20.4.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 104/3 |
TRADUZZJONI
FTEHIM TA' PARTEĊIPAZZJONI
bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fil-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukrajna (EUAM Ukraine)
L-UNJONI EWROPEA (“UE” jew “Unjoni”),
minn naħa waħda, u
IL-KONFEDERAZZJONI ŻVIZZERA,
min-naħa l-oħra,
minn hawn 'il quddiem imsejħin “il-Partijiet”,
B'KONT MEĦUD TA'
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/486/PESK tat-22 ta' Lulju 2014 dwar il-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukrajna (EUAM Ukraine) (1),
Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (PESK) 2015/1965 tas-17 ta' Ġunju 2015 dwar l-istabbiliment tal-Kumitat ta' Kontributuri għall-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukraina (EUAM Ukraine) (EUAM Ukraine/1/2015) (2),
Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (PESK) 2015/1956 tas-27 ta' Ottubru 2015 dwar l-aċċettazzjoni tal-Kontribuzzjoni tal-Iżvizzera għall-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukraina (EUAM Ukraine) (EUAM Ukraine/4/2015) (3) (il-“Ftehim dwar l-Istatus tal- Missjoni”)
Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar l-istatus fl-Ukrajna tal-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukrajna (EUAM Ukraine) (4) (il-“Ftehim dwar l-Istatus tal- Missjoni”)
FTIEHMU KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Parteċipazzjoni fil-Missjoni
1. Il-Konfederazzjoni Żvizzera għandha tipparteċipa fil-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukraina (“EUAM Ukraine”) f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/486/PESK u ma' kwalunkwe Deċiżjoni oħra li biha l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiddeċiedi li jestendi EUAM Ukraine, kif ukoll dan il-Ftehim u kwalunkwe arranġament ta' implimentazzjoni meħtieġ skont l-Artikolu 6 ta' dan il-Ftehim.
2. Il-kontribut tal-Konfederazzjoni Żvizzera lil EUAM Ukraine hu mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni. L-Unjoni għandha tinforma lill-Konfederazzjoni Żvizzera fi żmien xieraq bi kwalunkwe bidla jew emenda għal EUAM Ukraine u b'mod partikolari d-dokumenti msemmija minn hawn 'il quddiem imsemmija fis-subparagrafu 3.
3. Il-Konfederazzjoni Żvizzera għandha tiżgura li l-persunal Żvizzeru li jipparteċipa fil-EUAM Ukraine jidħol għall-missjoni tiegħu b'mod konformi ma':
— |
Id-Deċiżjoni 2014/486/PESK u kwalunkwe emenda sussegwenti għaliha; |
— |
Il-Pjan tal-Missjoni; |
— |
Miżuri ta' implimentazzjoni. |
4. Il-persunal sekondat lill-Missjoni mill-Konfederazzjoni Żvizzera għandu jaqdi d-doveri tiegħu u jġib ruħu biss bil-ħsieb tal-interess tal-EUAM Ukraine.
5. Il-Konfederazzjoni Żvizzera għandha tinforma lill-Kap tal-Missjoni fi żmien xieraq bi kwalunkwe bidla fil-parteċipazzjoni u l-kontribut tagħha fil-Missjoni.
Artikolu 2
Status tal-persunal
1. L-istatus tal-persunal ikkontribwit lill-EUAM Ukraine mill-Konfederazzjoni Żvizzera għandu jkun regolat mill-Ftehim dwar l-Istatus tal-Missjoni.
2. Mingħajr preġudizzju għall-Ftehim dwar l-Istatus tal-Missjoni, il-Konfederazzjoni Żvizzera għandha teżerċita ġurisdizzjoni fuq il-persunal tagħha li jkun qed jipparteċipa fil-EUAM Ukraine.
3. Il-Konfederazzjoni Żvizzera għandha tkun responsabbli biex twieġeb għal kull pretensjoni marbuta mal-parteċipazzjoni fil-EUAM Ukraine, minn jew li tikkonċerna kwalunkwe membru tal-persunal tagħha. Il-Konfederazzjoni Żvizzera għandha tkun responsabbli li tieħu kwalunkwe azzjoni, b'mod partikolari legali jew dixxiplinarja, kontra kwalunkwe membru tal-persunal tagħha, skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħha.
4. Il-partijiet jaqblu li jirrinunzjaw għal kwalunkwe u kull pretensjoni, minbarra pretensjonijiet kuntrattwali, kontra xulxin għal dannu, telf jew distruzzjoni fir-rigward ta' assi li jkunu proprjetà ta,' jew operati minn, kwalunkwe waħda mill-Partijiet, li jirriżultaw mill-qadi tad-dmirijiet tagħhom marbuta mal-attivitajiet taħt dan il-Ftehim, ħlief fil-każ ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja.
5. Il-Konfederazzjoni Żvizzera timpenja ruħha li tagħmel dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja ta' pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat parteċipanti fil-EUAM Ukraine, u li tagħmel dan meta tiffirma dan il-Ftehim.
6. L-Unjoni timpenja ruħha li tiżgura li l-Istati Membri jagħmlu dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja ta' pretensjonijiet, għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fil-EUAM Ukraine, u li tagħmel dan meta tiffirma dan il-Ftehim.
Artikolu 3
Informazzjoni klassifikata
Il-Ftehim bejn il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Unjoni Ewropea dwar il-proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju ta' informazzjoni klassifikata (5), għandu japplika fil-kuntest tal-EUAM Ukraine.
Artikolu 4
Linja ta' kmand
1. Il-persunal Żvizzeru li jipparteċipa fil-EUAM Ukraine għandu jibqa' taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tiegħu.
2. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-kmand operattiv u tattiku tal-persunal tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili tal-UE.
3. Il-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili tal-UE għandu jassumi r-responsabbiltà għal, u jeżerċita l-kmand u l-kontroll tal-EUAM Ukraine fil-livell strateġiku.
4. Il-Kap tal-Missjoni għandu jassumi r-responsabbiltà għal, u jeżerċita l-kmand u l-kontroll tal-EUAM Ukraine.
5. Il-Kap tal-Missjoni għandu jmexxi lill-EUAM Ukraine u jassumi l-ġestjoni ta' kuljum tagħha.
6. Il-Konfederazzjoni Żvizzera għandu jkollha l-istess drittijiet u obbligi f'termini ta' ġestjoni ta' kuljum tal-Missjoni bħall-Istati Membri parteċipanti tal-UE, f'konformità mal-istrumenti legali msemmija fl-Artikolu 1.
7. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju fuq il-persunal tal-EUAM Ukraine. Fejn ikun meħtieġ, għandha tittieħed azzjoni dixxiplinarja mill-awtorità nazzjonali Żvizzera kompetenti.
8. Għandu jinħatar Punt ta' Kuntatt tal-Kontinġenti Nazzjonali (“NPC”) mill-Konfederazzjoni Żvizzera biex jirrappreżenta l-kontinġent nazzjonali tagħha fil-EUAM Ukraine. L-NPC għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet nazzjonali u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina ta' kuljum tal-kontinġent.
9. Id-deċiżjoni biex tintemm l-EUAM Ukraine għandha tittieħed mill-Unjoni, wara konsultazzjoni mal-Konfederazzjoni Żvizzera, ladarba l-Konfederazzjoni Żvizzera tkun għadha qed tikkontribwixxi għall-EUAM Ukraine fid-data tat-tmiem tal-EUAM Ukraine.
10. Il-Kmandant tal-Missjoni tal-UE jista', wara konsultazzjonijiet mal-Konfederazzjoni Żvizzera, fi kwalunkwe waqt jitlob l-irtirar tal-kontribut tal-Konfederazzjoni Żvizzera.
Artikolu 5
Aspetti finanzjarji
1. Il-Konfederazzjoni Żvizzera għandha tassumi l-ispejjeż kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tagħha fil-EUAM Ukraine, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3.
2. F'każ ta' mewt, korriment, telf jew dannu fir-rigward ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-Istat jew Stati li fihom issir il-Missjoni, il-Konfederazzjoni Żvizzera għandha, meta r-responsabbiltà tagħha tkun ġiet stabbilita, tħallas kumpens skont il-kondizzjonijiet previsti fil-Ftehim dwar l-Istatus tal-Missjoni.
3. L-Unjoni għandha teżenta lill-Konfederazzjoni Żvizzera minn kwalunkwe kontribut finanzjarju għall-baġit operattiv tal-EUAM Ukraine.
Artikolu 6
Arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim
Kwalunkwe arranġament tekniku u amministrattiv meħtieġ għall-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim għandu jiġi konkluż bejn l-awtoritajiet rilevanti tal-Partijiet.
Artikolu 7
Nonkonformità
Jekk waħda mill-Partijiet tonqos milli tosserva l-obbligi tagħha taħt dan il-Ftehim, il-Parti l-oħra jkollha d-dritt li tittermina dan il-Ftehim billi tibgħat avviż minn xahar qabel.
Artikolu 8
Riżoluzzjoni ta' tilwim
It-tilwim li jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandu jiġi riżolt b'mezzi diplomatiċi bejn il-Partijiet.
Artikolu 9
Dħul fis-seħħ u terminazzjoni
1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara li l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni neċessarji għal dak il-għan.
2. Dan il-Ftehim għandu jiġi applikat provviżorjament mid-data tal-iffirmar tiegħu.
3. Dan il-Ftehim għandu jibqa' fis-seħħ sakemm idum il-kontribut tal-Konfederazzjoni Żvizzera lill-Missjoni.
4. Kull Parti tista' tittermina dan il-Ftehim billi tavża lill-Parti l-oħra bil-miktub. It-terminazzjoni ssir effettiva tliet xhur wara d-data ta' tali notifika.
Magħmul fi Brussell, f'żewġ kopji bil-lingwa Ingliża fit-13 ta' April 2016.
Għall-Unjoni Ewropea
Għall-Konfederazzjoni Żvizzera
(1) ĠUUE L 217, 23.7.2014, p. 42.
(2) ĠUUE L 156, 20.6.2015, p. 21.
(3) ĠUUE L 287, 31.10.2015, p. 67.
TEST GĦAD-DIKJARAZZJONIJIET
Test għall-Istati Membri tal-UE:
L-Istati Membri tal-UE li japplikaw id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/486/PESK tat-22 ta' Lulju 2014 dwar il-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukrajna (EUAM Ukraine) ser jagħmlu ħilithom sabiex, sa fejn ikun possibbli taħt is-sistemi legali interni tagħhom, jirrinunzjaw, kemm jista' jkun, għal pretensjonijiet kontra l-Konfederazzjoni Żvizzera għal korriment, mewt tal-persunal tagħhom, jew dannu għal, jew telf ta', assi li jkunu proprjetà tagħhom u użati mill-EUAM Ukraine jekk tali korriment, mewt, dannu jew telf:
— |
kien ikkawżat minn persunal mill-Konfederazzjoni Żvizzera fil-qadi ta' dmirijietu b'konnessjoni mal-EUAM Ukraine, ħlief fil-każ ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja; jew |
— |
irriżulta mill-użu ta' assi li jkunu proprjetà tal-Konfederazzjoni Żvizzera, dment li l-assi ntużaw b'konnessjoni mal-Missjoni u ħlief fil-każ ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja tal-persunal tal-Missjoni tal-UE mill-Konfederazzjoni Żvizzera li juża dawk l- assi. |
Test għall-Konfederazzjoni Żvizzera:
Il-Konfederazzjoni Żvizzera, meta tapplika d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/486/PESK tat-22 ta' Lulju 2014 dwar il-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukrajna (EUAM Ukraine), ser tagħmel ħilitha sabiex, sa fejn ikun possibbli taħt is-sistema legali interna tagħha, tirrinunzja, kemm jista' jkun, għal pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat ieħor li jipparteċipa fil-EUAM Ukraine għal korriment, mewt tal-persunal tagħha, jew dannu għal, jew telf ta', assi li jkunu proprjetà tagħha u użati mill-Missjoni tal-UE jekk tali korriment, mewt, dannu jew telf:
— |
kien ikkawżat minn persunal fil-qadi ta' dmirijietu b'konnessjoni mal-EUAM Ukraine, ħlief fil-każ ta' negliġenza serja jew ta' mġiba ħażina volontarja; jew |
— |
irriżulta mill-użu ta' assi li jkunu proprjetà tal-Istati parteċipanti fil-missjoni tal-UE, dment li l-assi ntużaw b'konnessjoni mal-Missjoni u ħlief f'każ ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja ta' persunal tal-Missjoni tal-UE li juża dawk l-assi. |