26.10.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 326/1 |
TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TAL-UNJONI EWROPEA (VERŻJONI KONSOLIDATA)
IS-SITT PARTI
DISPOŻIZZJONIJIET ISTITUZZJONALI U FINANZJARJI
TITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET LI JIRREGOLAW L-ISTITUZZJONIJIET
KAPITOLU 1
L-ISTITUZZJONIJIET
TAQSIMA 5
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA TA' L-UNJONI EWROPEA
Artikolu 254
(ex Artikolu 224 TKE)
In-numru ta’ l-Imħallfin tal-Qorti Ġenerali jiġi stabbilit mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea. L-Istatut jista’ jipprovdi li l-Qorti Ġenerali tkun assistita minn Avukati Ġenerali.
Il-membri tal-Qorti Ġenerali jintgħażlu minn fost persuni li ma jkunx hemm dubbju dwar l-indipendenza tagħhom u li jkollhom il-kapaċità li jeżerċitaw funzjonijiet għolja fil-ġudikatura. Dawn jiġu maħtura bi qbil komuni mill-gvernijiet ta’ l-Istati Membri għal sitt snin, wara konsultazzjoni mal-Kumitat previst bl-Artikolu 255. Il-kompożizzjoni tal-Qorti tiġġedded parżjalment kull tliet snin. Il-membri li jirtiraw ikunu eliġibbli sabiex jerġgħu jinħatru.
L-Imħallfin jaħtru l-President tal-Qorti Ġenerali minn fosthom għal perjodu ta’ tliet snin. Dan jista’ jerġa’ jinħatar.
Il-Qorti Ġenerali taħtar ir-Reġistratur tagħha u tippreskrivi r-regoli tas-servizz tiegħu.
Il-Qorti Ġenerali għandha tistabbilixxi r-regoli tal-Proċedura tagħha bi qbil mal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn ir-regoli jeħtieġu l-approvazzjoni tal-Kunsill.
Sakemm l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea ma jipprovdix mod ieħor, id-dispożizzjonijiet tat-Trattati li għandhom x’jaqsmu mal-Qorti tal-Ġustizzja japplikaw għall-Qorti Ġenerali.