30.12.2006 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
1 |
REGOLAMENT (KE) Nru 1927/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
ta' l-20 ta' Diċembru 2006
li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' aġġustament għall-globalizzazzjoni
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari t-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 159,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),
Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 (3),
Billi:
(1) |
Minkejja l-effetti pożittivi tal-globalizzazzjoni fuq l-iżvilupp u l-impjiegi fil-Komunità, din tista' wkoll iġġib konsegwenzi negattivi għall-ħaddiema l-aktar vulnerabbli u dawk l-anqas kwalifikati f'ċerti setturi. Għalhekk huwa opportun li jiġi stabbilit Fond Ewropew ta' aġġustament għall-Globalizzazzjoni (l-EGF) aċċessibbli għall-Istati Membri kollha, li permezz tiegħu l-Komunità, turi s-solidarjetà tagħha lejn il-ħaddiema kienu affettwati minn telf ta' impjiegi b'riżultat ta' bidliet fil-konfigurazzjonijiet kummerċjali dinjija. |
(2) |
Huwa neċessarju li jinżammu l-valuri Ewropej u li jiġi promoss l-iżvilupp ta' kummerċ estern ġust. L-effetti negattivi tal-globalizzazzjoni għandhom jiġu ffaċċjati l-ewwel permezz ta' strateġija Komunitarja sostenibbli u fit-tul għal politika tal-kummerċ li timmira lejn standards soċjali u ekoloġiċi għoljin. L-għajnuna pprovduta mill-EGF għandha tkun dinamika u kapaċi tadatta għal ċirkostanzi tas-suq li dejjem qed jinbidlu u li ġieli ma jistgħux jitbassru. |
(3) |
L-EGF għandu jipprovdi għajnuna speċifika ta' darba sabiex tkun iffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid fid-dinja tax-xogħol tal-ħaddiema f'oqsma, setturi, territorji jew reġjuni tas-suq tax-xogħol li jkunu qed ibatu minn xokk serju ta' ansjetà ekonomika. L-EGF għandhom jippromwovu l-imprenditorjat, pereżempju permezz ta' mikro-krediti jew għat-twaqqif ta' proġetti koperattivi. |
(4) |
L-azzjonijiet skond dan ir-Regolament għandhom ikunu definiti skond kriterji stretti ta' intervent li huma relatati ma' l-iskala tad-diżordni ekonomiku u ma' l-impatt tiegħu fuq settur jew żona ġeografika partikolari, biex ikun żgurat li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF tkun ikkonċentrata fuq ħaddiema fir-reġjuni u fis-setturi ekonomiċi tal-Komunità li ġew affettwati l-aktar b'mod serju. Tfixkil ta' dan it-tip mhux neċessarjament ikun ikkonċentrat fi Stat Membru wieħed. F'dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jressqu talbiet konġunti għal assistenza mill-EGF. |
(5) |
L-attivitajiet ta' l-EGF għandhom ikunu koerenti u kompatibbli mal-politiki Komunitarji l-oħra u għandhom ikunu konformi ma' l-acquis tagħha, b'mod speċjali l-interventi tal-fondi strutturali, filwaqt li jagħtu kontribut ġenwin lill-politiki soċjali tal-Komunità. |
(6) |
Il-Ftehima Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja soda (4) (Ftehima Interistituzzjonali) torbot legalment mill-1 ta' Jannar 2007 u l-punt 28 jiddetermina l-qafas baġitarju ta' l-EGF. |
(7) |
Azzjoni speċifika ffinanzjata taħt dan ir-Regolament m'għandhiex tirċievi għajnuna finanzjarja minn strumenti finanzjarji oħrajn tal-Komunità. Madankollu, hija meħtieġa koordinazzjoni ma' miżuri eżistenti jew ippjanati ta' modernizzazzjoni u ristrutturazzjoni fil-qafas ta' l-iżvilupp reġjonali, għalkemm koordinazzjoni ta' dan it-tip m'għandhiex tirriżulta fil-ħolqien ta' strutturi ta' immaniġġjar paralleli jew addizzjonali għal azzjonijiet iffinanzjati mill-EGF. |
(8) |
Biex tkun iffaċilitata l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, in-nefqa għandha tkun eliġibbli mid-data li fiha l-Istat Membru jibda jipprovdi servizzi personalizzati lill-ħaddiema affettwati. Għandu jiġi stabbilit perjodu ta' żmien li matulu għandha tintuża l-kontribuzzjoni finanzjarja ta' l-EGF, b'hekk tiġi riflessa l-ħtieġa għal rispons ikkonċentrat li jimmira b'mod speċifiku għall-integrazzjoni mill-ġdid fid-dinja tax-xogħol. |
(9) |
L-Istat Membru għandu jibqa' responsabbli għall-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja u għall-ġestjoni u l-kontroll ta' l-azzjonijiet appoġġjati mill-finanzjament tal-Komunità, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5). L-Istat Membr għandu jiġġustifika l-użu li jkun sar mill-kontribuzzjoni finanzjarja li jkunu rċevew. |
(10) |
Iċ-Ċentru Ewropew tal-Monitoraġġ tal-Bidla, li huwa bbażat f'Dublin, jista' jgħin lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri kkonċernati permezz ta' analiżi kwalitattivi u kwantitattivi li jgħinu fl-evalwazzjoni ta' applikazzjoni mill-fondi ta' l-EGF. |
(11) |
Peress li l-għanjiet ta' l-azzjoni li għandha tittieħed, ma jistgħux jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri u għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti, jistgħu jinkisbu aħjar fuq il-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilt f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet. |
(12) |
Minħabba li ż-żmien ta' implimentazzjoni ta' l-EGF huwa marbut mat-tul tal-qafas finanzjarju ta' bejn l-1 ta' Jannar 2007 u l-31 ta' Diċembru 2013, l-appoġġ għandu jkun disponibbli għall–ħaddiema affettwati minn telf ta' impjiegi relatat mal-kummerċ sa mill-1 ta' Jannar 2007. |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Is-suġġett u l-kamp ta' applikazzjoni
1. Bl-għan li jistimula t-tkabbir ekonomiku u li joħloq iktar impjiegi fl-Unjoni Ewropea, dan ir-Regolament jistabbilixxi l-EGF sabiex il-Komunità tkun tista' tipprovdi appoġġ għall-ħaddiema li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba bidliet strutturali kbar fis-sistemi kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni fejn dan it-telf ta' impjiegi kellu impatt negattiv sinifikanti fuq l-ekonomija reġjonali jew lokali.
Il-perjodu ta' applikazzjoni tiegħu għandu jkun marbut mal-Qafas Finanzjarju minn Jannar 2007 sa Diċembru 2013.
2. Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli rigward l-operazzjoni ta' l-EGF sabiex jiffaċilita l-integrazzjoni mill-ġdid ta' malajr fid-dinja tax-xogħol għall-ħaddiema li ġew affettwati minn telf ta' impjiegi fil-kummerċ.
Artikolu 2
Il-kriterji ta' intervent
Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF għandha tkun provduta meta bidliet strutturali kbar fis-sistemi kummerċjali dinjija jwasslu għal tfixkil ekonomiku serju, partikolarment żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet fl-UE, jew tnaqqis rapidu tas-sehem mis-suq ta' l-UE f'settur partikolari jew delokalizzazzjoni lejn pajjiżi terzi, li jirriżultaw f':
(a) |
telf ta' mill-inqas 1 000 impjieg fuq perjodu ta' 4 xhur f'intrapriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li jitilfu l-impjieg tagħhom mal-fornituri tagħha jew mal-produtturi li huma eqreb tal-punt tal-bejgħ milli tal-punt tal-produzzjoni, jew |
(b) |
telf ta' mill-inqas 1 000 impjieg, fuq perjodu ta' 9 xhur, f'intrapriża waħda jew aktar, partikularment intrapriżi ta' daqs żgħir u medju, f'settur NACE 2 f'reġjun wieħed jew f'żewġ reġjuni bi fruntieri komuni fuq livell NUTS II. |
(ċ) |
Fi swieq tax-xogħol żgħar jew f'ċirkustanzi eċċezzjonali, b'ġustifkazzjoni xierqa mill-Istati Membri, applikazzjoni għal kontribuzzjoni mill-EGF tista' tkun meqjusa ammissibbli anke jekk il-kundizzjonijiet stipulati fis-subparagrafi (a) jew (b) ma jkunux ġew sodisfatti għal kollox, meta l-issensjar ikollu effett serju fuq ix-xogħol u fuq l-ekonomija lokali. L-ammont aggregat tal-kontribuzzjonijiet għal ċirkustanzi eċċezzjonali ma jistax jaqbeż il-15 % ta' l-EGF kull sena. |
Artikolu 3
L-azzjonijiet eliġibbli
Kontribuzzjoni finanzjarja taħt dan ir-Regolament tista' tingħata għal miżuri attivi tas-suq tax-xogħol li jagħmlu parti minn pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati mfassla biex jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol lill-ħaddiema li jkunu tilfu l-impjieg tagħhom, li jinkludu:
(a) |
għajnuna għat-tfittix ta' impjieg, gwida dwar ix-xogħol, taħriġ imfassal apposta u taħriġ mill-ġdid, li jinkludu ħiliet ta' l-ICT u ċertifikazzjoni ta' l-esperjenza miksuba, għajnuna għal klassifikazzjoni mill-ġdid u promozzjoni ta' l-intraprenditorjat jew għajnuna għal impjieg indipendenti; |
(b) |
miżuri speċjali b'limitu ta' żmien, bħal sussidji għal meta wieħed ikun qed ifittex impjieg, sussidji għall-mobilità, jew sussidji lill-individwi li jieħdu sehem f'attivitajiet ta' tagħlim matul il-ħajja kollha u attivitajiet ta' taħriġ; |
(ċ) |
miżuri li jistimulaw, b'mod partikulari lil ħaddiema żvantaġġati jew ixjeħ, sabiex jibqgħu jew jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol. |
L-EGF ma għandiex tiffinanzja miżuri passivi ta' protezzjoni soċjali.
Fuq l-inizjattiva ta' l-Istat Membru, l-EGF tista' tiffinanzja l-attivitajiet ta' tħejjija, immaniġġjar, tagħrif u pubbliċità, u kontroll għall-implimentazzjoni tal-Fond.
Artikolu 4
It-tip ta' kontribuzzjoni finanzjarja
Il-Kummissjoni għandha tagħti kontribuzzjoni finanzjarja fil-forma ta' pagament wieħed, li għandha tiġi implimentata fil-qafas ta' ġestjoni komuni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, skond l-Artikolu 53, paragrafu 1, punt b) u l-paragrafi 5 u 6 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.
Artikolu 5
L-applikazzjonijiet
1. L-Istat Membru għandu jissottometti applikazzjoni għall-kontribuzzjoni mill-EGF lill-Kummissjoni fi żmien 10 ġimgħat mid-data li fiha l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 għall-mobilizzazzjoni ta' l-EGF jkunu milħuqa. L-applikazzjoni tista', sussegwentament tiġi supplimentata mill-Istat/i Membru/i.
