16.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 210/8


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Lulju 2011

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2011 tal-Awstrija u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà aġġornat tal-Awstrija, 2011-2014

2011/C 210/03

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 5(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tvara strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn jeħtieġ azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)

Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida wesgħin għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta’ Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (2), li flimkien jagħmlu l-“linji gwida integrati”. L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u okkupazzjonali nazzjonali.

(3)

Fit-12 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni adottat l-ewwel Stħarriġ Annwali tat-Tkabbir, li kien il-bidu ta’ ċiklu ġdid ta’ governanza ekonomika fl-UE u l-ewwel semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni integrata u ex ante ta’ politika, imsejsa fuq l-istrateġija Ewropa 2020.

(4)

Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew endorsja l-prijoritajiet għall-konsolidazzjoni fiskali u r-riforma strutturali (bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar u s-7 ta’ Marzu 2011 u b'żieda mal-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir mill-Kummissjoni). Hu saħaq fuq il-ħtieġa li tingħata prijorità lir-restawr ta’ baġits sodi u s-sostenibilità fiskali, it-tnaqqis tal-qgħad permezz ta’ riformi fis-suq tax-xogħol u li jsiru sforzi ġodda biex jittejjeb it-tkabbir. Talab lill-Istati Membri biex isarrfu dawn il-prijoritajiet f'miżuri konkreti li jiġu inklużi fil-Programmi ta’ Stabbiltà jew ta’ Konverġenza u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.

(5)

Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Istati Membri li qed jieħdu sehem fil-Patt Euro Plus biex jippreżentaw l-impenji tagħhom fil-ħin għall-inklużjoni fil-Programmi ta’ Stabbiltà jew ta’ Konverġenza tagħhom u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom.

(6)

Fis-27 ta’ April 2011, l-Awstrija ressqet l-aġġornament tal-Programm ta’ Stabbiltà 2011 tagħha li jkopri l-perjodu 2011-2014 u fit-2 ta' Mejju 2011, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2011. Sabiex jitqiesu l-konnotazzjonijiet bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(7)

L-ekonomija Awstrijaka daħlet fil-kriżi b'sisien sodi, mingħajr ma kienet sofriet minn xi żbilanċi jew distorsjonijiet kbar fil-perjodu ta' qabilha. Minkejja dan, il-kriżi finanzjarja u ekonomika tefgħet lill-ekonomija Awstrijaka fl-agħar riċessjoni f'deċennji. B'mod ġenerali, il-PDG reali nxtorob b'madwar 4 % fl-2009. B'riżultat tal-kriżi, l-impjiegi naqsu b'madwar 1 % fl-2009, bil-qgħad li tela' għal 4,8 % (minn 3,8 % sena qabel). Il-kriżi waqqfet it-tkabbir kontinwu preċedenti tal-bilanċ pożittiv tal-kont kurrenti. Il-kriżi ekonomika u finanzjarja ħalliet l-effett tagħha fuq il-finanzi pubbliċi. B'riżultat tal-adozzjoni tal-pakketti ta' stimolu u bl-istabbilizzaturi awtomatiċi joperaw bis-sħiħ, id-defiċit ġenerali tal-gvern laħaq l-4,1 % u l-4,6 % tal-PDG fl-2009 u l-2010 rispettivament. Id-dejn pubbliku tela' għal 69,6 % u 72,3 % tal-PDG fl-2009 u l-2010 rispettivament. Peress li l-biċċa l-kbira tal-miżuri ta' stimolu kienu ta' natura permanenti, kien hemm bżonn konsolidazzjoni fiskali hekk kif il-kundizzjonijiet ekonomiċi bdew jitjiebu. Pakkett ta' konsolidazzjoni, li jammonta għal anqas minn 1 % tal-PDG, ġie adottat fil-liġi tal-baġit għall-2011. Mit-tielet kwart tal-2009, l-ekonomija qed tirkupra b'pass sod mill-kriżi permezz ta' titjib tad-domanda minn barra u b'mod partikolari minħabba attività ekonomika aktar f'saħħitha fil-Ġermanja. B'mod ġenerali, it-tkabbir reali tal-PDG laħaq it-2 % fl-2010.

