22.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 163/19


Addendum

Id-Deċiżjoni 2003/511/KE għanda tiġi kkunsidrata bħala parti mill-Edizzjoni Speċjali bil-Malti ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, (Kap. 13, vol. 31)

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-14 ta’ Lulju 2003

dwar il-pubblikazzjoni ta’ numri ta’ referenza ta’ standards rikonoxxuti b’mod ġenerali għall-prodotti tal-firem elettroniċi skont id-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument numru C(2003) 2439)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2003/511/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 1999 dwar kwadru [qafas] tal-Komunità għall-firem elettroniċi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(5) tagħha,

Billi:

(1)

L-Anness II f u l-Anness III għad-Direttiva 1999/93/KE jistabbilixxu r-rekwiżiti għall-prodotti tal-firem elettroniċi sikuri.

(2)

Il-kompitu li jitfasslu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti b’kunsiderazzjoni għall-istadju attwali tat-teknoloġija, jitwettaq mill-organizzazzjonijiet kompetenti fil-qasam tal-istandardizzazzjoni.

(3)

Is-CEN (il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni) u l-ETSI (l-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni) fi ħdan l-EESSI (l-Inizjattiva Ewropea għall-Istandardizzazzjoni tal-Firem Elettroniċi) qed joffru pjattaforma Ewropea miftuħa, inklussiva u flessibbli għal bini ta’ kunsens bħala appoġġ għall-iżvilupp tas-Soċjetà tal-Informazzjoni fl-Ewropa. Huma żviluppaw standards għall-prodotti tal-firem elettroniċi (il-ftehim dwar is-sessjoni ta’ ħidma CWA-CEN u l-ispeċifikazzjoni teknika ETSI TS-ETSI) abbażi tar-rekwiżiti tal-Annessi għad-Direttiva 1999/93/KE.

(4)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-“Kumitat dwar il-Firem Elettroniċi”.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

In-numri ta’ referenza ta’ standards rikonoxxuti b’mod ġenerali għall-prodotti tal-firem elettroniċi huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-operat ta’ din id-Deċiżjoni fi żmien sentejn mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tirrapporta lill-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 9 (1) tad-Direttiva 1999/93/KE.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Lulju 2003.

Għall-Kummissjoni

Erkki LIIKANEN

Membru tal-Kummissjoni

ANNESS

A.   Lista ta’ standards rikonoxxuti b’mod ġenerali għall-prodotti tal-firem elettroniċi li l-Istati Membri għandhom jippreżumu li huma f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II f għad-Direttiva 1999/93/KE

CWA 14167-1 (Marzu 2003): rekwiżiti ta’ sigurtà għal sistemi affidabbli li jimmaniġġjaw iċ-ċertifikati għall-firem elettroniċi — Parti 1: Rekwiżiti għas-Sigurtà tas-Sistema

CWA 14167-2 (Marzu 2002): rekwiżiti ta’ sigurtà għal sistemi affidabbli li jimmaniġġjaw iċ-ċertifikati għall-firem elettroniċi — Parti 2: modulu kriptografiku għall-operat tal-iffirmar tas-CSP — Profil tal-Protezzjoni (MCSO-PP)

B.   Lista tal-istandards rikonoxxuti b’mod ġenerali għall-prodotti tal-firem elettroniċi li l-Istati Membri għandhom jippreżumu li huma f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III għad-Direttiva 1999/93/KE

CWA 14169 (Marzu 2002): strumenti sikuri għall-ħolqien tal-firem


(1)  ĠU L 13, 19.1.2000, p. 12.


  翻译: