw it-tweġibiet għall-mistoqsijiet msemmija fl-Artikolu 7(2) jew l-informazzjoni minn fonti oħra, kif msemmi fl-Artikolu 7(3), sabiex jiġu ottenuti riżultati komparabbli.

L-Artikolu 9

Ir-riżultati mgħoddija

Ir-riżultati għandhom jiġu mgħoddija lill-Eurostat f'perijodu ta' 18-il xahar mit-tmiem tas-sena ta' riferenza.

L-Artikolu 10

Il-Kwalità

1.  L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiżguraw li r-riżultati jirriflettu s-sitwazzjoni reali tal-popolazzjoni totali ta' l-unitajiet bi grad suffiċjenti ta' rapprezentattività.

2.  L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jgħaddu lill-Eurostat fuq talba tagħha wara kull Perijodu ta' riferenza rapport li jkun fih l-informazzjoni relevanti kollha li tirrigwarda l-implimentazzjoni tar-Regolament fl-Istat Membru kkoncernat, sabiex il-kwalità ta' l-istatistiċi tkun tista' tiġi evalwata.

▼M3

Artikolu 11

Miżuri ta’ implimentazzjoni

Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament li ġejjin, inklużi miżuri biex jittieħed kont tal-bidliet ekonomiċi u tekniċi, huma adottati mill-Kummissjoni għal kull perjodu ta’ referenza mill-inqas disa’ xhur qabel il-bidu tal-perjodu ta’ referenza:

(i) id-definizzjoni u r-rendikont tal-informazzjoni li għandha tiġi provduta (l-Artikolu 6),

(ii) il-format tekniku approprjat għat-trażmissjoni tar-riżultati (l-Artikolu 9),

(iii) il-kriterji għall-valutazzjoni tal-kwalità (l-Artikolu 10),

(iv) id-derogi, f’każijiet iġġustifikati kif imiss, għas-snin 2004 u 2006, rispettivament (l-Artikolu 13(2)).

Il-miżuri msemmija fil-punti (ii) u (iv) jiġu adottati f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2).

Il-miżuri msemmija fil-punti (i) u (iii), li huma mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fil-proċedura stipulata fl-Artikolu 12(3).

Artikolu 12

Proċedura tal-Kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat tal-Programm Statistiku mwaqqaf bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom ( 8 ).

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE ( 9 ), filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stipulat fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal tliet xhur.

3.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

▼B

L-Artikolu 13

Derogi

1.  Derogi mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 2, 3 u 6 għas-snin ta' riferenza 2000 u 2002 huma stabbiliti fl-Anness.

▼M3

2.  Għas-snin 2004 u 2006 rispettivament, jistgħu jiġu deċiżi derogi mill-Artikoli 3 u 6 sakemm is-sistema nazzjonali statistika teħtieġ adattamenti kbar, f’konformità mal-proċedura regolatorja stabbilita fl-Artikolu 12(2).

▼B

L-Artikolu 14

Id-Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




L-ANNESS

DEROGI

I.   Derogi mill-Artikolu 2

1. Il-Ġermanja: l-ewwel statistiċi dwar l-istruttura u d-distribuzzjoni tal-qligħ taħt dan ir-Regolament għandhom jiġu prodotti għas-sena ta' riferenza 2001 minflok 2002. Statistiċi sussegwenti dwar l-istruttura u d-distribuzzjoni tal-qligħ għandhom jiġu prodotti għas-sena ta' riferenza 2006 u kull Perijodu ta' erba' snin wara.

2. Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Isvezja u r-Renju Unit: L-istatistiċi għas-snin ta' riferenza 2000 u 2002 jistgħu jirreferu għas-sena finanzjarja li tikkorispondi l-iktar mill-qrib għal dawn is-snin kalendarji, iżda dan ma jaffettwax il-limiti biex tintbagħat l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9.

II.   Derogi mill-Artikolu 3

1. Il-Ġermanja: l-attivitajiet ekonomiċi definiti fis-sezzjonijiet H (Lukandi u ristoranti), I (Trasport, ħażna u komunikazzjonijiet) u K (Proprjetà immobbli, kiri u attivitajiet kummerċjali) tan- ►M2  NACE Rev. 2 ◄ mhumiex obbligatorji għas-snin ta' riferenza 2000 u 2001.

2. L-Irlanda: l-attivitajiet ekonomiċi definiti fis-sezzjoni H (Lukandi u ristoranti) mhumiex obbligatorji għas-sena ta' riferenza 2000.

3. L-Irlanda: l-attivitajiet ekonomiċi definiti fis-sezzjonijiet I (it-Trasport, il-ħażna u l-komunikazzjonijiet), diviżjoni 67 tas-sezzjoni J u s-sezzjoni K (Proprjetà immobbli, kiri u attivitajiet kummerċjali) tan- ►M2  NACE Rev. 2 ◄ mhumiex obbligatorji għas-sena ta' riferenza 2002.

III.   Derogi mill-Artikolu 6

1. L-Awstrija, il-Belġju, l-Italja u l-Olanda: għas-snin ta' riferenza 2000 u 2002, il-karatteristiċi msemmija fl-Artikolu 6 jistgħu jirreferu għall-intrapriża minflok għall-unità lokali.

2. L-Italja: għas-sena ta' riferenza 2000 il-karatteristiċi msemmija fl-Artikolu 6(1)(b): pagamenti lil skemi ta' tfaddil ta' l-impjegati, spejjeż oħra u taxxi mħallsa kif ukoll sussidji li jirċievi min iħaddem mhumiex obbligatorji.



( 1 ) ĠU L 6, ta' l-10.1.1997, p. 1.

( 2 ) ĠU L 287, tat-30.11.1995, p. 3.

( 3 ) ĠU L 310, tat-30.11.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emedat permezz tar-Regolament (KE) Nru 448/98 (ĠU L 58, tas-27.2.1998, p. 1).

( 4 ) ĠU L 52, tat-22.2.1997, p. 1.

( 5 ) ĠU L 181, tat-28.6.1989, p. 47.

( 6 ) ĠU L 76, tat-30.3.1993, p. 1.

( 7 ) ĠU L 195, tad-29.7.1980, p. 35, Direttiva kif emendata L-aħħar bid-Direttiva 93/84/KEE (ĠU L 254, tat-12.10.1993, p. 16).

( 8 ) ĠU L 181, 28.6.1989, p. 47.

( 9 ) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

  翻译: