8.11.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 290/17 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1305/2007
tas-7 ta’ Novembru 2007
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 883/2006 li fih modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 tal-Kunsill, f’dak li għandu x’jaqsam maż-żamma tal-kontijiet ta’ l-entitajiet li jħallsu, id-dikjarazzjonijiet ta’ l-ispejjeż u tad-dħul u l-kundizzjonijiet għall-ħlas lura ta’ l-ispejjeż fil-qafas ta’ FAEGG u tal-FAEŻR
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 42(7) tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 16(2) it-tielet subparagrafu, tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 883/2006 (2) jipprovdi li l-ħlasijiet minn quddiem mill-Istati Membri li jkun saru taħt ir-responsabbiltà tagħhom qabel l-approvazzjoni tal-programmi ta’ żvilupp rurali tal-perjodu 2007-2013 iridu jiġu ddikjarati globalment flimkien ma’ l-ewwel dikjarazzjoni ta’ l-ispejjeż wara l-adozzjoni ta’ dawn il-programmi. Din ir-regola kienet ġiet ipprovduta għall-programmi mhux approvati qabel il-31 ta’ Marzu 2007. |
(2) |
L-approvazzjoni ta’ għadd imdaqqas ta’ programmi ma tistax isseħħ ħlief wara s-16 ta’ Ottubru 2007. Jidher minn dan li għas-sena 2007, l-ewwel sena tal-perjodu ta’ programmazzjoni, il-biċċa l-kbira tal-ħlasijiet minn quddiem li saru mill-Istati Membri ma jistgħux ikunu dikjarazzjoni ta’ spejjeż fi żmien li jippermetti l-kunsiderazzjoni tagħhom għas-sena 2007. |
(3) |
Sabiex tiġi ffaċilitata l-ġestjoni finanzjarja tal-programmi ta’ żvilupp rurali, jeħtieġ tiġi ffissata skadenza ġdida li tippermetti lill-Istati Membri, b’deroga mill-Artikolu 16(2), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (KE) Nru 883/2006, jistabbilixxu dikjarazzjoni ta’ l-ispejjeż speċifika kumplimentari għall-ħlasijiet minn qabel li jkunu saru f’isem il-programmi approvati mill-Kummissjoni bejn il-15 ta’ Ottubru u t-12 ta’ Diċembru 2007. |
(4) |
Jeħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 883/2006 jigi emendat skond dan. |
(5) |
Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat għall-Fondi Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
It-test li ġej jiżdied ma’ l-Artikolu 16(2), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (KE) Nru 883/2006:
“Barra min hekk, b’deroga mill-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, għall-programmi ta’ żvilupp rurali approvati mill-Kummissjoni bejn il-15 ta’ Ottubru u t-12 ta’ Diċembru 2007, l-ispejjeż mħallsa minn qabel mill-entitajiet li jħallsu sal-15 ta’ Ottubru 2007 inkluż, huma soġġetti għal dikjarazzjoni ta’ l-ispejjeż speċifika sa mhux aktar tard mit-12 ta’ Diċembru 2007.”
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Ufficjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 7 ta’ Novembru 2007.
Għall-Kummissjoni
Mariann FISCHER BOEL
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir Regolament (KE) Nru 378/2007 (ĠU L 95, 5.4.2007, p. 1).
(2) ĠU L 171, 23.6.2006, p. 1.