2. L-applikazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
(a) |
Analiżi raġunata tar-rabta bejn it-telf ta' l-impjiegi ippjanat u l-bidliet strutturali kbar fis-sistemi kummerċjali dinjija u wirja tan-numru ta' impjiegi mitlufa u spjegazzjoni tan-natura mhux prevedibbli ta' dan it-telf ta' impjiegi; |
(b) |
L-identifikazzjoni ta' l-intrapriżi li keċċew lill-impjegati (nazzjonali jew multinazzjonali), il-fornituri jew il-produtturi downstream, is- setturi, u l-kategoriji ta' ħaddiema li għandhom ikunu mmirati; |
(c) |
Deskrizzjoni tat-territorju kkonċernat u l-awtoritajiet reġjonali tiegħu u partijiet interessati oħra, u l-impatt li huwa mistenni li se jkollhom l-impjiegi mitlufa fir-rigward ta' l-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali; |
(d) |
Il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandhom jiġu ffinanzjati u analiżi ta' kemm mistenni jiswa, inkluża l-komplementarjetà tiegħu ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali kif ukoll informazzjoni dwar azzjonijiet li huma obbligatorji skond il-liġi nazzjonali jew skond ftehim kollettivi; |
(e) |
Id-data/i li fiha nbdew jew huwa maħsub li jinbdew servizzi personalizzati lill-ħaddiema affettwati; |
(f) |
Il-proċeduri segwiti biex ikunu kkonsultati l-imsieħba soċjali; |
(g) |
L-awtorità responsabbli mill-obbligi ta' ġestjoni u kontroll finanzjarju skond l-Artikolu 18. |
3. Waqt li jqiesu l-azzjonijiet li ġew implimentati mill-Istat Membru, mir-reġjun, mill-imsieħba soċjali u mill-intrapriżi kkonċernati permezz tal-liġi nazzjonali jew tal-ftehim kollettivi, u billi ngħatat attenzjoni partikolari lill-azzjonijiet li kienu ffinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew (l-ESF), l-informazzjoni provduta taħt il-paragrafu 2 għandha tinkludi deskrizzjoni fil-qosor ta' l-azzjonijiet li ttieħdu u li kienu ppjanati mill-awtorità nazzjonali u mill-intrapriżi kkonċernati, inkluża stima ta' kemm ġew jiswew.
4. L-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernat(i) għandu/għandhom jipprovdi/u wkoll informazzjoni ta' l-istatistika u informazzjoni oħra, fuq l-aktar livell territorjali xieraq, li l-Kummissjoni teħtieġ biex tivvaluta jekk il-kriterji ta' intervent intlaħqux jew le.
5. Fuq il-bażi ta' l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 u fi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali ppreżentata mill-Istat/i Membru/i, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk intlaħqux il-kundizzjonijiet biex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja taħt dan ir-Regolament.
Artikolu 6
Il-komplementarjetà, il-konformità u l-koordinazzjoni
1. L-għajnuna mill-EGF m'għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skond il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi.
2. L-għajnuna mill-EGF għandha tikkomplementa l-azzjonijiet ta' l-Istati Membri fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali, inklużi dawk li huma kofinanzjati mill-fondi strutturali.
3. L-assistenza mill-EGF għandha tipprovdi solidarjetà u appoġġ għal ħaddiema individwali li jkunu tilfu l-impjieg bħala riżultat ta' bidliet strutturali fis-sistemi kummerċjali dinjija. L-EGF m'għandux jiffinanzja l-istrutturar mill-ġdid ta' kumpaniji jew setturi.
4. Skond ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-koordinazzjoni ta' l-għajnuna mill-Fondi tal-Komunità.
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-azzjonijiet speċifiċi li jirċievu kontribuzzjoni taħt l-EGF ma għandhomx ukoll jirċievu għajnuna minn strumenti finanzjarji oħra tal-Komunità.
Artikolu 7
L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u n-nuqqas ta' diskriminazzjoni
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u l-integrazzjoni tal-perspettiva tas-sessi tiġi promossa matul l-istadji varji ta' implimentazzjoni ta' l-EGF. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu passi xierqa sabiex jipprevjenu kwalunkwe diskriminazzjoni minħabba sess, razza, jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali matul l-istadji varji ta' implimentazzjoni ta' l-EGF, u b'mod partikulari, fl-aċċess għall-EGF.
Artikolu 8
L-għajnuna teknika fuq inizjattiva tal-Kummissjoni
1. Fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, bla ħsara għal rata massima ta' 0,35 % tar-riżorsi finanzjarji disponibbli għal dik is-sena, l-EGF jista' jintuża biex jiffinanzja l-monitoraġġ, l-informazzjoni, l-appoġġ amministrattiv u tekniku, l-attivitajiet ta' verifiki, kontroll u evalwazzjoni li huma meħtieġa biex ikun implimentat dan ir-Regolament.
