3.9.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 236/50 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tas-16 ta’ April 2008
Dwar L-Għajnuna Mill-Istat C 23/07 (ex N 118/07) li r-Renju Unit bi ħsiebu jimplimenta għal Vauxhall Motors Ltd
(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1333)
(it-test bl-Inġliż biss huwa awtentiku)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2008/710/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 88(2) tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,
Wara li sejħet lill-partijiet interessati biex iressqu l-kummenti tagħhom skond id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq (1) u wara li qieset il-kummenti tagħhom,
Billi:
1. IL-PROĊEDURA
(1) |
Permezz ta’ ittra bid-data tat-28 ta’ Frar 2007, irreġistrata mal-Kummissjoni fis-6 ta’ Marzu 2007, ir-Renju Unit innotifika lill-Kummissjoni dwar l-għajnuna msemmija hawn fuq għall-impjant ta’ immuntar ta’ General Motors Corporation (“GM”) Vauxhall fil-Port ta’ Ellesmere. Il-Kummissjoni talbet informazzjoni komplimentarja permezz ta’ ittra bid-data ta’ l-4 ta’ April 2007 (ref. D/51586), li għaliha l-awtoritajiet wieġbu permezz ta’ ittra bid-data tat-22 ta’ Mejju 2007. |
(2) |
Permezz ta’ ittra bid-data ta’ l-10 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni infurmat lir-Renju Unit li kienet iddeċiediet tibda l-proċedura stipulata fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat fir-rigward ta’ l-għajnuna. |
(3) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tibda l-proċedura (“id-Deċiżjoni tal-ftuħ”) kienet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (2) Il-Kummissjoni sejħet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom. |
(4) |
Ir-Renju Unit issottometta l-kummenti tiegħu permezz ta’ ittri bid-data ta’ l-10 ta’ Awwissu 2007 (irreġistrata mal-Kummissjoni fl-istess data bħala ref. A/36735) u tad-29 ta’ Jannar 2008 (irreġistrata mal-Kummissjoni fl-istess data bħala ref. A/1724). Fl-10 ta’ Jannar 2008 saret laqgħa bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet tar-Renju Unit fil-preżenza tal-benefiċjarju ta’ l-għajnuna. |
(5) |
Il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti mill-partijiet interessati. Il-Kummissjoni għaddiethom lir-Renju Unit, li ngħata l-opportunità jwieġeb. |
2. DESKRIZZJONI DETTALJATA TA’ L-GĦAJNUNA
2.1. Il-benefiċjarju
(6) |
Il-benefiċjarju ta’ l-għajnuna huwa Vauxhall Motors Ltd, Ellesmere Port, UK (“Vauxhall”), impjant li jipproduċi l-karozzi li huwa unità operattiva ta’ Vauxhall Motors Ltd u parti minn GM. Jipproduci karozzi mill-firxa ta’ mudelli tal-marka Opel (li jinbiegħu fir-Renju Unit bil-marka Vauxhall), attwalment il-mudell bl-isem “Astra” li l-produzzjoni tiegħu se tieqaf fis-sena 2009. Vauxhall tinsab fil-Port ta’ Ellesmere f’Cheshire fir-reġjun tal-Majjistral ta’ l-Ingilterra (3) u timpjega qrib l-2 200 ħaddiem. |
(7) |
Fis-17 ta’ April 2007, GM ħabbret li Vauxhall kienet se tkun fost il-lokalitajiet ta’ GM Ewropej li ntagħżlu biex jipproduċu l-“Vettura Kompatta Globali”, il-mudell li se jieħu post il-mudell bl-isem “Astra”. |
2.2. Il-programm ta’ taħriġ
(8) |
Vauxhall bi ħsiebha timplimenta programm ta’ taħriġ ta’ firxa wiesgħa għall-ħaddiema tagħha. It-taħriġ se jinqasam fit-tmien oqsma ta’ taħriġ individwali, li minnhom is-sitta li ġejjin huma meqjusa bħala eliġibbli għal għajnuna ta’ taħriġ mir-Renju Unit: (a) Taħriġ dwar Is-Sistema ta’ Produzzjoni: dan jikkonċerna taħriġ fl-elementi kollha tas-sistemi ta’ produzzjoni u tal-kontroll tal-kwalità ta’ Vauxhall. L-oġġettiv huwa li l-ħaddiema jingħatalhom tagħrif aħjar dwar il-proċess tal-produzzjoni u b’hekk jintlaħqu standards ta’ xogħol aktar għoljin, ikun hemm tnaqqis fid-difetti u titjib fis-soluzzjonijiet tal-problemi. (b) Pjan ta’ Taħriġ Integrat: din il-parti tat-taħriġ tikkonċerna l-implimentazzjoni ta’ “Sistema ta’ Produzzjoni Ġenerali” (“SPG”) li tinkorpora l-aħjar prattiċi u teknoloġiji f’sistema ta’ produzzjoni komuni għall-operat ta’ GM. Permezz ta’ din is-serje ta’ oġġettivi (l-“Involviment tan-Nies”, “l-Istandardizzazzjoni”, “il-Kwalità fil-Prodott”, “Tnaqqis fiż-Żmien ta’ Produzzjoni”, “Titjib Kontinwu”) it-taħriġ se jagħti lill-ħaddiema ta’ Vauxhall il-kapaċità biex jipproduċu l-ġenerazzjoni ta’ karozzi tal-futur aħjar. (c) Bidla Kulturali: l-iskop ta’ dan it-taħriġ huwa li jnissel sens ta’ għan komuni u responsabilità kollettiva fil-ħaddiema u joħloq kultura ta’ tim ibbażata fuq l-eċċellenza fil-produzzjoni. (d) Ħila Doppja: l-iskop ta’ dan it-taħriġ huwa li jiżviluppa forza tax-xogħol flessibbli billi jħalli ħaddiema b’ħila ewlenija fl-inġinerija mekkanika jiżviluppaw ħiliet fl-inġinerija elettrika u, bl-istess mod, iħalli lil dawk li għandhom ħiliet fl-inġinerija elettrika jakkwistaw ħiliet fl-inġinerija mekkanika. (e) Lean Manufacturing: dan il-proġett se jiżgura li l-prinċipji u t-teknika ta’ “lean manufacturing” jitnisslu fil-forza tax-xogħol u li l-impjegati jkunu konxji mill-benefiċċji li dawn jagħtu meta applikati għall-proċess ta’ produzzjoni li tuża Vauxhall. Parti ċentrali tat-taħriġ taħt din il-kategorija għandu jkun l-issekondar tal-persunal għall-impjant ieħor ta’ GM barra mir-Renju Unit. (f) Studenti: dan huwa programm fejn Vauxhall torganizza korsijiet ta’ 12-il xhar għal żgħażagħ studenti universitarji. Il-programmi differenti (per eżempju “l-Inġinerija dwar l-Ippjanar tal-Qafas tal-Karozzi”, “l-Analiżi tal-Finanzi”, “l-Inġenjerija ta’ l-Ippjanar ta’ Immuntar Ġenerali”) jgħaqqdu flimkien it-tagħlim u l-esperjenza tax-xogħol taħt is-superviżjoni ta’ konsulent. Ma hemm ebda obbligu kuntrattwali min-naħa taż-żewġ partijiet sabiex tkun mantenuta r-relazzjoni ta’ ħidma meta jispiċċa t-taħriġ. |
(9) |
Minbarra s-sitt oqsma ta’ taħriġ li se jibbenefikaw mill-għajnuna mill-Istat notifikata hemm ukoll l-oqsma tat-taħriġ “Apprentisti” (jigifieri skema ta’ apprendistat għaż-żgħażagħ), “Bidla fil-Mudell” (li huwa t-taħriġ neċessarju biex il-ħaddiema jaddattaw ruħhom għall-produzzjoni tal-Vettura Kompatta Globali) u attivitajiet relatati mat-“Taħriġ u l-Ewalwazzjoni tar-Rendiment”. Minn barra dan, Vauxhall se jwettaq “taħriġ ta’ rutina” fil-ħiliet neċessarji għall-operat normali ta’ l-impjant. |
(10) |
Skond l-informazzjoni pprovduta mir-Renju Unit, it-taħriġ li se jiġi ffinanzjat mill-għajnuna se jikkonsisti principalment f’taħriġ ġenerali, b’xi elementi ta’ taħriġ speċifiċi. (4) Il-pjan ta’ taħriġ għandu jiġi implimentat fuq perjodu ta’ sitt snin (mill-2007 sa l-2012 inklużi) u se jikkonċerna l-impjegati kollha ta’ Vauxhall. Ir-Renju Unit żgura lill-Kummisjoni li l-għajnuna se tingħata biss wara li tkun ġiet awtorizzata mill-Kummissjoni stess. |
2.3. L-għajnuna
(11) |
L-għajnuna se tingħata f’forma ta’ għotja diretta ta’ GBP 8 784 767 li titħallas f’sitt pagamenti matul it-tul tal-programm tat-taħriġ. L-għajnuna għandha tkun implimentata bħala għajnuna individwali mill-Aġenzija għall-Iżvilupp Reġjonali tal-Majjistral (Renaissance House, Centre Park, Warrington WA1 1XB). |
(12) |
Skond l-informazzjoni pprovduta mir-Renju Unit, l-ispejjeż eliġibbli għat-taħriġ u l-għajnuna se jintqassmu kif stipulat fit-tabella li ġejja (l-ispejjeż għall-oqsma tat-taħriġ “Apprentistati”, “Bidla fil-Mudell” u “il-Baġit tar-Rutina tat-Taħriġ” m’humiex ikkunsidrati bħala eliġibbli għall-għajnuna għat-taħrig mir-Renju Unit) (5)
|
(13) |
Skond ir-Renju Unit, l-ammonti ta’ l-għajnuna jirrispettaw l-intensitajiet ta’ għajnuna għal impriżi kbar taħt l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ, jiġifieri 50 % għat-taħriġ ġenerali u 25 % għat-taħriġ speċifiku, b’żieda ta’ 3,7 punti perċentwali għat-taħriġ għall-ħaddiema żvantaġġati, kif definit fl-Artikolu 2(g) tar-Regolament (6) |
3. IL-BAŻI BIEX TINFETAĦ L-INVESTIGAZZJONI FORMALI
(14) |
Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, tqajmu dubbji dwar il-kompatibbilità ta’ l-għajnuna mas-suq komuni fuq il-bażijiet stipulati mis-sezzjonijet 3.1 u 3.2. |
3.1. L-effett ta’ inċentiv ta’ l-għajnuna
(15) |
Għar-raġunijiet imfissrin iżjed fid-dettal fis-Sezzjoni 7, is-Sezzjoni ta’ l-“Evalwazzjoni”, it-taħriġ jista’ jiġi kkunsidrat bħala kompatibbli mas-suq komuni biss jekk joħloq inċentiv neċessarju għat-taħriġ iffinanzjat, li fin-nuqqas ta’ dan it-taħriġ ma jseħħx. It-Taħriġ li huwa parti mill-operat normali ta’ l-impriża u li għalih il-forzi tas-suq waħedhom għandhom jipprovdu inċentiv biżżejjed ma jikkwalifikax bħala għajnuna ta’ taħriġ. |
(16) |
L-effett ta’ inċentiv ta’ l-għajnuna għall-oqsma ta’ taħriġ li ġejjin kien dubbjuż fid-Deċiżjoni tal-ftuħ: Taħriġ dwar is-Sistema ta’ Produzzjoni, Pjan ta’ Taħriġ Integrat u taħriġ għall-Istudenti. In-natura ta’ dawn id-dubbji hija mfissra iżjed fid-dettal fis-Sezzjoni 7. |
3.2. Id-distinzjoni bejn taħriġ speċifiku u dak ġenerali
(17) |
Għall-partijiet differenti tal-programm ta’ taħriġ ta’ Vauxhall l-awtoritajiet tar-Renju Unit taw indikazzjoni jekk jikkunsidrawx it-taħriġ bħala wieħed ġenerali jew speċifiku u, konsegwentament, liema intenstià massima ta’ l-għajnuna għandha tapplika skond l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ Il-kwalifikazzjoni magħmula mir-Renju Unit fir-rigward ta’ l-oqsma ta’ taħriġ li ġejjin xorta tqiegħdu fid-dubju fil-ftuħ tad-deċiżjoni: Taħriġ dwar Sistemi ta’ Produzzjoni, Pjan Integrat ta’ Taħriġ, Bidla Kulturali u Lean Manufacturing. In-natura ta’ dawn id-dubji hija mfissra iżjed fid-dettal fis-Sezzjoni 7. |
4. Kummenti mill-partijiet interessati
(18) |
Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mill-partijiet interessati li huma elenkati fl-Anness. Il-kummenti kienu prinċipalment simili u ffukkaw fuq l-aspetti ġenerali mingħajr ma daħlu wisq fid-dettalji ta’ l-għajnuna. Ebda kumment ma wasal mill-kompetituri ta’ Vauxhall. |
(19) |
Il-kummenti tal-partijiet interessati jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:
|
5. KUMMENTI MIR-RENJU UNIT
5.1. L-effett ta’ inċentiv
(20) |
Fir-rigward ta’ l-effet ta’ inċentiv, ir-Renju Unit argumenta li l-ħiliet meħtieġa biex tiġi mantenuta l-produzzjoni, u li jkunu konsegwentament ipprovduti anke mingħajr l-għajnuna, huma pprovduti mit-taħriġ ta’ rutina għall-persunal, flimkien ma’ taħriġ ieħor kif meħtieġ meta l-mudell tal-karozzi jkun inbidel. Fir-rigward ta’ taħriġ ta’ rutina, ir-Renju Unit ta indikazzjoni li n-nefqa annwali, mingħajr in-nefqa eċċezzjonali tat-taħriġ għal-Bidla tal-mudell, baqgħet stabbli b’medja ta’ GBP […] fis-sena, bejn l-2002 u l-2007 (7). |
(21) |
B’kuntrast, il-programm ta’ taħriġ imsemmi fil-Premessa 8 għandu l-għan li jnissel ħiliet fil-ħaddiema li jmorru lil hinn mill-bżonn li tinżamm il-kompetittività li konsegwentament ma jkunx iggustifikat biss mill-forzi tas-suq. Il- programm ta’ taħriġ huwa differenti mill-programm ta’ taħriġ ta’ rutina ta’ Vauxhall u mit-taħriġ speċifiku li se jkun ipprovdut b’konnessjoni mad-deċiżjoni li l-Vettura Kompatta Globali tkun manifatturata minn Vauxhall. L-għajnuna b’hekk ma tissussidjax sempliċiment taħriġ ta’ l-operat essenzjali iżda tipprovdi inċentiv neċessarju għal taħriġ addizzjonali. |
(22) |
Iktar speċifikament dwar oqsma differenti ta’ taħriġ tal-programm ta’ taħriġ indirizzati fid-deċiżjoni tal-ftuħ: |
(23) |
Taħriġ fis-Sistema tal-Produzzjoni: ir-Renju Unit spjega li Vauxhall tapplika taħriġ ta’ rutina li pprovda l-persunal b’sett ta’ metodi riġidament standardizzati għal kull biċċa xogħol. Dan hu bbażat fuq it-tagħlim bl-amment iktar milli biex il-proċess jiftiehem aħjar. Dan it-taħriġ ta’ rutina jipprovdi l-ħiliet neċessarji għall-operat normali ta’ l-impjant u ħa jkompli b’mod parallel mal-programm tat-taħriġ. Minn naħa l-oħra l-programm ta’ taħriġ huwa żieda fuq it-taħriġ ta’ rutina u għandu l-għan li jipprovdi lill-ħaddiema b’ħiliet iktar mill-bżonnijiet ta’ l-operat ta’ l-impjant u li jista’ jkun iġġustifikat mill-forza tas-suq biss. Ir-Renju Unit ipprovda wkoll dettalji fuq il-kontenut kemm tal-programm ta’ taħriġ ta’ rutina kif ukoll tat-Taħriġ tas-Sistema tal-Produzzjoni ippjanat. (8) |
(24) |
Pjan ta’ Taħriġ Integrat: taħriġ tal-GMS kien ingħata fil-passat, u Vauxhall konsistentement laħqet il-bżonnijiet interni tal-grupp GM dwar il-konformità mal-GMS (9). Vauxhall għandha tkun tista’ tkompli tilħaq dawn l-istandards bit-taħriġ ta’ rutina minimu. Il-Programm ta’ Taħriġ Integrat imur lill hinn mill-bżonnijiet ta’ produzzjoni u dak li hemm bżonn biex jintlaħqu l-istandards tal-grupp GM. L-għan huwa li l-ħaddiema jmorru lil hinn mit-taħriġ neċessarju biex sempliċiment iwettqu x-xogħol assenjat lilhom u jgħinhom jaslu li jifmhu aħjar il-prinċipji bażiċi tal-proċess tal-manifattura. Minħabba l-ispejjeż sinifikanti involuti, dan it-taħriġ mhux essenzjali ma jkunx ipprovdut fil-baġit normal tat-taħriġ ta’ Vauxhall. |
(25) |
Studenti: għalkemm dan it-taħriġ kien ingħata fil-passat mingħajr għajnuna, il-benefiċċji tiegħu għal Vauxhall kienu limitati ħafna minħabba li Vauxhall f’dawn l-aħħar snin sabet diffikulta fir-reklutaġġ ta’ lawreati li għandhom kif iggradwaw. Il-programm għall-Istudenti, li għandu bżonn staff permanenti biex jgħaddi ħafna ħin iħarreġ l-istudenti, jista’ jkun li jkollu jitwaqqaf mingħajr għajunua. |
5.2. Id-distinzjoni bejn taħriġ speċifiku u dak ġenerali
(26) |
B’risposta għad-Deċiżjoni tal-ftuħ, ir-Renju Unit għamel dawn il-kummenti rigward il-kwalifikazzjoni ta’ taħriġ ġenerali u speċifiku fl-oqsma differenti tat-taħriġ. |
(27) |
Taħriġ fis-Sistema tal-Produzzjoni: il-ħiliet ipprovduti f’dan it-taħriġ huma trasferibbli sew fl-industrija tal-karozzi u sew fis-settur tal-manifattura sempliċi in ġenerali. It-taħriġ huwa pprovdut minn għalliema esterni u tipikament juża apparat ta’ terzi (prinċiparjament makkinarji li mhux speċifiku għal Vauxhall iżda wżat ħafna f’industriji differenti (10). Ir-Rejnu Unit ipprovda eżempji dettaljati tal-kontenut ta’ dan it-taħriġ biex juri li hu fil-verità trasferibbli. |
(28) |
Pjan ta’ Taħriġ Integrat: il-GMS mhux proċess ta’ manifattura kunfidenzjali iżda sempliċiment branding intern għal GM (użat biex jagħti l-impressjoni lill-ħaddiema ta’ sett konsistenti ta’ korsijiet iddedikati għall-faċilità) ta’ sett ta’ metodi ta’ manifattura ġeneriċi, ibbażati fuq tekniki mibdija mill-manifattura Ġappuniża u u li llum huma ġeneralment applikati għall-industrija tal-karozzi kollha u għal setturi oħra. Għalkemm il-korsijiet huma marbuta sew ma’ elementi prattiċi tal-proċess tal-manifattura, dan isir minħabba l-bżonn li t-taħriġ isir fil-kuntest biex ikunu jistgħu jitwasslu l-ħiliet ġenerali lill-ħaddiema. |
(29) |
Bidla Kulturali: dan it-taħriġ mhux iffukat fuq il-kultura korporattiva ta’ Vauxhall iżda għandu l-għan li jagħti stampa ta’ l-imġieba ġenerali ta’ l-atitudnijiet lejn il-bidla. It-taħriġ kollu se jkun ippjanat u mogħti minn konsulenti esterni b’użu ta’ pakketti ta’ taħriġ ġeneriċi. |
(30) |
Lean Manufacturing: l-għan ta’ dan it-taħriġ huwa li jagħmel lill-ħaddiema konxji tal-prinċipji ġenerali tal-lean manufacturing li jsaħħaħ il-ħiliet prattiċi koperti minn partijiet oħra tal-programm ta’ taħriġ. Dan huwa taħriġ teoretiku li huwa totalment differenti mix-xogħol ta’ kuljum tal-persunal fil-proċess tal-produzzjoni u ma jkoprix il-proċess ta’ bini jew produzzjoni. Fil-fatt, l-intenzjoni hija li l-ħaddiema ma jibqgħux fl-ambjent tax-xogħol tagħhom ordinarju u jitħarrġu f’Ambjent ta’ Xogħol Simulat (11) jew josservaw il-prinċipji lean applikati f’impjanti oħra “ta’ referenza”. |
6. IL-KUMMENTI TAR-RENJU UNIT DWAR L-OSSERVAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET INTERESSATI
(31) |
Il-kummenti tal-partijiet interessati kienu mibgħuta lir-Renju Unit, li ma rrispondiex għalihom. |
7. VALUTAZZJONI TA’ L-GĦAJNUNA
7.1. Kwalifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat
(32) |
Skond l-Artikolu 87(1) tat-Trattat, “… kull għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, f’kull forma tkun xi tkun, li tikkawża, jew thedded li tikkawża, distorsjoni fil-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti” sakemm dan ikun jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, hija inkompatibbli mas-suq komuni, sakemm għajnuna bħal din ma tkunx tista’ tiġi ġġustifikata skond l-Artikolu 87(2) jew (3) tat-Trattat. |
(33) |
L-għajnuna notifikata għandha tkun ikkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE. Il-fondi jieħdu l-forma ta’ għotja mill-baġit ġenerali tar-reġjun tal-Majjistral, u għalhekk jitqiesu bħala finanzjament minn riżorsi ta’ l-Istat. L-għajnuna hija selettiva billi hija llimitata għal Vauxhall. Hija probabbli li tgħawweġ il-kompetizzjoni fis-suq komuni billi, bit-tnaqqis ta’ l-ispejjeż tat-taħriġ, il-miżura se tipprovdi lil Vauxhall b’vantaġġ fuq il-kompetituri li mhumiex jirċievu għajnuna. Fl-aħħarnett, is-suq tal-karozzi huwa kkaratterizzat minn kummerċjalizzazzjoni estensiva bejn l-Istati Membri. |
7.2. Il-bażi legali għall-evalwazzjoni
(34) |
Ir-Renju Unit innotifika l-għajnuna bħala għotja ta’ għajnuna individwali skond l-Artikolu 5 tar-Regolament dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ li jipprovdi li meta ammont ta’ għajnuna mogħtija lil impriża għal proġett wieħed ta’ taħriġ taqbeż il-EUR 1 miljun, l-għajnuna mhix eżentata mill-bżonn tan-notifika. Huwa nnutat li l-għajnuna tammonta għal GBP 8 784 767 u għalhekk taqbeż il-EUR 1 miljun, se titħallas lil impriża waħda, u l-proġett ta’ taħriġ huwa proġett uniku. Għalhekk, il-bżonn tan-notifika japplika għal din l-għajnuna u kien rispettat mir-Renju Unit. |
(35) |
Meta tkun ivvalutata għajnuna għat-taħriġ individwali li ma tikkwalifikax għall-eżenzjoni stipulata mill-Artikolu 3 tar-Regolament dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ u, f’konformità ma deċiżjonijiet (12) meħudin qabel, tkun saret valutazzjoni individwali ta’ l-għajnuna fuq bażi tal-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE. Mandanakollu, għall-iskopijiet ta’ din il-valutazzjoni individwali, b’analoġija, wieħed joqgħod fuq il-provedimenti tar-Regolament dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ u partikolarment il-kundizzjonijet għall-kriterji ta’ eżenzjoni stipulati mill-Artikolu 4 tiegħu. |
7.3. Kompatibbiltà mas-suq komuni
7.3.1. L-effett ta’ inċentiv
(36) |
Kif iddikjarat fid-Deċiżjoni tal-ftuħ, u f’konformità mal-prattika stabbilita fil-Kummissjoni, għandha ssir valutazzjoni tan-neċessità ta’ l-għajnuna biex isir it-taħriġ in kwistjoni. In-neċessità ta l-għajnuna hija kundizzjoni ġenerali biex l-għajnuna tinstab kompatibbli mas-suq komuni (13). Jekk l-għajnuna ma twassalx għal taħriġ ulterjuri, ma tistax tkun ikkunsidrata li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ l-ekonomija ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti żoni ekonomiċi fit-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat u lanqas li tikkoreġi l-imperfezzjonijiet tas-suq li jwasslu l-kumpaniji biex jinvestu inqas fit-taħriġ, skond ir-riferiment fil-Premessa 10 tar-Regolament dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ. |
(37) |
Il-Kummissjoni nnotat li t-taħriġ neċessarju għall-introduzzjoni tal-mudell tal-Vettura Kompatta Globali, kif ukoll it-taħrig baziku ta’ rutina, huma esklużi mill-ispejjeż li huma eliġibbli għall-għajnuna għat-taħriġ fin-notifika. |
(38) |
Fid-dawl tal-kummenti li għamel ir-Renju Unit matul l-investigazzjonijiet formali, il-Kummissjoni tikkonkludi dan li ġej għall-partijiet differenti tal-programm ta’ taħriġ. |
7.3.1.1. Taħriġ fis-Sistema tal-Produzzjoni
(39) |
Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni kkunsidrat li dan it-taħriġ jidher li huwa neċessarju biex jiżgura l-operat normali ta’ Vauxhall, li għandu jagħti biżżejjed inċentiv lil Vauxhall biex tipprovdi t-taħriġ mingħajr għajnuna. B’hekk hemm id-dubbji jekk l-għajnuna hiex neċessarja biex Vauxhall tagħti t-Taħriġ fis-Sistema tal-Produzzjoni. |
(40) |
Wara li nfetħet id-Deċiżjoni, ir-Renju Unit issottometta kummenti sostanzjati li juru li t-taħriġ li huwa neċessarju għall-operat ta’ l-impjant huwa pprovdut bħala parti mit-taħrig annwali ta’ rutina. It-Taħriġ fis-Sistema tal-Produzzjoni, għalkemm għandu x’jaqsam ukoll mal-ħiliet tal-manifattura, isaħħaħ it-taħriġ ta’ rutina u jespandih biex ikopri kategoriji ta’ staff li ma jaqgħux taħt it-taħriġ ta’ rutina. Kif imsemmi fil-Premessa 20, huwa nnutat li l-baġit tat-taħriġ ta’ rutina annwali baqa’ stabbli fil-perjodu bejn l-2002 u l-2007, li juri li l-livell normali ta’ taħriġ ta’ rutina huwa biżżejjed għall-bżonnijiet ta’ l-operat normali ta’ Vauxhall. B’hekk it-taħriġ li għandu jsir bħala parti mit-Taħriġ fis-sistema tal-Produzzjoni huwa iktar milli Vauxhall qatt jista’ jkollha bżonn anke mingħajr għajnuna. |
(41) |
Għalhekk, għandu jinstab li l-għajnuna se tipprovdi inċentiv f’dan il-qasam ta’ taħriġ. |
7.3.1.2. Pjan ta’ Taħriġ Integrat
(42) |
Fid-Deċiżjoni tal-ftuħ, l-opinjoni preliminarja kienet li t-taħriġ fil-GMS jidher essenzjali għall-operat normali ta’ Vauxhall u għalhekk huwa probabbli li jsir mingħajr għajnuna. B’hekk hemm id-dubbji jekk l-għajnuna hix neċessarja biex Vauxhall timplimenta l-Pjan ta’ Taħriġ Integrat. Dawn id-dubbji kienu msaħħa bil-fatt li Vauxhall ikollha bżonn tilħaq standards ogħla ta’ konformità ta’ GMS fl-2008 (jiġifieri […] kontra […] milħuqa minn Vauxhall fl-2007) biex tilħaq l-istandards interni tal-grupp GM, fatt li jista’ jipprovdi lil Vauxhall b’inċentiv biex twettaq għallinqas parti mit-taħriġ mingħajr għajnuna mill-Istat. |
(43) |
Mill-kummenti tar-Renju Unit skond id-Deċiżjoni tal-ftuħ, joħroġ li taħriġ GMS kien ingħata fil-passat u li Vauxhall irnexxhielha tilħaq l-istandards interni ta’ GM għall-konformità GMS. Dan juri li Vauxhall diġa’ irnexxhielha tipprovdi t-taħriġ GMS neċessarju għall-operat tagħha fil-baġit tat-taħriġ ta’ rutina. |
(44) |
Il-bżonn li tilħaq livell ogħla ta’ konformità GMS fl-2008 jista’ jipprovdi lil Vauxhall b’inċentiv li tipprovdi taħriġ GMS ulterjuri. Madanakollu, it-titjib marġinali neċessarju mhux probabbli li jipprovdi inċentiv biżżejjed għall-programm ta’ taħriġ li jfisser żieda fil-baġit tat-taħriġ ta’ rutina annwali ta’ Vauxhall ta’ madwar 60 % (billi l-ispejjeż eliġibbli għal Pjan ta’ Taħriġ Integrat huma ta’ madwar GBP […]/sena, mqabbel mal-baġit tat-taħrig ta’ rutina ta’ GBP […]/sena). |
(45) |
Għalhekk, għandu jinstab li l-Programm ta’ Taħriġ Integrat għandu jkun implimentat mingħajr għajnuna. |
7.3.1.3. Studenti:
(46) |
Fid-Deċiżjoni tal-ftuħ, kien innutat li l-programm għall-Istudenti ilu jeżisti għal numru ta’ snin mingħajr għajnuna mill-Istat, li jista’ jindika li l-għajnuna notifikata mhix inċentiv neċessarju għal dan it-taħriġ. |
(47) |
Fil-kummenti dwar id-Deċiżjoni tal-ftuħ, ir-Renju Unit spjega li, minħabba restrizzjonijiet fil-baġit, Vauxhall ma rrekluta lil ħadd mis-60 student li għaddew mill-programm għall-Istudenti mis-sena 2002. Ir-Renju Unit indika li l-baġit għall-programm għall-Istudenti qed ikun rivedut u probabbilment jitnaqqas. |
(48) |
Huwa aċċettat li n-nuqqas ta’ abilità ta’ Vauxhall li tinternalizza l-benefiċċji tat-taħriġ u iġġib lura l-ispejjeż tat-taħriġ inaqqas b’ħafna l-inċentiv li tipprovdi dan it-taħrig mir-riżorsi tagħha biss (14). Għalhekk, it-taħriġ probabbilment ma jibqax isir mingħajr l-inċentiv ta’ l-għajnuna. |
7.3.2. Id-distinzjoni bejn taħriġ speċifiku u dak ġenerali
(49) |
It-termini taħrig speċifiku u taħriġ ġenerali huma ddefiniti fil-punti (d) u (e) ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ. Taħriġ speċifiku “jinvolvi tagħlim direttament u prinċipalment applikabbli għall-pożizzjoni preżenti jew futura tal-ħaddiem fl-intrapriża mgħejuna u li jipprovdi l-kwalifiki li mhumiex jew huma biss sa ċertu punt trasferibbli lil intrapriżi jew oqsma ta’ xogħol oħra”. Taħriġ ġenerali, minn naħa l-oħra, jipprovdi l-kwalifiki li huma trasferibbli b’mod liberu lil intrapriżi jew oqsma tax-xogħol oħra u għalhekk itejjeb b’mod sostanzjali l-opportunità tax-xogħol għall-ħaddiem’. Id-differenza bażika bejn iż-żewġ forom ta’ taħriġ hija għalhekk it-trasferibbiltà tal-ħiliet akkwisati. |
(50) |
Fid-dawl tal-kummenti sottomessi matul l-investigazzjonijiet formali mir-Renju Unit, il-Kummissjoni tikkonkludi dan li ġej għall-partijiet differenti tal-programm ta’ taħriġ. |
