31978L0316



Official Journal L 081 , 28/03/1978 P. 0003 - 0026
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 8 P. 0058
Greek special edition: Chapter 13 Volume 7 P. 0043
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 8 P. 0058
Spanish special edition: Chapter 13 Volume 8 P. 0105
Portuguese special edition Chapter 13 Volume 8 P. 0105


Id-Direttiva tal-Kunsill

tal-21 ta’ Diċembru 1977

Dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar il-muntaġġi nterni ta’ vetturi bil-mutur (identifikazzjoni tal-kontrolli, tell-tales u indikaturi)

(78/316/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi l-ħtiġiet tekniċi li vetturi bil-mutur għandhom jissodisfaw skond il-liġijiet nazzjonali jirrelataw inter alia għall-identifikazzjoni tal-kontrolli, it-tell-tales u l-indikaturi;

Billi dawn il-ħtiġiet ivarjaw minn Stat Membru għall-ieħor; billi hu għalhekk neċessarju li l-Istati Membri kollha jadottaw l-istess ħtiġiet jew b'żieda ma' jew minflok ir-regoli eżistenti tagħhom, sabiex, b'mod partikolari, jippermettu l-proċedura ta' l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE li kienet is-suġġett tad-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta' Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom [3], kif emendata bid-Direttiva 78/315/KEE [4];

Billi hu rakkomandat li jiġu abbozzati l-ħtiġiet tekniċi sabiex ikollhom l-istess mira bħal-ħidma li qed titwettaq dwar is-suġġett fil-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-NU u bħal ċerti ħtiġiet tekniċi adottati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO)

Billi l-approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali li jirrelataw għal vetturi bil-mutur tinvolvi r-rikonoxximent reċiproku minn Stati Membri tal-kontrolli mwettqa minn kull wieħed minnhom abbażi tal-ħtiġiet komuni,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, "vettura" tfisser kwalunkwe vettura bil-mutur maħsuba għall-użu fit-triq, li jkollha mill-inqas erba' roti u veloċità massima ddisinjata li taqbeż il-25km/siegħa, bl-eċċezzjoni ta' vetturi li jimxu fuq il-linji, tratturi u makkinarju għall-agrikoltura u vetturi tax-xogħolijiet pubbliċi.

Artikolu 2

Ebda Stat Membru ma jista' jirrifjuta li jagħti approvazzjoni tat-tip tal-KEE jew approvazzjoni tat-tip nazzjonali ta' vettura għal raġunijiet li jirrelataw ma' l-identifikazzjoni tal-kontrolli, it-tell-tales u l-indikaturi, jekk dawn jissodisfaw il-ħtiġiet stabbiliti fl-Annessi I sa IV.

Artikolu 3

Ebda Stat Membru ma jista' jirrifjuta jew jipprojbixxi l-bejgħ, ir-reġistrazzjoni, id-dħul fis-servizz jew l-użu ta' kwalunkwe vettura għal raġunijiet li jirrelataw ma' l-identifikazzjoni tal-kontrolli, iit-tell-tales u l-indikaturi, jekk dawn jissodsifaw il-ħtiġiet stabbiliti fl-Annessi I sa IV.

Artikolu 4

Kwalunkwe emenda neċessarja sabiex jiġu adattati l-ħtiġiet ta' l-Annessi I sa V għall-progress tekniku għandha tiġi adottata skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 70/156/KEE.

Artikolu 5

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ id-disposizzjonijiet neċessarji sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva fi żmien 18-il xahar min-notifika tagħha u għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan.

2. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li t-test tad-disposizzjonijiet ewlenija tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva jkun kkomunikat lill-Kummissjoni.

Artikolu 6

Din id-Direttiva hija ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, il-21 ta' Diċembru 1977.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Chabert

[1] ĠU N C 118, 16. 5. 1977, P. 33.

[2] ĠU N C 114, 11. 5. 1977, P. 10.

[3] ĠU N L 42, 23. 2. 1970, P. 1.

[4] Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

--------------------------------------------------

LISTA TA' L-ANNESSI

ANNESS I: | Kamp ta’ l-applikazzjoni, definizzjonijiet, applikazzjoni għall-approvazzjoni tat-tip tal-KEE, approvazzjoni tat-tip tal-KEE, speċifikazzjonijiet |

ANNESS II: | Il-Kontrolli, it-tell-tales u l-indikaturi li għalihom, meta armati, l-identifikazzjoni hija obbligatorja, u s-simboli li għandhom jintużaw għal dak l-iskop |

ANNESS III: | Il-Kontrolli, it-tell-tales u l-indikaturi li għalihom, meta armati, l-identifikazzjoni hija fakultattiva obbligatorja, u s-simboli li għandhom jintużaw jekk għandhom jiġu identifikati |

ANNESS IV: | Il-Kostruzzjoni tal-mudell bażiku għas-simboli murija fl-Annessi II u III |

ANNESS V: | Anness għaċ-ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta' vettura fir-rigward ta' l-identifikazzjoni tal-kontrolli, it-tell-tales u l-indikaturi |

--------------------------------------------------

  翻译: