11.12.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 325/62 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
tas-7 ta' Diċembru 2009
li tawtorizza lir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq biex japplikaw miżura ta' deroga mill-Artikolu 167 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud
(2009/938/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/112/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,
Billi:
(1) |
Ir-Renju tal-Isvezja (minn hawn il-quddiem “l-Isvezja”) u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq (minn hawn 'il quddiem “Ir-Renju Unit”) ġew awtorizzati, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/133/KE (2), b’deroga mill-Artikolu 167 tad-Diretiva 2006/112/KE, biex jipposponu l-bidu tad-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) sal-mument meta din titħallas lill-fornitur ta' merkanzija jew ta’ servizzi, għall-persuni taxxabbli li japplikaw sistema fakultattiva skont liema, b'mod konformi mal-Artikolu 66(b) tad-Direttiva msemmija, il-VAT fuq il-konsenji tagħhom ta’ merkanzija u l-provvediment tagħhom ta’ servizzi jsiru eżiġibbli meta jkunu rċevew il-ħlas (sistema magħrufa bħala tal-kontabilità skont il-ħlasijiet). Biex jibbenefikaw minn din is-sistema, il-fatturat annwali tagħhom m'għandux ikun iktar minn SEK 3 000 000 għall-Isvezja u GBP 1 350 000 għar-Renju Unit. |
(2) |
L-Isvezja u r-Renju Unit talbu l-awtorizzazzjoni għal estensjoni ta’ din il-miżura partikolari ta' deroga permezz ta’ ittri rreġistrati fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fit-3 ta' Marzu 2009 għall-Isvezja u fil-15 ta’ Jannar 2009 għar-Renju Unit. Ir-Renju Unit talab ukoll sabiex il-limitu ta’ fatturat annwali ta’ din is-sistema jiżdied għal 1 500 000 GBP. |
(3) |
Skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, permezz tal-ittri tad-9 ta' Lulju 2009, il-Kummissjoni ttrasmettiet it-talbiet tal-Isvezja u tar-Renju Unit lill-Istati Membri l-oħra. Permezz tal-ittri tat-13 ta' Lulju 2009, il-Kummissjoni infurmat lill-Isvezja u lir-Renju Unit li hi kellha l-informazzjoni kollha li kienet tqis neċessarja sabiex tikkunsidra t-talba. |
(4) |
Is-sistema tal-kontabilità skont il-ħlasijiet hija sistema simplifikata u fakultattiva maħsuba għall-intrapriżi ż-żgħar li ma jibbenefikawx minn eżenzjoni tat-taxxa. Din tippermetti lil dawn il-persuni taxxabbli sabiex japplikaw regola sempliċi bbażata fuq id-data ta' ħlas tal-ispejjeż ta' xiri tagħhom u tal-operazzjonijiet ta' bejgħ tagħhom, biex jiddeterminaw f'liema punt għandhom jeżerċitaw id-dritt tagħhom biex inaqqsu l-VAT u biex iħalllsu t-taxxa lill-awtoritajiet tat-taxxi interni. Għalhekk, din is-sistema tikkostitwixxi miżura ta’ simplifikazzjoni għal dawn il-persuni taxxabbli, li tista’, barra minn hekk, toħloq vantaġġ għal-likwidità tagħhom. |
(5) |
Il-Kummissjoni ppreżentat, fit-28 ta’ Jannar 2009, proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva 2006/112/KE f’dak li jirrigwarda r-regoli ta’ fatturazzjoni u li tippermetti wkoll lill-Istati Membri li jipposponu l-bidu tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT sal-mument meta jitħallas lill-fornituri ta’ merkanzija jew ta’ servizzi, għall-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex iktar minn limitu li jista' jiġi stabbilit mill-Istati Membri sa EUR 2 000 000 u li jibbenefikaw, konsegwentement, minn sistema fakultattiva li permezz tagħha l-VAT applikabbli fuq it-transazzjonijiet tagħhom issir eżiġibbli biss meta jirċievu l-ħlas. |
(6) |
Il-miżura partikolari derogatorja mitluba ma taffettwax l-ammont tad-dħul tal-VAT miksub mill-Isvezja u mir-Renju Unit fil-mument tal-konsum finali u m’għandha l-ebda effett fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni derivati mill-VAT, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
B’deroga mill-Artikolu 167 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Isvezja u r-Renju Unit huma awtorizzati li jipposponu l-bidu tad-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għall-persuni taxxabbli msemmija fit-tieni paragrafu, sal-mument meta din titħallas lill-fornituri ta' merkanzija jew ta' servizzi.
Il-persuni taxxabbli kkonċernati għandhom ikunu għażlu sistema li permezz tal-applikazzjoni tagħha l-VAT fuq il-konsenji tagħhom ta’ merkanzija u l-għoti tagħhom ta’ servizzi ssir eżiġibbli fil-mument meta jirċievu l-ħlas. Skont din is-sistema, il-fatturat annwali tagħhom m'għandux ikun iktar minn 3 000 000 SEK għall-Isvezja u 1 500 000 GBP għar-Renju Unit.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-jum li fih tibda tapplika direttiva li tawtorizza lill-Istati Membri biex jipposponu l-bidu tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT sal-mument meta din titħallas lill-fornitur ta' merkanzija jew ta' servizzi, għall-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx ċertu limitu u li jibbenefikaw għalhekk minn sistema fakultattiva li permezz tal-applikazzjoni tagħha t-taxxa fuq il-konsenji tagħhom ta' merkanzija u l-għoti tagħhom ta' servizzi ssir eżiġibbli fil-mument meta jirċievu l-ħlas. Fi kwalunkwe każ, din id-Deċiżjoni għandha tkun applikabbli sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2012.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Isvezja u lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2009.
Għall-Kunsill
Il-President
C. MALMSTRÖM
(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2) ĠU L 57, 24.2.2007, p. 12.