(8)

Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta’ Stabbiltà aġġornat skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill hu tal-opinjoni li x-xenarju makroekonomiku li jirfed il-previżjonijiet baġitarji huwa plawżibbli, u favorevoli żżejjed lejn it-tmiem tal-perjodu tal-Programm ta' Stabbiltà. L-għan ewlieni tal-istrateġija baġitarja fi żmien medju, ippreżentata fl-aħħar aġġornament tal-Programm ta' Stabbiltà, hu li gradwalment tnaqqas id-defiċit ġenerali tal-gvern minn 4,6 % tal-PDG fl-2010 għal 2,4 % tal-PDG fl-2014, l-aktar permezz ta' trażżin tan-nefqa. Hemm xi riskji ġeneralment negattivi għal dawn il-miri relatati mal-fatt li l-miżuri użati biex jirfdu t-triq ta' konsolidazzjoni fil-livell subnazzjonali mhumiex speċifikati u l-fatt li xi tfaddil minn uħud mill-miżuri adottati fil-livell federali mhux se jseħħ, pereżempju l-introjtu mill-kampanja ta' kontra l-frodi tat-taxxa li l-impatt previst tagħha jidher li hu spekulattiv bil-kbir. Min-naħa l-oħra, fattur pożittiv ta' riskju hu l-qafas multiannwali tan-nefqa introdott għall-gvern federali fl-2009, li jidher li kkontribwixxa biex tissaħħaħ il-prevedibbiltà tal-proċess baġitarju fuq terminu medju, għalkemm fil-livell federali biss. Il-Programm ta' Stabbiltàjistipula li l-proporzjon tad-dejn mal-PDG se jikber minn 72,3 % fl-2010 għal 75,5 % fl-2013 qabel ma jinżel għal 75,1 % fl-2014. Madankollu, jeżistu xi riskji mehmuża ma' din il-projjezzjoni, li huma relatati mad-dejn li qed jikber ta' kumpaniji tal-istat ikklassifikati barra s-settur governattiv u l-piż ulterjuri potenzjali li tirriżulta minn miżuri ta' appoġġ lis-settur bankarju. Fl-istess waqt, madankollu, il-proporzjon tad-dejn jista' jirriżulta li jkun aktar baxx minħabba li hu probabbli li l-banek, li rċevew appoġġ pubbliku waqt il-kriżi, se jħallsuh lura qabel iż-żmien stipulat fil-Programm ta' Stabbiltà.

(9)

Skont il-Programm ta' Stabbiltà, id-defiċit ġenerali tal-gvern hu mistenni li jinżel taħt il-valur ta' referenza ta' 3 % fl-2013, li hu konformi mal-iskadenza stabbilita mill-Kunsill. Madankollu, l-isforz medju fiskali annwali ta' 0,2 % tal-PDG previst mill-Programm ta' Stabbiltà għall-perjodu 2011-2013 hu taħt sew iż-0,75 % tal-isforz tal-PDG li l-Kunsill stieden lill-Awstrija biex tipprovdi. Skont il-valutazzjoni l-aktar riċenti tal-Kummissjoni, ir-riskji fir-rigward tas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi publiċi jidhru medji.

(10)

Filwaqt li l-Awstrija għandha Patt Nazzjonali ta' Stabbiltà żviluppat u fis-seħħ, riforma ulterjuri tar-relazzjonijiet fiskali bejn il-livelli varji tal-gvern tista' ġġib tfaddil sostanzjali, tappoġġja l-konsolidazzjoni fiskali u tillibera riżorsi għall-investiment li jsaħħaħ it-tkabbir f'oqsma bħar-R&Ż u l-edukazzjoni. Hu ġeneralment rikonoxxut li r-relazzjonijiet preżenti huma kumplessi: mhux biss id-dħul mill-aktar taxxi individwali huwa mqassam qalb il-livelli territorjali differenti bi proporzjonijiet fissi, iżda wkoll it-teħid tad-deċiżjonijiet f'ħafna oqsma huwa maqsum f'bosta livelli ta' awtorità. Għal numru ta' attivitajiet, ir-responsabbiltajiet tal-ġbir tad-dħul u r-responsabbiltajiet tal-infiq huma fdati f'livelli differenti tal-gvern. Eżempji notevoli ta' ineffiċjenzi li joħorġu mill-forma kurrenti ta' dawn ir-relazzjonijiet fiskali jinsabu fis-setturi tal-kura tas-saħħa u dak tal-edukazzjoni.

(11)

Il-feles medju tat-taxxa fl-Awstrija hu fost l-ogħla fl-UE. Meta mqabbel ma' pajjiżi oħra tal-UE, il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-impjegati huma għoljin ħafna. It-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni tal-qgħad ta' dawk li jaqilgħu paga baxxa fl-2008 u r-riforma tat-taxxa tad-dħul fl-2009 għenet biex jitnaqqas il-piż tat-taxxa, imma ma setgħetx twaqqaf il-feles tat-taxxa milli jżdied ħarira kemm għal dawk li jaqilgħu paga baxxa kif ukoll paga medja meta mqabbel mal-bidu tal-aħħar deċennju. Dal-feles għandu impatt negattiv fuq il-qgħad, b'mod partikolari għall-ħaddiema li jitħallsu ftit u dawk li għandhom snajja' limitati.

(12)

Ir-rata tal-impjieg tal-ħaddiema ta' età avvanzata fl-Awstrija għadha 'l isfel sew mill-medja tal-UE minkejja żieda qawwija fl-aħħar deċennju. L-użu tal-iskemi ta' irtirar kmieni u l-pensjonijiet tad-diżabilità għadu mifrux ħafna. Kollox ma' kollox 72 % tal-pensjonijiet kollha ġodda fl-2010 ingħataw qabel ma ntlaħqet l-età statutorja tal-irtirar. Fattur ieħor li jikkontribwixxi għar-rata baxxa tal-impjiegi ta' ħaddiema ta' età avvanzata hi l-età statutorja tal-irtirar għan-nisa li għadha relattivament baxxa (60). Fid-dawl tal-iżviluppi demografiċi fl-Awstrija, iż-żieda tal-età tal-irtirar effettiva, u t-titjib fil-qafas li jippermetti lill-ħaddiema ta' età aktar avvanzata biex jibqgħu fis-suq tax-xogħol aktar fit-tul, huma importanti kemm fil-kuntest tal-iżgurar tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u kemm biex tingħata spinta lill-provvista tal-ħaddiema, li hu previst li se tibda tonqos mill-2020 'il quddiem.

(13)

Ir-rata ta' nisa jaħdmu fl-Awstrija hi relattivament għolja, assoċjata ma' waħda mill-ogħla rati ta' xogħol part-time. L-impjiegi tan-nisa huma kkonċentrati fl-impjieg b'paga baxxa. Dawn il-mudelli jirriżultaw f'differenza fejn tidħol paga skont is-sess ta' 25,4 % li hi it-tieni l-ogħla fl-UE u waħda mill-fatturi li twassal għal riskju relattivament għoli ta' faqar fost in-nisa. Raġuni għax-xogħol part-time tan-nisa hi d-distribuzzjoni inekwa bejn l-irġiel u n-nisa tal-obbligi tal-kura tat-tfal u l-anzjani u n-nuqqas ta' servizzi ta' kura tat-tfal u kura fit-tul.

