25.3.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 79/37 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tal-20 ta’ Jannar 2009
li tagħti għajnuna reċiproka lil-Latvja
(2009/289/KE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 119,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li saret wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (KEF),
Billi:
(1) |
Fl-isfond tar-riskji finanzjari esterni għolja, is-swieq kapitali u finanzjarji Latvjani kienu riċentement taħt pressjoni, li tirrifletti deterjorament ġenerali fl-atmosfera tas-suq, u tħassib dejjem akbar dwar is-saħħa tal-ekonomija Latvjana minħabba l-iżbilanċi kbar f’termini ta’ defiċit estern wiesa’ u dejn estern kbir ħafna, finanzi pubbliċi dgħajfa u rati għolja ta’ spejjeż u inflazzjoni tal-prezzijiet. Is-settur bankarju Latvjan għadda minn problemi serji ta’ likwidità u fiduċja. Il-livell tar-riservi f’munita barranija naqas hekk kif il-bank ċentrali intervjena biex iżomm il-livell attribwit lill-munita. |
(2) |
Il-Kunsill b’mod regolari jirrivedi l-politika ekonomika implimentata mil-Latvja, b’mod partikolari fil-kuntesti tal-programm ta’ konverġenza tal-Latvja u tal-Programm ta’ Riforma Nazzjonali, kif ukoll fil-kuntest tar-Rapporti ta’ Konverġenza. |
(3) |
Il-finanzjamenti esterni totali li l-Latvja għandha bżonn sal-aħħar tal-ewwel tliet xhur tal-2011 huma stmati li jlaħħqu madwar EUR 7,5 biljun. |
(4) |
L-awtoritajiet Latvjani talbu assistenza finanzjarja sostanzjali mill-UE u minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u pajjiżi oħrajn biex jappoġġaw is-sostenibbiltà tal-bilanċ tal-pagamenti. |
(5) |
Hemm theddida serja lill-bilanċ tal-pagamenti Latvjan li tiġġustifika l-għoti urġenti ta’ għajnuna reċiproka mill-Komunità flimkien mal-FMI u ma’ kontributuri oħra. Addizzjonalment, fid-dawl tal-urġenza tal-każ, huwa imperattiv li tiġi permessa eċċezzjoni għall-perijodu ta’ sitt ġimgħat imsemmi fil-paragrafu I(3) tal-Protokoll dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat fl-Unjoni Ewropea u mat-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej. |
(6) |
Il-pakkett ta’ assistenza finanzjarja jiġi provdut suġġett għal impenn qawwi mill-awtoritajiet Latvjani biex jimplimentaw programm ambizjuż ta’ riforma fiskali, ta’ riforma tas-sistema finanzjarja u ta’ riforma strutturali biex ikunu faċilitati l-aġġustamenti interni u esterni neċessarji, biex tiġi stabilizzata l-ekonomija u biex terġa’ tinbena l-kredibbiltà fil-politika ekonomika. Il-Kummissjoni għandha tivverifika b’mod regolari u mill-qrib, f’kollaborazzjoni mal-EFC, li l-kundizzjonijiet ta’ politika ekonomika marbutin mal-għajnuna huma implimentati bis-sħiħ, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Komunità għandha tagħti għajnuna reċiproka lil-Latvja.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi Brussell, 20 ta’ Jannar 2009.
Għall-Kunsill
Il-President
M. KALOUSEK