13.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

365


DEĊIŻJONI Nru 2/2005 TAL-KUMITAT TA’ L-AMBAXXATURI AKP-KE

tat-8 ta' Marzu 2005

dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat dwar il-Koperazzjoni bejn id-Dwani AKP-KE

(2005/300/KE)

IL-KUMITAT TA' L-AMBAXXATURI AKP-KE

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru. 2/1995 tal-Kumitat tal-Ministri AKP-KE tat-8 ta’ Ġunju 1995 dwar is-sħubija u r-regoli ta’ funzjonament tal-Kumitat dwar il-Koperazzjoni bejn id-Dwani AKP-KE,

Wara li kkunsidra il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE ffirmat f’Kotonu fit-23 ta’ Ġunju 2000 (1), minn hawn il-quddiem “il-Ftehim ta’ Sħubija” u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tal-Protokoll 1 ta’ l-Anness V għal dan,

Wara li kkunsidra r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ta’ l-Ambaxxaturi AKP-KE u b’mod partikolari l-Artikolu 15 tagħhom, li jirreferi għall-istabbiliment tar-Regoli ta’ Proċedura ta’ kumitati, sotto-kumitati u gruppi ta’ ħidma li jgħinu l-Kumitat ta’ l-Ambaxxaturi,

Xewqan li jiżgura t-twettiq ta’ l-għanijiet stabbiliti mill-Istati AKP u l-Komunità Ewropea fit-Titolu II tat-Tielet Parti tal-Ftehim ta’ Sħubija,

Wara li kkunsidra li koperazzjoni effettiva bejn id-dwani bejn l-Istati AKP u l-Komunità Ewropea tista’ tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kummerċ bejn l-Istati AKP u l-Komunità Ewropea;

Wara li kkunsidra li t-termini ta’ referenza tal-Kumitat huma stabbiliti mill-Artikoli 37 u 38 tal-Protokoll 1 ta’ l-Anness V tal-Ftehim ta’ Sħubija;

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1.   Il-Kumitat dwar il-Koperazzjoni bejn id-Dwani stabbilit bl-Artikolu 37 tal-Protokoll 1 ta’ l-Anness V tal-Ftehim ta’ Sħubija, minn hawn il-quddiem “il-Kumitat”, għandu jkun kompost minn naħa waħda minn esperti mill-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u minn uffiċjali tal-Kummissjoni responsabbli għal kwistjonijiet ta’ dwana, u minn naħa l-oħra minn esperti li jirrappreżentaw l-Istati AKP u minn uffiċjali ta’ gruppi reġjonali ta’ l-Istati AKP li huma responsabbli għal kwistjonijiet ta’ dwana. Il-Kumitat jista’ jirrikorri għal kompetenza esperta xierqa fejn neċessarju.

2.   Kull Parti għandha tinnotifika l-ismijiet tar-rappreżentanti tagħha u tal-viċi-president tagħha lis-Segretarjat tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE.

Artikolu 2

Il-kompiti tal-Kumitat kif definiti fl-Artikoli 37(1) sa (6) u 38(8) sa (10) tal-Protokoll 1 ta’ l-Anness V tal-Ftehim ta’ Sħubija għandhom ikunu kif ġej:

(a)

it-twettiq ta’ koperazzjoni amministrattiva bil-ħsieb ta’ l-applikazzjoni korretta u uniformi tal-Protokoll 1 tal-Ftehim ta’ Sħubija u t-twettiq ta’ kwalunkwe kompitu ieħor fil-qasam tad-dwana li jista’ jiġi fdat lilu;

(b)

l-eżami regolari ta’ l-effett fuq l-Istati AKP ta’ l-applikazzjoni tar-regoli ta’ oriġini u r-rakkomandazzjoni ta’ miżuri xierqa lill-Kunsill tal-Ministri AKP-KE;

(c)

it-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar derogi mir-regoli ta’ oriġini, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 38(9) u (10) tal-Protokoll 1 ta’ l-Anness V tal-Ftehim ta’ Sħubija;

(d)

it-tħejjija tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE skond l-Artikolu 40 tal-Protokoll 1 ta’ l-Anness V tal-Ftehim ta’ Sħubija.

Artikolu 3

1.   Il-Kumitat għandu jiltaqa’ mill-inqas darbtejn fis-sena f’dati stabbiliti bi ftehim komuni mill-Grupp AKP u l-Komunità Ewropea, bħala regola mill-inqas tmint ijiem qabel il-laqgħa tal-Kumitat ta’ l-Ambaxxaturi AKP-KE; laqgħat straordinarji jistgħu jissejħu meta jkun neċessarju.

2.   Il-Kumitat jista’, jekk neċessarju, jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma ad hoc biex jiġu eżaminati kwistjonijiet speċifiċi.

3.   Il-laqgħat tal-Kumitat għandhom jissejħu mill-President tiegħu. Il-proċedimenti għandhom ikunu kunfidenzjali ħlief jekk ikun deċiż mod ieħor.

Artikolu 4

Il-Presidenza tal-Kumitat għandha tinżamm b’mod alternanti għal perijodi ta’ sitt xhur mill-Grupp AKP u mill-Komunità Ewropea:

mill-1 ta’ April sat-30 ta’ Settembru mill-viċi-President ta’ l-AKP;

mill-1 ta’ April sat-30 ta’ Settembru mill-viċi-President tal-Komunità Ewropea;

Artikolu 5

1.   Aġenda proviżorja għal kull laqgħa għandha titfassal mill-President b’konsultazzjoni mal-viċi-President u għandha tiġi adottata mill-Kumitat fil-bidu ta’ kull laqgħa.

2.   Kompiti segretarjali u xogħol ieħor meħtieġ għall-funzjonament tal-Kumitat għandu jittwettaq mis-Segretarjat tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE.

3.   Is-Segretarjat għandu jibgħat in-notifiki li jsejħu l-laqgħa, l-aġenda, l-abbozz tal-miżuri u kwalunkwe dokument ieħor ta’ ħidma lill-membri tal-Kumitat mill-inqas ġimgħatejn qabel il-laqgħa.

4.   Wara kull laqgħa, is-Segretarjat għandu jipproduċi rekord sommarju li jkun adottat fil-laqgħa ta’ wara tal-Kumitat.

Artikolu 6

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat jistgħu jiġu kkunsidrati validi biss jekk maġġoranza tar-rappreżentanti maħtura mill-Grupp AKP u rappreżentant wieħed tal-Kummissjoni huma preżenti.

Artikolu 7

1.   Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat għandhom jiġu adottati bi ftehim bejn, fuq naħa waħa, l-Istati AKP, u, fuq l-oħra, il-Komunità Ewropea.

2.   Fejn il-Kumitat ma jistax jadotta deċiżjoni, għandu jirreferi l-kwistjoni lill-Kumitat ta’ l-Ambaxxaturi AKP-KE.

3.   F’ċirkostanzi eċċezzjonali, il-viċi-Presidenti jistgħu jiddeċiedu li jadottaw deċiżjonijiet bil-proċedura bil-miktub, b’mod partikolari fir-rigward ta’ deċiżjonijiet adottati skond l-Artikolu 38 tal-Protokoll 1 ta’ l-Anness V tal-Ftehim ta’ Sħubija.

Artikolu 8

Il-Kumitat jista’, jekk jikkunsidraha xierqa, jirranġa biex esperti jattendu fejn il-kwistjonijiet diskussi jeħtieġu kompetenza esperta speċifika.

Minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1, kwalunkwe Stat AKP li mhux membru tal-Kumitat jista’ jattendi bħala osservatur, ħlief fejn il-Kumitat jiddeċiedi li jiltaqa’ f’sessjoni ristretta.

Artikolu 9

Il-Kumitat għandu jissottometti r-rapporti tiegħu lill-Kumitat ta’ l-Ambaxxaturi AKP-KE.

Artikolu 10

L-Istati AKP-KE, fuq naħa waħda, u l-Istati Membri u l-Komunità Ewropea, fuq in-naħa l-oħra, għandhom jintrabtu, kull wieħed fir-rigward tal-kwistjonijiet li jikkonċernawhom, biex jieħdu l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 11

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mal-firma. Tħassar u tissostitwixxi d-Deċiżjoni Nru. 2/1995 tal-Kumitat tal-Ministri AKP-KE tat-8 ta’ Ġunju 1995 dwar is-sħubija u r-regoli ta’ funzjonament tal-Kumitat dwar il-Koperazzjoni bejn id-Dwani AKP-KE.

Magħmula fi Brussel, nhar it-8 ta' Marzu 2005.

Għall-Kumitat ta’ l-Ambaxxaturi AKP-KE

Il-President

M. SCHOMMER


(1)  ĠU L 317, tal-15.12.2000, p. 1


  翻译: