26.10.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 326/1 |
TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TAL-UNJONI EWROPEA (VERŻJONI KONSOLIDATA)
IT-TIELET PARTI
POLITIKA U AZZJONIJIET INTERNI TA' L-UNJONI
TITOLU V
L-ISPAZJU TA' LIBERTÀ, SIGURTÀ U ĠUSTIZZJA
KAPITOLU 1
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 67
(ex Artikolu 61 TKE u ex Artikolu 29 TUE)
1. L-Unjoni għandha tikkonsisti fi spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja b'rispett għad-drittijiet fundamentali u s-sistemi u t-tradizzjonijiet legali differenti ta' l-Istati Membri.
2. L-Unjoni għandha tassigura li ma jkunx hemm kontrolli fuq il-persuni fil-fruntieri interni u għandha tiżviluppa politika komuni dwar l-asil, l-immigrazzjoni u l-kontroll fil-fruntieri esterni ibbażata fuq is-solidarjetà bejn l-Istati Membri, li tkun ġusta lejn iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi. Għall-finijiet ta' dan it-titolu, persuni apolidi għandhom jiġu trattati bħala ċittadini ta' pajjiżi terzi.
3. L-Unjoni għandha tagħmel ħilitha sabiex tassigura livell għoli ta' sigurtà permezz ta' miżuri ta' prevenzjoni u ta' ġlieda kontra l-kriminalità, ir-razziżmu u l-ksenofobija, permezz ta' miżuri ta' koordinazzjoni u koperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-pulizija u ġudizzjarji u awtoritajiet kompetenti oħrajn, kif ukoll permezz tar-rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi f'materji kriminali u, jekk meħtieġ, permezz ta' l-approssimazzjoni ta' liġijiet kriminali.
4. L-Unjoni għandha tiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja, b'mod partikolari permezz tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji f'materji ċivili.