30.11.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 312/29 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tas-26 ta’ Novembru 2007
dwar estensjoni ta’ sena għall-programm supplimentari ta’ riċerka li għandu jiġi implimentat miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għall-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika
(2007/773/Euratom)
IL-KUNSILL ta’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, preżentata wara konsultazzjoni mal-Kumitat Xjentifiku u Tekniku,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bord tal-Gvernaturi taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (ĊKR),
Billi:
(1) |
L-iżvilupp tal-mediċina nukleari fi ħdan l-Unjoni Ewropea jikkontribwixxi għall-objettiv li tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa umana. Dan jeħtieġ l-użu akbar ta’ reatturi għall-ittestjar għal skopijiet mediċi. |
(2) |
Fid-19 ta’ Frar 2004, il-Kunsill adotta Deċiżjoni dwar l-adozzjoni ta’ programm supplimentari ta’ riċerka li għandu jiġi implimentat miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għall-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (1). Dan il-programm ġie adottat għal perijodu ta’ tliet snin, sa l-1 ta’ Jannar 2007. |
(3) |
Fi ħdan il-qafas taż-Żona Ewropea ta’ Riċerka, il-programm supplimentari ta’ riċerka li jinvolvi r-reattur ta’ fluss għoli (HFR – high flux reactor) f’Petten hu wieħed mill-mezzi ewlenin li għandha l-Unjoni sabiex tikkontribwixxi għall-appoġġ u l-ittestjar ta’ metodi mediċi ta’ dijanjożi u terapija, għall-iżvilupp tax-xjenzi tal-materjali u għas-soluzzjoni ta’ problemi fil-qasam ta’ l-enerġija nukleari. |
(4) |
L-HFR jinsab f’kundizzjoni operabbli sa l-2015 mill-inqas, u fi Frar ta’ l-2005 nħarġet liċenzja operattiva ġdida lill-operatur tar-reattur. Huwa meħtieġ, għalhekk, li dan il-programm supplimentari ta’ riċerka jiġi estiż b’sena oħra sabiex isir użu mill-faċilitajiet tekniċi li hemm disponibbli. Jinħtieġ li l-estensjoni jkollha effett retroattiv, sabiex tkopri l-attivitajiet kurrenti tal-programm fil-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2007. |
(5) |
Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji meħtieġa għal din l-estensjoni tal-programm supplimentari ta’ riċerka jiġu mogħtija direttament mill-Olanda u minn Franza, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-programm supplimentari ta’ riċerka dwar l-operazzjoni tal-HFR (il-Programm), li l-objettivi tiegħu huma esposti fl-Anness I, huwa b’dan estiż b’perijodu ta’ sena, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007.
Artikolu 2
Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji stmati għall-eżekuzzjoni tal-Programm għandhom jammontaw għal madwar EUR 8 500 000. It-taqsim tal-kontribuzzjonijiet hu mgħoti fl-Anness II.
Artikolu 3
Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Programm, u għal dan il-għan, għandha tagħmel użu mis-servizzi taċ-ĊKR. Il-Bord tal-Gvernaturi taċ-ĊKR għandu jinżamm infurmat dwar l-implimentazzjoni tal-Programm.
Artikolu 4
Qabel il-15 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2007.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi Brussell, 26 ta’ Novembru 2007.
Għall-Kunsill
Il-President
J. SILVA
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/185/Euratom tad-19 ta’ Frar 2004 (ĠU L 57, 25.2.2004, p. 25).
ANNESS I
OBJETTIVI XJENTIFIĊI U TEKNIĊI TAL-PROGRAMM
L-objettivi tal-Programm huma primarjament:
1. |
L-operazzjoni bla periklu u affidabbli tar-reattur ta’ fluss għoli (HFR) li jinsab Petten; din l-attività tinvolvi l-użu normali ta’ l-installazzjoni għal aktar minn 250 jum fis-sena u l-ġestjoni taċ-ċiklu tal-kombustibbli taħt il-kontrolli relevanti ta’ sikurezza u kwalità. |
2. |
L-użu razzjonali tal-HFR se jiġi żviluppat f’firxa wiesgħa ta’ dixxiplini. It-temi prinċipali ta’ riċerka u żvilupp li jinvolvu l-użu tal-HFR jinkludu: it-titjib fis-sikurezza ta’ reatturi nukleari eżistenti; is-saħħa, inkluż l-iżvilupp ta’ isotopi mediċi sabiex iwieġbu għal mistoqsijiet li joħorġu mir-riċerka medika, u l-ittestjar ta’ teknika medika terapewtika; il-fużjoni, ir-riċerka u t-taħriġ fundamentali; u l-immaniġġar ta’ l-iskart, inkluża l-possibbiltà li jiġu żviluppati kombustibbli nukleari permezz ta’ l-eliminazzjoni tal-plutonju tal-grad adatt għall-armamenti. |
ANNESS II
TAQSIM TAL-KONTRIBUZZJONIJIET IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2
Il-kontribuzzjonijiet għall-Programm għandhom jiġu mill-Olanda u minn Franza.
It-taqsim ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet hu kif ġej:
Olanda |
: |
EUR 8 200 000 |
Franza |
: |
EUR 300 000 |
Total |
: |
EUR 8 500 000 |