2. Kompiti ta' din ix-xorta għandhom jitwettqu skond ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, kif ukoll skond ir-regoli implimentattivi tiegħu li japplikaw għal din il-forma ta' implimentazzjoni tal-baġit.
Artikolu 9
L-informazzjoni u l-pubbliċità
1. L-Istat Membru għandu jipprovdi informazzjoni dwar l-azzjonijiet iffinanzjati u għandu jagħmlilhom pubbliċità. L-informazzjoni għandha tkun indirizzata lill-ħaddiema konċernati, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-imsieħba soċjali, il-midja u lill-pubbliku b'mod aktar ġenerali. Għandha tenfasizza l-irwol tal-Komunità u għandha tiżgura li l-kontribuzzjoni mill-EGF tkun viżibbli.
2. Il-Kummissjoni għandha twaqqaf sit ta' l-internet li jkun disponibbli bil-lingwi kollha tal-Komunità, liema sit għandu jipprovdi tagħrif dwar l-EGF, gwida dwar it-tfigħ ta' l-applikazzjonijiet, u tagħrif aġġornat dwar applikazzjonijiet aċċettati u miċħuda, filwaqt li jenfasizzaw l-irwol ta' l-awtorità baġitarja.
Artikolu 10
Id-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja
1. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni li twettqet skond l-Artikolu 5(5), partikolarment billi jitqiesu n-numru ta' ħaddiema li għandhom jiġu appoġġati, l-azzjonijiet proposti u l-ispejjeż ikkalkulati, il-Kummissjoni għandha tevalwa u tipproponi kemm jista' jkun malajr l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja, li tista' tingħata, fi ħdan il-limiti tar-riżorsi disponibbli.
L-ammont ma jistax jaqbeż il-50 % tat-total ta' l-ispejjeż ikkalkulati li indikati fl-Artikolu 5(2)(d).
2. Fejn, fuq il-bażi tal-valutazzjoni li twettqet skond l-Artikolu 5(5), il-Kummissjoni tkun ikkonkludiet li ntlaħqu l-kondizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja taħt dan ir-Regolament, għandha tagħti bidu għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 12 minnufih.
3. Fejn, fuq il-bażi tal-valutazzjoni li tkun saret skond l-Artikolu 5(5), il-Kummissjoni tkun ikkonkludiet li l-kondizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja taħt dan ir-Regolament ma ntlaħqux, għandha tinnotifika lill-Istat Membru kkonċernat mill-aktar fis possibbli.
Artikolu 11
L-eliġibilità tan-nefqa
In-nefqa għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-EGF mid-data(i) li fiha l-Istat Membru ikkonċernat jibda jipprovdi servizzi personalizzati lill-ħaddiema affettwati kif stipulat fl-Artikolu 5(2)(e).
Artikolu 12
Il-proċedura baġitarja
1. L-arranġamenti għall-EGF għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Punt 28 tal-Ftehima Interistituzzjonali u kwalunkwe reviżjoni ta' dak il-Punt.
2. L-approprjazzjonijiet li jikkonċernaw l-EGF għandhom ikunu inklużi fil-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea bħala dispożizzjoni permezz tal-proċedura baġitarja normali mill-mument meta l-Kummisjoni tkun identifikat biżżejjed marġni u/jew impenji kkanċellati.
3. Fejn il-Kummissjoni tkun ikkonkludiet li għandha tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF, għandha tressaq proposta quddiem l-awtorità tal-baġit biex tawtorizza l-approprjazzjonijiet li jikkorrispondu għall-ammont li ġie ddeterminat skond l-Artikolu 10 u talba għat-trasferiment ta' l-ammont għal-linja baġitarja ta' l-EGF. Il-proposti jistgħu jinġabru fi gruppi.
It-trasferimenti li għandhom x'jaqsmu ma' l-EGF se jseħħu skond l-Artikolu 24(4) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.