7.3.2.1. Taħriġ fis-Sistema tal-Produzzjoni.
(51) |
Dan it-taħriġ jirrigwarda is-sistemi ta’ manifattura u kontroll tal-kwalità ta’ Vauxhall. Fid-Deċiżjoni tal-ftuħ, kien ikkunsidrat li l-Kummissjoni ma kellhiex biżżejjed informazzjoni biex tkun tista’ tkun żgura li t-taħriġ kollu mogħti taħt dan it-titlu huwa fil-verità trasferibbli u għalhekk huwa taħriġ ġenerali. |
(52) |
Fil-kummenti dwar id-Deċiżjoni tal-ftuħ, ir-Renju Unit ipprovda informazzjoni dettaljata dwar il-korsijiet fit-Taħriġ fis-Sistema tal-Produzzjoni. Kif imsemmi fil-Premessa 27, dawn il-korsijiet kollha huma magħmula minn għalliema esterni li jużaw apparat ta’ terzi li huma użati spiss fis-settur tal-manifattura. Fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni, għandu jinstab li t-Taħriġ fis-Sistema tal-Produzzjoni għandu jipprovdi ħiliet li huma trasferibbli għall-intrapriżi oħra jew oqsma ta’ xogħol ieħor. |
7.3.2.2. Pjan ta’ Taħriġ Integrat
(53) |
Fid-Deċiżjoni tal-ftuħ, kien hemm id-dubbji fuq jekk it-taħriġ f’dak li kien jidher li hu s-sistema ta’ manifattura kunfidenzjali setgħax ikun ikkunsidrat li jipprovdi kwalifiki trasferibbli. Kien ikkunsidrat li t-taħriġ, sa fejn għandu x’jaqsam mal-proċess tal-produzzjoni speċifika għal GM, kellu jkun probabbilment speċifiku. |
(54) |
Mill-kummenti rċevuti mir-Renju Unit wara l-ftuħ tad-Deċiżjoni, deher li GMS ma jkoprix il-proċeduri li huma speċifiċi għal Vauxhall jew għal GM, iżda iktar il-proċessi li huma komuni għas-settur tal-karozzi u wkoll għas-settur tal-manifattura iktar wiesgħa. L-iskop tal-Pjan ta’ Taħriġ Integrat huwa li l-ħaddiema jifhmu iktar il-prinċipji ġeneriċi ta’ proċess ta’ lean manufacturing modern. Ir-Renju Unit issostanzja dan billi pprovda dettalji dwar numru ta’ korsijiet fil-Pjan ta’ Taħriġ Integrat (15). |
(55) |
Minn din l-informazzjoni komplimentarja li ta r-Renju Unit, għandu jinstab li l-korsijiet fil-Programm ta’ Taħriġ Integrat notifikati bħala taħriġ ġenerali se jipprovdi ħiliet trasferibbli verament. |
7.3.2.3. Bidla Kulturali:
(56) |
Fid-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni nnutat li l-awtoritajiet tar-Renju Unit ma kienu ssottomettew ebda dettalji dwar il-kontenut u r-riżultat mistenni ta’ dan it-taħriġ. Il-Kummissjoni esprimiet id-dubbji tagħha dwar it-trasferabilità tal-ħiliet akkwistati bħala parti mit-taħriġ dwar il-Bidla kulturali li jidher li għandu l-għan speċifiku li jbiddel il-kultura korporattiva ta’ Vauxhall. |
(57) |
Il-Kummissjoni nnutat li dan it-taħriġ se jkun ipprovdut minn konsulenti esterni li jużaw pakketti tat-taħriġ standardizzati li huma applikabbli għal firxa kbira ta’ setturi tan-negozju (16). It-taħriġ għalhekk mhux se jindirizza kwistjonijiet speċifiċi għal Vauxhall iżda jiffoka fuq kwistjonijiet ġeneriċi marbuta mal-ġestjoni tal-bidliet kulturali. Fuq il-bażi ta’ dan, għandu jinstab li l-programm dwar il-Bidla Kulturali għandu jipprovdi ħiliet li huma trasferibbli għall-impriżi jew industriji oħra. |
7.3.2.4. Lean Manufacturing:
(58) |
Fin-notifika, ir-Renju Unit stqarr li l-prinċipji ta’ lean manufacturing huma ġeneralment applikati fl-industrija tal-manifattura u li jekk wieħed jifhem aħjar dawn il-prinċipji ikollu kwalifiki li huma trasferibbli sew. Mandanakollu, fid-Deċiżjoni tal-ftuħ, tqajmu dubbji dwar jekk it-taħriġ setgħax ikun disassoċjat mill-applikazzjoni tiegħu f’Vauxhall u għalhekk jekk il-kwalifiki li dan jipprovdi jkunux trasferibbli sew mill-impjegati individwali għal imprizi oħra jew oqsma tax-xogħol oħra. |
(59) |
Fil-kummenti tiegħu, ir-Renju Unit wera li t-taħrig tal-Lean Manufacturing ma jkoprix il-proċess tal-produzzjoni tal-karozzi u mhux ippjanat biex jipprovdi l-persunal b’ħiliet prattiċi li huma immedjatament applikabbli fix-xogħol tagħhom normali (dan jista’ jintlaħaq b’ħafna inqas spejjeż b’taħriġ tradizzjonali fuq il-post tax-xogħol). Il-Kummissjoni nnutat partikolarment li l-elementi prattiċi tat-taħriġ se jkunu bbażati fuq oqsma differenti minn dawk li min qed jitħarreġ is-soltu jaħdem fihom. Lean Manufacturing huwa kors teoretiku (l-aspetti prattiċi tal-lean manufacturing huma prinċiparjament integrati fil-Pjan ta’ Taħriġ Integrat) u l-persunal se jiċċaqlaq mill-kuntest tax-xogħol ordinarju biex jagħmel it-taħriġ. Dan it-taħriġ mhux fuq il-post tax-xogħol se jkun ipprovdut f’Ambjent ta’ Xogħol Simulat jew f’impjant ieħor ta’ GM (17). |
(60) |
Għandu jinstab li l-prinċipji ġenerali tal-lean manufacturing huma trasferibbli għall-impriżi u setturi oħra. |
8. KONKLUŻJONIJIET
(61) |
Għar-raġunijiet imfissra hawn fuq, għandu jkun konkluż li l-għajnuna nnotifikata tipprovdi inċentiv għall-programm ta’ taħriġ. |
(62) |
Ir-Renju Unit issottometta evidenza dokumentata trasparenti u strutturata ta’ l-ispejjeż tat-taħriġ. Fuq il-bażi ta’ din l-evidenza, għandu jkun konkluż li r-Renju Unit għamel valutazzjoni ġusta ta’ l-ispejjeż eleġibbli kif stabbilit fil-Premessa 12 hawn fuq. Speċifikament, għandu jinstab li l-kumpens għall-ispejjeż tal-persunal li qed jitħarreġ ma jaqbiżx it-total ta’ l-ispejjeż l-oħra eliġibbli kif rikjest mill-Artikolu 4(7)(g) tar-Regolament dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ. |
(63) |
Fid-Dawl tal-konsiderazzjonijiet stabbiliti hawn fuq, għandu jkun konkluż li n-notifika tagħmel id-distinzjoni ġusta bejn it-taħriġ ġenerali u speċifiku kif definit fl-Artikolu 2 tar-Regolament dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ. |
(64) |
L-intensitajiet ta’ l-għajnuna jikkonformaw ma’ l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-Għajnuna għat-Taħrig. Partikolarment, iż-żieda fl-intensità ta’ l-għajnuna għall-ħaddiema żvantaġġati tikkonforma ma’ l-Artikolu 4(4) tar-Regolament. |
(65) |
L-awtoritajiet tar-Renju Unit żguraw li l-għajnuna notifikata ma tistax tkun flimkien ma’ għajnuna mill-Istati oħra biex tkopri l-istess spejjeż eliġibbli u li Vauxhall ma rċeviet ebda għajnuna mill-Istat li għaliha hemm ordni ta’ rkupru. |
(66) |
Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni. |
ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-għajnuna mill-Istat li r-Renju Unit qiegħda tippjana li timplimenta għal Vauxhall Motors Ltd, li tammonta għal GBP 8 784 767, hija kompatibbli mas-suq komuni fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE.
L-implimentazzjoni ta’ l-għajnuna, li tammonta għal GBP 8 784 767 hija awtorizzata skond dan.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.
Magħmula fi Brussell, fis-16 ta’ April 2008.
Għall-Kummissjoni
Neelie KROES
Membru tal-Kummissjoni
(2) Ara n-nota Nru 1 ta’ qiegħ il-paġna.
(3) Vauxhall tinsab f’żona li sal-31 ta’ Diċembru 2006 kienet tikkwalifika għall-għajnuna regjonali taħt l-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE. Mill-1 ta’ Jannar 2007, ir-reġjun m’għadux jikkwalifika għall-għajnuna.
(4) It-termini “taħriġ ġenerali” u “taħriġ speċifiku” jintużaw kif imniżżel fl-Artikolu 2(d) u (e) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 68/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna ta’ taħriġ1 (ĠU L 10, 13.1.2001, p. 20). Ir-Regolament (KE) Nru 68/2001 minn hawn ’il quddiem huwa msejjaħ “ir-Regolament dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ” f’din “id-Deċiżjoni”.
(5) L-ammonti fit-tabella huma ammonti finali pprovduti mir-Renju Unit fil-kummenti tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-ftuħ (kif talbet il-Kummissjoni. Ara n-nota tad-Deċizjoni tal-ftuħ).
(*) Informazzjoni kunfidenzjali.
(6) Fil-preżent, 37 % tal-ħaddiema ta’ Vauxhall huma kkunsidrati bħala ħaddiema żvantaġġati Dawn jaqgħu prinċiplament taħt il-kategorija ta’ persuni li għandhom iżjed minn 45 sena li ma kisbux edukazzjoni sekondarja għolja. Madanakollu, billi t-taħriġ se jingħata fuq tul ta’ sitt snin u n-numru eżatt ta’ ħaddiema żvantaġġati li se jibbenifikaw mit-taħriġ jista’ jiġi determinat biss matul it-taħriġ, l-awtoritajiet tar-Renju Unit se japplikaw żieda ġenerali fl-intensità ta’ l-għajnuna ta’ 3,7 % f’kull qasam. L-awtoritajiet impenjaw ruħhom biex jivverifikaw in-numru attwali ta’ ħaddiema żvantaġġati f’kull proġett ta’ taħriġ “ex-post” u biex jikkoreġu l-intensità ta’ l-għajnuna applikata kif xieraq.
(7) Il-baġit tat-taħriġ ta’ rutina (eskluż it-taħriġ ta’ Bidla fil-mudell): […].
