26.10.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 282/1 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1247/2007
tat-22 ta’ Ottubru 2007
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1947/2005 dwar l-assistenza nazzjonali mogħtija mill-Finlandja għaż-żrieragħ u ż-żerriegħa taċ-ċereali
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 36 u t-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 37(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Billi:
(1) |
Skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1947/2005 (1), il-Finlandja tista’, suġġetta għal awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni, tagħti assistenza rispettivament għal ċerti kwantitajiet ta’ żrieragħ u għal ċerti kwantitajiet ta’ żerriegħa taċ-ċereali prodotti biss fil-Finlandja minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi speċifiċi tagħha. |
(2) |
Abbażi tat-tagħrif mibgħut mill-Finlandja lill-Kummissjoni, il-Kummissjoni bagħtet rapport lill-Kunsill, b’konformità mat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(2), tar-Regolament (KE) Nru 1947/2005. Dak ir-rapport juri li l-produtturi taż-żrieragħ u ż-żerriegħa taċ-ċereali fil-Finlandja għandhom aċċess għal skemi oħra ta’ assistenza u għalhekk jistgħu jibbenefikaw minn sussidji li huma maħsuba biex jagħmlu tajjeb għall-kundizzjonijiet klimatiċi li fihom jaħdmu l-bdiewa Finlandiżi. |
(3) |
Ir-rapport juri wkoll li l-volum tal-produzzjoni taż-żrieragħ taċ-ċereali fil-Finlandja esperjenza xejra ‘l fuq u li l-kwantità taż-żrieragħ taċ-ċereali importata hija żgħira mqabbla mal-kwantità prodotta lokalment. Barra minn hekk, ir-rapport juri li meta l-produzzjoni taż-żrieragħ imkabbra lokalment naqset, l-importazzjonijiet żdiedu u viċiversa, li jwassal għall-konklużjoni li s-sostituzzjoni ta’ l-importazzjoni bi żrieragħ prodotti lokalment hija possibbli u li l-assistenza nazzjonali Finlandiża taf tikkawża tagħwiġ tal-kompetizzjoni mal-prodotti importati. |
(4) |
Iż-żerriegħa tal-Ħaxix ta’ l-għalf hija mmultiplikata fil-Finlandja f’kundizzjonijiet kważi mill-aqwa u relattivament kompetittivi. Iż-żamma ta’ l-għajnuna akkoppjata għall-produzzjoni tal-Ħaxix ta’ l-għalf bla dubju ser jippermetti li jinżamm livell għoli ta’ produzzjoni taż-żrieragħ tal-Ħaxix ta’ l-għalf fil-Finlandja. L-għoti ta’ assistenza nazzjonali għall-produzzjoni taż-żrieragħ tal-Ħaxix ta’ l-għalf għandu, għaldaqstant, jitneħħa. |
(5) |
Minħabba r-raġunijiet imsemmija hawn fuq u sabiex is-suq intern jiffunzjona kif suppost, jixraq li titwaqqaf il-possibbiltà li l-Finlandja tagħti assistenza nazzjonali għaż-żrieragħ u ż-żerriegħa taċ-ċereali. Madankollu, sabiex il-bdiewa fil-Finlandja jkunu jistgħu jħejju għas-sitwazzjoni l-ġdida maħluqa mit-tneħħija ta’ l-assistenza nazzjonali, assistenza għall-produzzjoni taż-żrieragħ u ż-żerriegħa taċ-ċereali għandha tinżamm, bl-eċċezzjoni taż-żrieragħ tal-Ħaxix ta’ l-għalf, matul perjodu aħħari u transitorju, u mbagħad titneħħa. |
(6) |
Bil-għan li jkun hemm reviżjoni intermedja tas-sistema ta’ assistenza nazzjonali, il-Finlandja ikun jeħtiġilha tagħmel rapport dettaljat dwar ir-riżultati ta’ l-assistenza nazzjonali mogħtija. |
(7) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1947/2005 għandu, għaldaqstant, jiġi emendat skond dan, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 1947/2005 għandu jinbidel b’dan il-ġej:
“2. Il-Finlandja tista’, suġġetta għal awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni, tagħti assistenza għal ċerti kwantitajiet ta’ żrieragħ, bl-eċċezzjoni taż-żrieragħ tal-Ħaxix ta’ l-għalf (Phleum pratense L.), u għal ċerti kwantitajiet ta’ żerriegħa taċ-ċereali mkabbra biss fil-Finlandja sa u inkluż l-ħsad ta’ l-2010.
Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru, 2008, il-Finlandja għandha tibgħat lill-Kummissjoni rapport dettaljat dwar ir-riżultati ta’ l-assistenza awtorizzata.”
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fil-Lussemburgu, 22 ta’ Ottubru 2007.
Għall-Kunsill
Il-President
J. SILVA
(1) ĠU L 312, 29.11.2005, p. 3.