4.6.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 150/26 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tas-27 ta’ Mejju 2013
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Ministri AKP u tal-UE dwar l-istatus tar-Repubblika Federali tas-Somalja fir-rigward tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra
(2013/258/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar miżuri li għandhom jittieħdu u proċeduri li għandhom ikunu segwiti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Partenarjat AKP-KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 94 tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (2), kif emendat fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 (3) u emendat f’Ouagadougou fit-22 ta’ Ġunju 2010 (4) (“il-Ftehim AKP-UE”) jistipula li kull talba għall-adeżjoni ta’ Stat għandha tiġi ppreżentata lill-Kunsill tal-Ministri AKP-KE u approvata minnu. |
(2) |
Fil-25 ta’ Frar 2013, ir-Repubblika Federali tas-Somalja ppreżentat talba ta’ adeżjoni skont l-Artikolu 94 tal-Ftehim AKP-UE. |
(3 |
L-approvazzjoni tal-adeżjoni tar-Repubblika Federali tas-Somalja mill-Kunsill tal-Ministri AKP-l-UE għandha tkun appoġġjata mill-Unjoni. |
(4) |
Ir-Repubblika Federali tas-Somalja għandha tiddepożita l-Att ta’ Adeżjoni tagħha fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u s-Segretarjat tal-Istati AKP, bħala d-Depożitarji tal-Ftehim AKP-UE. |
(5) |
Għalhekk, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tkun adottata f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Ministri AKP-UE, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Ministri AKP-UE dwar it-talba tar-Repubblika Federali tas-Somalja għall-istatus ta’ osservatur fir-rigward ta’, u l-adeżjoni sussegwenti mal-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-Membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000, kif emendat fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005, u emendat f’Ouagadougou fit-22 ta’ Ġunju 2010, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri AKP-UE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Jista’ jintlaħaq qbil dwar bidliet formali u minuri għall-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri AKP-UE anness mingħajr il-ħtieġa li tiġi emendata din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Mejju 2013.
Għall-Kunsill
Il-President
C. ASHTON
(1) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 376.
(2) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3. Ftehim kif rettifikat minn ĠU L 385, 29.12.2004, p. 88.
(3) ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27.
(4) ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3.
ABBOZZ
DEĊIŻJONI Nru …/… TAL-KUNSILL TAL-MINISTRI TAL-ISTATI TAL-AKP U L-UE
ta’ …
dwar it-talba magħmula mir-Repubblika Federali tas-Somalja għall-istatus ta’ osservatur fir-rigward ta’, u l-adeżjoni sussegwenti għall-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra
IL-KUNSILL TAL-MINISTRI TA’ BEJN L-ISTATI TAL-AKP U L-UE,
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (1), kif emendat fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 (2) u kif emendat f’Ouagadougou fit-22 ta’ Ġunju 2010 (3) (“il-Ftehim AKP-UE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1/2005 tat-8 ta’ Marzu 2005 tal-Kunsill tal-Ministri tal-Istati tal-AKP u l-UE dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill tal-Ministri tal-AKP u l-UE (4) u, b’mod partikolari, l-Artikolu 8(2) tagħha,
Billi
(1) |
Il-Ftehim ta’ Cotonou daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2008 skont l-Artikolu 93(3) tiegħu. Ġie emendat għall-ewwel darba fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005, u għat-tieni darba f’Ouagadougou fil-22 ta’ Ġunju 2010. It-tieni reviżjoni ilha tiġi applikata b’mod provviżorju sa mill-31 ta’ Ottubru 2010 (5). |
(2) |
L-Artikolu 94 tal-Ftehim AKP-UE jistipula li kwalunkwe talba li ssir minn Stat biex jissieħeb għandha tiġi ppreżentata lill-Kunsill tal-Ministri tal-AKP u l-UE, biex dan japprovaha. |
(3) |
Fil-25 ta’ Frar 2013, ir-Repubblika Federali tas-Somalja ppreżentat talba għall-istatus ta’ osservatur u l-adeżjoni sussegwenti skont l-Artikolu 94 tal-Ftehim AKP-UE. |
(4) |
Ir-Repubblika Federali tas-Somalja għandha tiddepożita l-Att ta’ Adeżjoni għand id-Depożitarji tal-Ftehim AKP-UE, jiġifieri s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u s-Segretarjat tal-Istati tal-AKP. |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Approvazzjoni tat-talbiet għas-sħubija u għall-istatus ta’ osservatur
It-talba magħmula mir-Repubblika Federali tas-Somalja biex tissieħeb fil-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000, kif emendat fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 u kif emendat f’Ouagadougou fit-22 ta’ Ġunju 2010, hija b’dan approvata.
Ir-Repubblika Federali tas-Somalja tiddepożita l-Att ta’ Adeżjoni għand id-Depożitarji tal-Ftehim AKP-UE, jiġifieri s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u s-Segretarjat tal-Istati tal-AKP.
Sad-data tal-adeżjoni tagħha, ir-Repubblika Federali tas-Somalja tista’ tattendi s-sessjonijiet tal-Kunsill bħala osservatur.
Artikolu 2
Id-dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi,
Għall-Kunsill tal-Ministri AKP-UE
Il-President
(1) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.
(2) Ftehim li jemenda l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27).
(3) Ftehim li jemenda għat-tieni darba l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000, kif emendat għall-ewwel darba fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 (ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3).
(5) Deċiżjoni Nru 2/2010 tal-Kunsill tal-Ministri AKP-UE tal-21 ta’ Ġunju 2010, ĠU L 287, 4.11.2010, p. 68.