4. Proposta skond il-paragrafu 3 għandha tinkludi dan li ġej:
(a) |
il-valutazzjoni mwettqa skond l-Artikolu 5(5), flimkien ma' sommarju ta' l-informazzjoni li fuqha hija bbażata dik il-valutazzjoni; |
(b) |
evidenza li ntlaħqu l-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 2 u 6; u |
(c) |
ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-ammonti proposti. |
5. Fl-istess ħin, waqt li tippreżenta l-proposta tagħha, il-Kummissjoni għandha tibda proċedura ta' trijalogu, possibilment f'forma sempliċi, sabiex tilħaq ftehim bejn iż-żewġ naħat ta' l-awtorità tal-baġit dwar il-bżonn li jintuża l-EGF u dwar l-ammont meħtieġ.
6. Fl-1 ta' Settembru ta' kull sena, mill-inqas kwart ta' l-ammont annwali massimu ta' l-EGF għandu jibqa' disponibbli sabiex ikunu koperti l-ħtiġijiet li jinqalgħu sakemm tintemm is-sena.
7. Hekk kif l-approprjazzjonijiet isiru disponibbli min-naħa ta' l-awtorità baġitarja, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni dwar kontribuzzjoni finanzjarja.
Artikolu 13
Il-pagament u l-użu tal-kontribuzzjoni finanzjarja
1. Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni skond l-Artikolu 12(3), il-Kummissjoni għandha tħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja lill-Istat Membru f'pagament wieħed, bħala prinċipju fi żmien 15-il ġurnata.
2. L-Istat Membru għandu juża l-kontribuzzjoni finanzjarja, kif ukoll kwalunkwe imgħax li jaqla minn fuqha, fi 12-il xahar mid-data ta' l-applikazzjoni skond l-Artikolu 5.
Artikolu 14
L-użu ta' l-Euro
L-applikazzjonijiet, id-deċiżjonijiet dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji u r-rapporti li jaqgħu taħt dan ir-Regolament, kif ukoll kwalunkwe dokument relatat ieħor, għandu jesprimi l-ammonti kollha f'Euro.
Artikolu 15
Ir-rapport finali u l-għeluq
1. Mhux aktar tard minn sitt xhur wara li jiskadi l-perjodu speċifikat fl-Artikolu 13(2), l-Istat Membru ikkonċernat għandu jippreżenta rapport lill-Kummissjoni dwar it-twettiq tal-kontribuzzjoni finanzjarja, li jinkludi informazzjoni dwar it-tip ta' azzjonijiet u r-riżultati ewlenin, flimkien ma' prospett li jiġġustifika n-nefqa u li jindika, fejn ikun xieraq, il-komplementarjetà ta' l-azzjonijiet ma' dawk iffinanzjati mill-ESF.
2. Mhux aktar tard minn sitt xhur wara li l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni kollha meħtieġa taħt il-paragrafu 1, għandha tagħlaq il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF.
Artikolu 16
Ir-rapport annwali
1. Għall-ewwel darba fl-2008 u qabel l-1 ta' Lulju ta' kull sena, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport kwantitattiv u kwalitattiv dwar l-attivitajiet taħt dan ir-Regolament matul is-sena ta' qabel. Ir-rapport għandu jiffoka l-iktar fuq ir-riżultati li ntlaħqu mill-EGF and għandu jinkludi b'mod partikulari informazzjoni li għandha x'taqsam ma' l-applikazzjonijiet imressqa, mad-Deċiżjonijiet li ġew adottati, ma' l-azzjonijiet iffinanzjati inkluża l-komplementarjetà tagħhom ma' l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, b'mod partikolari l-ESF, u ma' l-istralċ tal-kontribuzzjoni finanzjarja li saret. Għandu jiddokumenta wkoll dawk it-talbiet li ġew miċħuda minħabba nuqqas ta' l-approprjazzjonijiet meħtieġa jew minħabba li ma kienux eliġibbli.