(8) Konkretament, it-taħriġ ta’ rutina huwa bbażat fuq li l-impjegat jassimila l-bżonnijiet tax-xogħol tiegħu partikolari kif reġistrat f’sett ta’ dokumenti bażiċi. Dan it-taħriġ speċifiku għall-impjieg huwa kkumplimentat minn korsijiet rikorrenti mogħtija lill-persunal kollu jew gruppi speċifiċi ta’ impjegati fuq aspetti ġenerali tax-xogħol ta’ Vauxhall. Eżempji ta’ taħriġ bħal dan huwa “5S” (Prinċipji ta’ organizzazzjoni tal-post tax-xogħol), “PDCA % PPS” (Proċessi li jiżguraw li kull biċċa xogħol titlesta u problemi identifikati ma jerġgħux jinqalgħu), “Pull Systems” (Taħriġ ta’ Andon u forniment) jew “Handling Conflict” (kif tittratta l-abbuż fuq il-post tax-xogħol).
(9) L-impjanti kollha GM huma evalwati kull sena dwar il-livell ta’ konformità tagħhom ma’ l-istandards GMS. L-istandards ta’ evalwazzjoni u l-livell biex jgħaddu jinbidlu minn sena għal sena. Fl-2007, Vauxhall laħqet[…] Madanakollu, biex tilħaq l-istandards tal-grupp għall-2008, Vauxhall għandha bżonn tilħaq […]
(10) Per eżempju, it-Taħriġ dwar is-Sistema tal-Produzzjoni dwar il-body shop tkopri fost suġġetti oħra: Fanuc robotics, sistemi ta’ kontroll ta’ Siemens u sistemi ta’ miżura Perceptron kollha pprovduti mill-għalliema esterni għal Vauxhall.
(11) L-Ambjent ta’ Xogħol Simulat (SWE) huwa mudell ta’ linja ta’ produzzjoni simplifikat ħafna fejn karozza mudell tinbena fi ftit passi. M’għandu ebda relazzjoni mal-proċess tal-produzzjoni reali, iżda huwa ppjanat biex jagħti lil min qed jagħmel il-kors esperjenza diretta ta’ kwistjonijiet ġenerali fid-disinn u t-tqassim tal-proċess tal-produzzjoni.
(12) Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/938/KE ta’ l-4 ta’ Lulju 2006 dwar l-għajnuna mill-Istat C 40/05 (ex N 331/05) li l-Belġju qed tippjana li tagħti lill Ford Genk (ĠU C 366, 21.12.2006, p. 32) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/612/KE tal-4 ta’ April 2007 dwar għajnuna mill-Istat C 14/06 li l-Belġju qed tippjana li timplimenta għal Gneral Motors tal-Belġju f-Antwerp (ĠU L 243, 18.9.2007, p. 71). Dan huwa f’konformità mal-Premessa 16 tar-Regolament dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ.
(13) Dan huwa mtenni fil-Premessa 11 tar-Regolament dwar l-Għajnuna għat-Taħriġ li jiċċara li għandha tkun “[…] żgurata li l-għajnuna Statali tkun illimitata għal dak li hu meħtieġ minimament biex jintlaħaq l-oġġettiv tal-Komunità li l-forzi tas-suq biss ma jagħmlux possibbli […]”.
(14) Punt simili għal dan kien aċċettat fid-Deċiżjoni 2007/612/KE tal-4 ta’ April 2007 dwar l-għajnuna mill-Istat C14/06. Ara Premessa 44 ta’ din id-Deċiżjoni.
(15) Għalhekk, bħala eżempji, il-korsijiet “Astra Cockpit Module” u “Fuel and Braking Module” se jużaw miżuri prattiċi fil-proċess ta’ l-immuntar bħala kontenut biex juru sett ta’ ħiliet ġeneriċi li jistgħu jtejbu l-kwalità u r-rendiment tal-biċċa xogħol, bħal per eżempju t-tqassim tal-linja (kif issib ir-relazzjoni ottimali bejn il-fluss tal-materjal, il-pożizzjoni tal-makkinarju u l-moviment tal-ħaddiem), livelli ottimali ta’ l-inventarji (kif tifhem il-bżonn li jkollok il-livell ġust ta’ inventarju) jew ergonomika. Dawn il-ħiliet huma trasferibbli għal firxa kbira ta’ attivitajiet, fis-settur tal-manifattura u lil hinn minnu.
(16) Vauxhall għandha l-intenzjoni li tuża s-servizzi ta’ taħriġ ta’ żewġ kumpaniji, Impact Training Consultancy u Dale Carnegie.
(17) Probabbilment l-impjanti GM ta’ Eisenbach (il-Ġermanja) jew Gliwice (il-Polonja) li huma rikonoxxuti bħala siti “ta’ referenza” f’dak li għandu x’jaqsam ma’ lean manufacturing. Dawn is-siti huma ġeneralment rikonoxxuti bħala eżemplari u jżuruhom regolament gruppi minn impriżi jew setturi oħra. Jidher li l-għażla ta’ dawn is-siti tista’ tkun motivata mill-istatut tagħhom “ta’ referenza” ġenerali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prinċipji tal-lean manufacturing u dan ma jfissirx neċessarjament li t-taħriġ se jkun speċifiku għal GM.
ANNESS
List ta’ partijiet interessati li ssottomettew kummenti wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni fil-fond skond l-Artikolu 88.2 tat-Trattat
— |
Northwest Automotive Alliance Ltd |
— |
Andrew Miller MP |
— |
Christine Russel MP |
— |
Cheshire & Warrington Economic Alliance |
— |
Ian Lucas MP |
— |
Il-Kunsill ta’ Wirral |
— |
L-Akkademja ta’ Ħiliet għall-Manifattura Nazzjonali |
— |
Il-Federazzjoni tal-Ħaddiema fil-Metall Ewropej |
— |
Il-Kunsill tal-Muniċipju ta’ Ellesmere Port u Neston |
— |
Lady Winterton MP |
— |
L-Istitut tal-Manifattura |
— |
Ben Chapman MP |
— |
Il-Kunsill tal-kontea ta’ Cyngor Sir y Fflint/Flintshire |
— |
Il-Konfederazzjoni Brittanika ta’ l-Industrija tal-Majjistral |
— |
Brian Simpson MP |
— |
Il-Kunsill tal-Kontea ta’ Cyngor Sir Ddinbych/Denbighshire |