Official Journal L 280 , 24/10/2001 P. 0005 - 0005
Id-Deċiżjoni tal-kunsill tas-16 ta' Ottubru 2001 dwar l-iffirmar f'isem il-Komunità Ewropea tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti fuq l-iffabbrikar illeċitu ta' u l-ittraffikar fl-armi tan-nar, il-partijiet, komponenti u ammunizzjoni tagħhom, anness mal-Konvenzjoni kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali (2001/748/KE) IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 95 u 133 tiegħu, meħudin flimkien ma' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Billi: (1) L-elementi tal-Protokoll fuq l-iffabbrikar illeċitu u l-ittraffikar fl-armi tan-nar, il-partijiet, komponenti u ammunizzjoni tagħhom li huma bla ħsara għall-kompetenza tal-Komunità kienu nnegozjati mill-Kummissjoni, bl-approvazzjoni tal-Kunsill, f'isem il-Komunità. (2) Il-Kunsill istruwixxa wkoll lill-Kummissjoni biex tinnegozja l-adeżjoni tal-Komunità mal-ftehim internazzjonali inkwistjoni. (3) In-negozjati kienu konklużi b'suċċess u l-istrument li rriżulta ser ikun miftuħ għall-iffirmar mill-Istati u, fiż-żoni ta' kompetenza tagħhom, permezz ta' organizazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika. (4) L-Istati Membri wara li ddikjaraw li ser jiffirmaw l-istrument malajr kemm jista' jkun, u l-Komunità Ewropea għandha wkoll tkun tista' tiffirma, IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ: Artikolu Uniku 1. Il-President tal-Kunsill hu awtorizzat li jinnomina persuni li huma awtorizzati, f'isem il-Komunità, biex jiffirmaw il-Protokoll fuq l-iffabbrikar illeċitu u l-ittraffikar fl-armi tan-nar, il-partijiet, komponenti u ammunizzjoni tagħhom anness mal-Konvenzjoni kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali. 2. It-test tal-Protokoll li kien adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Reżoluzzjoni Nru 55/255 tat-8 ta' Ġunju 2001 ser ikun ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej mal-konklużjoni tiegħu mill-Komunità. Magħmula fil-Lussemburgu, fis-16 ta' Ottubru 2001. Għall-Kunsill Il-President D. Reynders --------------------------------------------------