24.8.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
483 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-11 ta' April 2007
li temenda d-Deċiżjoni 2004/452/KE li tistabbilixxi lista ta' istituzzjonijiet li r-riċerkaturi tagħhom jistgħu jkollhom aċċess għal data kunfidenzjali għal għanijiet xjentifiċi
(notifikat bid-dokument numru C(2007) 1546)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
(2007/229/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta' Frar 1997 dwar l-istatistika Komunitarja (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 20(1) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 831/2002 tas-17 ta' Mejju 2002 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 dwar l-Istatistika Komunitarja, li jikkonċerna l-aċċess għal data kunfidenzjali għal għanijiet xjentifiċi (2) jistabbilixxi, bl-għan li jintlaħqu konklużjonijiet statistiċi għal skopijiet xjentifiċi, il-kondizzjonijiet li bihom l-aċċess għal data kunfidenzjali mgħoddija lill-awtorità tal-Komunità jista' jingħata u r-regoli ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Komunità u l-awtoritajiet nazzjonali sabiex iseħħ dan l-aċċess. |
(2) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/452/KE (3) stabbiliet lista ta' istituzzjonijiet li r-riċerkaturi tagħhom jistgħu jkollhom aċċess għal data kunfidenzjali għal għanijiet xjentifiċi. |
(3) |
L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD), it-Taqsima ta' l-Istatistika ta' l-Istudji tal-Familja u x-Xogħol tal-Kanada, Ottawa, Ontario, il-Kanada, l-Unità ta' l-Ekonometrika u l-Appoġġ Statistiku Kontra l-Frodi (ESAF),id-Direttorat Ġenerali għaċ-Ċentru Konġunt ta' Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea u l-Unità ta' l-Appoġġ liż-Żona Ewropea ta' Riċerka (SERA), id-Direttorat Ġenerali għaċ-Ċentru Konġunt ta' Riċerka Ewropea tal-Kummissjoni Ewropea għandhom ikunu meqjusa bħala korpi li jissodisfaw il-kondizzjonijiet mitluba u għandhom għalhekk jiżdiedu mal-lista ta' aġenziji, organizzazzjonijet u istituzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 831/2002. |
(4) |
Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Konfidenzjalità ta' l-Istatistika, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Anness tad-Deċiżjoni 2004/452/KE huwa ssostitwit bit-test stabbilit fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, 11 ta' April 2007.
Għall-Kummissjoni
Joaquín ALMUNIA
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 52, 22.2.1997, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).
(2) ĠU L 133, 18.5.2002, p. 7. Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1104/2006 (ĠU L 197, 19.7.2006, p. 3).
(3) ĠU L 156, 30.4.2004, p. 1, kif emendata bi ĠU L 202, 7.6.2004, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2007/81/KE (ĠU L 28, 3.2.2007, p. 23).
ANNESS
“ANNESS
ISTITUZZJONIJIET LI R-RIĊERKATURI TAGĦHOM JISTGĦU JKOLLHOM AĊĊESS GĦAL DATA KUNFIDENZJALI GĦAL GĦANIJIET XJENTIFIĊI
Il-Bank Ċentrali Ewropew
Il-Bank Ċentrali Spanjol
Il-Bank Ċentrali Taljan
L-Università ta' Cornell (l-Istat ta' New York, l-Istati Uniti ta' l-Amerika)
Id-Dipartiment tax-Xjenza Politika, Baruch College, l-Università tal-Belt ta' New York (l-Istat ta' New York, l-Istati Uniti ta' l-Amerika)
Il-Bank Ċentrali Ġermaniż
L-Unità ta' l-Analiżi ta' l-Impjieg, id-Direttorat Ġenerali għall-Impjieg, affarijiet soċjali u opportunitajiet indaqs tal-Kummissjoni Ewropea
L-Università ta' Tel Aviv (Iżrael)
Il-Bank Dinji
Iċ-Ċentru tas-Saħħa u l-Benessri (CHW) ta' l-Iskola Woodrow Wilson ta' l-Affarijiet Pubbliċi u Internazzjonali ġewwa l-Università ta' Princeton, New Jersey, fl-Istati Uniti ta' l-Amerika
L-Università ta' Chicago (UofC), Illinois, fl-Istati Uniti ta' l-Amerika
L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD)
It-Taqsima ta' l-Istatistika ta' l-Istudji tal-Familja u x-Xogħol tal-Kanada, Ottawa, Ontario, il-Kanada
L-Unità ta' l-Ekonometrika u l-Appoġġ Statistiku Kontra l-Frodi (ESAF), id-Direttorat Ġenerali għaċ-Ċentru Konġunt ta' Riċerka Ewropea tal-Kummissjoni Ewropea
L-Unità ta' l-Appoġġ liż-Żona Ewropea ta' Riċerka (SERA), id-Direttorat Ġenerali għaċ-Ċentru Konġunt ta' Riċerka Ewropea tal-Kummissjoni Ewropea”