22.11.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 304/34 |
DECIZJONI TAL-KUNSILL
tat-8 ta’ Novembru 2007
dwar l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija mal-Konvenzjoni, imfassla abbażi ta’ l-Artikolu K.3(2)(ċ) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea
(2007/751/KE)
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra t-Trattat ta’ Adeżjoni ta’ l-2005,
Wara li kkunsidra l-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-2005 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “Att ta’ l-Adeżjoni”) u partikolarment l-Artikolu 3(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
(1) |
Il-Konvenzjoni, imfassla abbażi ta’ l-Artikolu K.3(2)(ċ) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea (2) (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Konvenzjoni kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali”) ġiet iffirmata fis-26 ta’ Mejju 1997 u daħlet fis-seħħ fit-28 ta’ Settembru 2005. |
(2) |
Wara l-adeżjoni tagħhom fl-Unjoni Ewropea, L-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja ddepożitaw l-istrumenti tagħhom dwar l-adeżjoni fil-Konvenzjoni kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali. |
(3) |
L-Artikolu 3 (3) ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni jipprovdi li l-Bulgarija u r-Rumanija għandhom jaċċedu għall-konvenzjonijiet u l-protokolli konklużi mill-Istati Membri, elenkati fl-Anness I ma’ l-Att ta’ l-Adeżjoni, li jiġbor, inter alia, il-Konvenzjoni kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali. Dawn għandhom jidħlu fis-seħħ fir-rigward tal-Bulgarija u tar-Rumanija fid-data determinata mill-Kunsill. |
(4) |
Konformement ma’ l-Artikolu 3(4) ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni, il-Kunsill għandu jagħmel l-aġġustamenti kollha meħtieġa, minħabba l-adeżjoni, f’dawk il-konvenzjonijiet u protokolli, |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Il-Konvenzjoni kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali għandha tidħol fis-seħħ għall-Bulgarija u r-Rumanija fl-ewwel jum ta’ l-ewwel xahar minn wara d-data ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
It-test tal-Konvenzjoni kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali, imfassal fil-lingwa Bulgara u fil-lingwa Rumena (3), għandu jkun awtentiku taħt l-istess kondizzjonijiet bħat-testi l-oħra tal-Konvenzjoni kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tibda jkollha effett mill-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, 8 ta’ Novembru 2007.
Għall-Kunsill
Il-President
R. PEREIRA
(1) Opinjoni ta’ l-10 ta’ Lulju 2007 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) ĠU C 195, 25.6.1997, p. 2.
(3) Il-verżjoni Bulgara u Rumena tal-Konvenzjoni għandhom ikunu ppubblikati fl-edizzjoni speċjali tal-ĠU f’data aktard tard.