2. Ir-rapport se jiġi trasmess, bħala informazzjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-imsieħba soċjali.
Artikolu 17
L-evalwazzjoni
1. Fuq l-inizjattiva tagħha stess u f'kooperazzjoni ma' l-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha twettaq:
(a) |
evalwazzjoni ta' nofs it-terminu ta' l-effikaċja u s-sostenibbiltà tar-riżultati miksuba sal-31 ta' Diċembru 2011; u |
(b) |
evalwazzjoni ex-post, sal-31 ta' Diċembru 2014 bl-għajnuna ta' esperti esterni, sabiex jiġi mkejjel l-impatt ta' l-EGF u l-valur miżjud tiegħu. |
2. Ir-riżultati ta' l-evalwazzjoni se jkunu trasmessi, bħala informazzjoni, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-imsieħba soċjali.
Artikolu 18
Il-ġestjoni u l-kontroll finanzjarju
1. Bla ħsara għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, l-Istati Membri għandhom jassumu r-responsabbiltà fil-bidunett għall-immaniġġjar ta' l-azzjonijiet appoġġjati mill-EGF u l-kontroll finanzjarju ta' l-azzjonijiet. Għal dan l-għan, il-miżuri li huma jieħdu għandhom jinkludu:
(a) |
li jivverifikaw li l-arranġamenti ta' mmaniġġjar u kontroll ġew stabbiliti u qed ikunu implimentati b'tali mod li jassiguraw li l-fondi tal-Komunità qed ikunu użati b'mod effiċjenti u korrett, b'konformità mal-prinċipji ta' mmaniġġjar finanzjarju tajjeb; |
(b) |
li jivverifikaw li l-azzjonijiet iffinanzjati twettqu kif suppost; |
(ċ) |
li jassiguraw li l-infiq iffinanzjat hu bbażat fuq dokumenti ta' ġustifikazzjoni vera, huwa korrett u regolari; |
(d) |
li jimpedixxu, isibu u jikkoreġu l-irregolaritajiet kif stabbiliti fl-Artikolu 70 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 li 11 ta' Lulju 2006 jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni (6) u jirkurpraw l-ammonti li ma kellhomx jitħallsu flimkien ma' l-interessi fuq pagamenti magħmula tard bi qbil ma' l-istess Artikolu. Huma għandhom jinnotifikawhom, fi żmien debitu, lill-Kummissjoni, u jżommu lill-Kummissjoni informata bil-progress tal-proċedimenti amministrattivi u legali. |
2. L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa fejn tkun aċċertata irregolarità. Il-korrezzjonijiet magħmula mill-Istat Membru għandhom jikkonsistu fit-tħassir ta' parti mill-kontribuzzjoni jew tal-kontribuzzjoni kollha tal-Komunità. Fejn jirriżulta li kien hemm irregolarità l-Istat Membru għandu jirkupra kull ammont mitluf, iħallsu lura lill-Kummissjoni u, meta l-ammont ma jitħallasx f'waqtu fil-limitu ta' żmien mogħti mill-Istat Membru ikkonċernat, interess awtomatiku għandu jkun dovut.
3. Il-Kummissjoni, fir-responsabbiltà tagħha għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, għandha tieħu l-passi kollha neċessarji biex tivverifika li l-azzjonijiet iffinanzjati twettqu b'konformità mal-prinċipji ta' mmaniġġjar finanzjarju tajjeb u effiċjenti, b'osservanza tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002. Hija r-responsabilità ta' kull Stat Membru li jiżgura li għandu sistemi ta' maniġment u ta' kontroll li qed jaħdmu tajjeb; il-Kummissjoni għandha tivverifika hija stess l-eżistenza ta' dawn is-sistemi.
Għal dan l-iskop, bla ħsara għall-poteri tal-Qorti ta' l-Awdituri jew għall-verifiki mwettqa mill-Istat Membru b'konformità mal-liġijiet nazzjonali, r-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi, l-uffiċjali jew l-impjegati tal-Kummissjoni jistgħu jwettqu verifiki fil-post, inklużi verifiki rappreżentattivi, dwar l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fond wara avviż li jintbagħat fiż-żmien minimu ta' jum ta' xogħol. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istat Membru kkonċernat bl-iskop li takkwista l-assistenza neċessarja kollha. Uffiċjali jew impjegati ta' l-Istat Membru kkonċernat jistgħu jieħdu parti f'dawn il-verifiki.
4. L-Istat Membru għandu jassigura li d-dokumenti ta' ġustifikazzjoni li jirrigwardaw in-nefqa magħmula jinżammu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u l-Qorti ta' l-Awdituri għal perjodu ta' tliet snin wara l-konklużjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja rċevut mill-EGF.
Artikolu 19
Ir-rimborż tal-kontribuzzjoni finanzjarja
1. F'każi fejn l-ammont ta' l-ispiża effettiva ta' azzjoni jkun inqas mill-ammont ikkalkulat li kien ikkwotat skond l-Artikolu 12, il-Kummissjoni għandha teħtieġ li l-Istat Membru jħallas lura ammont li jikkorrispondi għall-kontribuzzjoni finanzjarja li ħa.
2. Fejn Stat Membru jkun naqas milli jikkonforma ma' l-obbligi ddikjarati fid-Deċiżjoni dwar kontribuzzjoni finanzjarja, il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa sabiex teħtieġ li l-Istat Membru jħallas lura l-kontribuzzjoni finanzjarja kollha li ħa jew parti minnha.
3. Qabel ma tiġi adottata Deċiżjoni taħt il-paragrafi 1 jew 2, il-Kummissjoni għandha twettaq eżami xieraq tal-każ u, b'mod partikolari, għandha tagħti lill-Istat Membru perjodu speċifiku ta' żmien li matulu jista' jressaq il-kummenti tiegħu.
4. Jekk, wara li jitlestew il-verifiki neċessarji, il-Kummissjoni tikkonkludi li Stat/i Membru/i mhux jikkonforma ma' l-obbligi tiegħu skond l-Artikolu 18(1), hi għandha, jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim u jekk l-Istat Membru jkun għadu ma wettaqx il-korrezzjonijiet f'perjodu stabbilit mill-Kummissjoni, u wara li jkunu kkunsidrati l-kummenti kollha magħmula mill-Istat Membru, tiddeċiedi fi tliet xhur mill-aħħar tal-perjodu msemmi hawn fuq biex tagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa billi tikkanċella għall-azzjoni involuta l-kontribuzzjoni kollha ta' l-EGF jew parti minnha. Kull ammont mitluf li jirriżulta minn irregolarità misjuba għandu jkun irkuprat u, fejn l-ammont mhux imħallas fiż-żmien mogħti mill-Istat Membru involut, interess awtomatiku għandu jkun dovut.
Artikolu 20
Il-klawsola ta' reviżjoni
Fuq il-bażi ta' l-ewwel rapport annwali provdut fl-Artikolu 16, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jirrivedu dan ir-Regolament, fuq il-bażi ta' proposta min-naħa tal-Kummissjoni, biex ikun żgurat li qed jintlaħaq l-għan ta' solidarjetà ta' l-EGF u li d-dispożizzjonijiet tiegħu jikkunsidraw b'mod adegwat, il-karatteristiċi ekonomiċi, soċjali u territorjali ta' l-Istati Membri kollha.
Ikun xi jkun il-każ, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jirrivedu dan ir-Regolament sal-31 ta' Diċembru 2013.
Artikolu 21
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2007.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussel, ta' l-20 ta' Diċembru 2006.
Għall-Parlament Ewrope,
Il-President,
J. BORRELL FONTELLES
Għall-Kunsill,
Il-President
J. KORKEAOJA
(1) Opinjoni mogħtija fit-13 ta' Settembru 2006 (għadha mhix ippubblikata fil-ĠU).
(2) Opinjoni mogħtija fil-11 ta' Ottubru 2006 (għadha mhix ippubblikata fil-ĠU).
(3) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2006 (għadha mhix ippublikata fil-ĠU) u Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 2006.
(4) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
(5) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(6) ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.