(14)

Is-sistema edukattiva hi kkaratterizzata minn “rintraċċar bikri”, fejn l-istudenti jridu jiddeċiedu mill-età ta' 10 snin dwar il-mogħdija futura tal-edukazzjoni tagħhom b'permeabilità limitata bejn il-mogħdijiet, u predominanza ta' skola bin-nofs ta' nhari. Dan jista' jwassal għal riżultati edukattivi subottimali għaż-żgħażagħ vulnerabbli, b'mod partikolari dawk ġejjin minn kuntest migratorju. L-għażliet bikrija jiddeterminaw biċċa sew mill-mogħdijiet futuri tal-edukazzjoni, u allura jkun aktar diffiċli li wieħed ikompli f'livelli għola ta' edukazzjoni aktar tard. Skola komuni għal dawk kollha bejn l-10 u l-14-il sena tgħin biex tiżdied l-ugwaljanza tal-opportunitajiet fis-sistema edukattiva u tgħin biex tiġi ttrattata l-problema tar-rati ta' dawk li jitilqu kmieni mill-iskola.

(15)

Il-kompetizzjoni fis-settur tas-servizzi, b'mod partikolari s-servizzi ta' netwerks bħat-telekomunikazzjoni, it-trasport, l-utilitajiet, kif ukoll il-kummerċ bl-imnut u s-servizzi professjonali, mhijiex żviluppata biżżejjed. It-tkabbir tal-produttività kien letarġiku u l-istruttura tas-suq ma ndukratx il-kapaċità tal-akkwist u d-domanda tal-konsumatur. Il-promozzjoni tal-kompetizzjoni permezz tal-iffaċilitar tad-dħul fis-suq, it-tnaqqis tar-regolamentazzjoni statutorja tal-professjonijiet u l-iżgurar ta' prezzijiet kompetittivi jwessgħu l-għażla għall-konsumatur bi prezzijiet li jiflaħ għalhom. L-Awstrija akkumulat dewmien twil fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi; jekk tindirizza dan tkun qed tgħin biex tiftaħ it-triq għat-tkabbir. B'mod partikolari l-“liġi orizzontali”, liġi federali li timplimenta l-prinċipji ewlenin tad-Direttiva, għadha pendenti.

(16)

L-Awstrija daħlet għal għadd ta’ impenji fil-Patt Euro Plus. L-impenji jirreferu għal tlieta mill-erba' oqsma tal-Patt. Mil-lat fiskali, il-miżuri jindirizzaw il-ħtieġa li l-età tal-irtirar effettiva tiżdied kif ukoll ikun aktar effettiv il-kontroll tan-nefqa pubblika fil-livelli differenti tal-gvern. Għall-impjiegi, l-enfasi hi fuq il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, fuq il-kompetittività, fuq aktar investiment fir-riċerka u l-edukazzjoni teknika, kif ukoll fuq l-iżvilupp ta' mudelli għal skejjel ta' gurnata sħiħa. L-inizjattivi ppreżentati fil-Patt huma konformi mal-Programm Nazzjonali ta' Riforma u huma konformi mal-Liġi Federali tal-Qafas Baġitarju u l-Programm ta' Stabbiltà. Madankollu, filwaqt li dawn il-miżuri jindirizzaw uħud mill-isfidi soċjoekonomiċi ewlenin li qed jiffaċċja l-pajjiż, hemm sfidi pendenti li jistgħu jiġu koperti b'mod utli fl-impenji, inklużi fl-oqsma tal-politika fiskali, l-edukazzjoni, il-kompetizzjoni u l-innovazzjoni. Dawn l-impenji tal-Patt Euro Plus ġew ivvalutati u kkunsidrati fir-rakkomandazzjonijiet.

(17)

Il-Kummissjoni vvalutat il-Programm ta' Stabbiltà u l-Programm Nazzjonali tar-Riforma, u l-impenji tal-Patt Euro Plus għall-Awstrija. Mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika sostenibbli fiskali u soċjoekonomika fl-Awstrija imma wkoll dwar kemm josservaw ir-regoli u l-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa tat-tisħiħ tal-governanza ekonomika ġenerali tal-UE billi jiġi pprovdut kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Tikkunsidra li, minħabba l-kundizzjonijiet ekonomiċi favorevoli, l-isforz lejn konsolidazzjoni fiskali għandu jissaħħaħ, b'mod partikolari fl-2012, u r-relazzjonijiet fiskali bejn id-diversi livelli tal-gvern għandhom jiġu rriformati aktar. It-tnaqqis tal-feles tat-taxxa, it-titjib tar-riżultati fl-edukazzjoni, u l-ġlieda kontra s-segmentazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa, għandhom ikunu ta' benefiċċju għad-dinamiżmu tas-suq tax-xogħol, filwaqt li bit-tisħiħ tal-kompetizzjoni u l-indukrar tal-innovazzjoni tiżdied il-kompetittività.

(18)

Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni u filwaqt li qies ukoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tat-2 ta’ ta' Diċembru 2009, il-Kunsill eżamina l-aġġornament tal-2011 tal-Programm ta’ Stabbiltà tal-Awstrija u l-opinjoni tiegħu (3) hi riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet (1) u (2) ta' hawn taħt.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Awstrija għandha tieħu azzjoni fil-perjodu 2011-2012 biex:

1.

Tħaffef il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, li hija ppjanata prinċipalment fuq in-naħa tan-nefqa, u b'hekk twassal il-proporzjon għoli ta' dejn pubbliku fi triq 'l isfel, filwaqt li tieħu vantaġġ mill-irkupru ekonomiku li għaddej sabiex tiżgura sforz fiskali medju annwali ta' 0,75 % tal-PDG fl-2012 u l-2013 f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill taħt il-PDE. B'dan il-ħsieb, tadotta u timplimenta l-miżuri meħtieġa, inkluż fil-livell subnazzjonali. Tispeċifika miżuri kif meħtieġ biex tiżgura progress adegwat lejn l-objettiv fuq perjodu medju f'konformità mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST) wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv.

2.

Tieħu passi biex issaħħaħ ulterjorment il-qafas baġitarju nazzjonali billi tallinea r-responsabbiltajiet leġiżlattivi, amministrattivi, dawk ta' ġbir tad-dħul u dawk tan-nefqa fil-livelli kollha tal-gvern, b'mod partikolari fil-qasam tal-kura tas-saħħa.

3.

B'konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali u skont il-prattiki nazzjonali, tieħu passi biex tillimita aktar l-aċċess għall-iskema preżenti ta' irtirar kmieni għal persuni li għandhom perjodi twal ta' assikurazzjoni u tieħu passi biex tnaqqas il-perjodu ta' tranżizzjoni għall-armonizzazzjoni tal-età statutorja tal-irtirar bejn l-irġiel u n-nisa biex tiżgura is-sostenibbiltà u l-adegwatezza tas-sistema tal-pensjonijiet. Tapplika strettament il-kundizzjonijiet tal-aċċess għall-iskema tal-pensjoni tal-invalidità.

4.

Tieħu miżuri biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, inkluż dan li ġej: tnaqqas, b'mod newtrali fuq il-baġit, il-piż effettiv tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali, speċjalment għal dawk li jaqligħu paga medja jew baxxa; timplimenta l-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali dwar it-trattament indaqs tan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol, inkluż titjib tad-disponibbiltà tas-servizzi tal-kura u tal-postijiet ta' skola għal ġurnata sħiħa biex jiżdiedu l-alternattivi għan-nisa biex jaħdmu full-time u b'pagi ogħla; tieħu passi biex ittejjeb ir-riżultati edukattivi u tipprevjeni t-tluq kmieni mill-iskola.

5.

Tieħu passi ulterjuri biex tinkoraġġixxi l-kompetizzjoni, b'mod partikolari fis-setturi tas-servizzi, billi tnaqqas l-ostakli għad-dħul, tnaqqas ir-restrizzjonijiet mhux ġustifikat fuq xi professjonijiet u ssaħħaħ il-poteri tal-awtorità tal-kompetizzjoni. Tħaffef l-adozzjoni tal-“liġi orizzontali” pendenti li timplimenta d-Direttiva dwar is-Servizzi.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

J. VINCENT-ROSTOWSKI


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Miżmuma għall-2011 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/308/UE tad-19 ta' Mejju 2011 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 138, 26.5.2011, p. 56).

(3)  Previst fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


  翻译: