24.5.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 138/5 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 476/2013
tat-23 ta’ Mejju 2013
li jiffissal-limitu kwantitattiv għall-esportazzjonijiet taz-zokkor u l-isoglukożju barra mill-kwota sa tmiem is-sena tas-suq 2013/2014
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari il-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,
Billi:
(1) |
Skont il-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, iz-zokkor jew l-isoglukożju li l-produzzjoni tiegħu taqbeż il-kwota msemmija fl-Artikolu 56 ta’ dak ir-Regolament jista’ jiġi esportat biss fil-limitu kwantitattiv li għandu jiġi ffissat. |
(2) |
Ir-regoli ddettaljati tal-implimentazzjoni għall-esportazzjonijiet barra mill-kwota, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħruġ ta’ liċenzji tal-esportazzjoni, huma stipulati permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 951/2006 (2). Madankollu, għal kull sena tas-suq, il-limitu kwantitattiv għandu jkun iffissat abbażi tal-opportunitajiet possibbli fis-swieq tal-esportazzjoni. |
(3) |
Għal ċerti produtturi taz-zokkor u l-isoglukożju fl-Unjoni, l-esportazzjonijiet mill-Unjoni jirrappreżentaw parti importanti mill-attivitajiet ekonomiċi tagħhom, u dawn stabbilixxew swieq tradizzjonali barra mill-Unjoni. L-esportazzjonijiet taz-zokkor u tal-isoglukożju lejn dawk is-swieq jistgħu jkunu ekonomikament vijabbli anke mingħajr l-għoti ta’ rifużjonijiet tal-esportazzjoni. Għal dan il-għan jeħtieġ li jiġi ffissat limitu kwantitattiv għall-esportazzjonijiet taz-zokkor u tal-isoglukożju barra mill-kwota sabiex il-produtturi kkonċernati tal-UE jkunu jistgħu jkomplu jfornu lis-swieq tradizzjonali tagħhom. |
(4) |
Għas-sena tas-suq 2013/2014, huwa stmat li l-iffissar tal-limitu kwantitattiv inizjalment għal 650 000 tunnellata, f’ekwivalenti ta’ zokkor abjad, għall-esportazzjonijiet taz-zokkor barra mill-kwota, u għal 70 000 tunnellata, f’materja niexfa, għall-isoglukożju barra mill-kwota, ikun jikkorrispondi mad-domanda tas-suq. |
(5) |
L-esportazzjonijiet taz-zokkor mill-Unjoni lejn ċerti destinazzjonijiet fil-qrib u lejn pajjiżi terzi li jagħtu trattament preferenzjali tal-importazzjoni lill-prodotti tal-Unjoni, attwalment jinsabu f’pożizzjoni kompetittiva partikolarment favorevoli. Fid-dawl tan-nuqqas ta’ strumenti xierqa ta’ assistenza reċiproka fil-ġlieda kontra l-irregolaritajiet u sabiex jiġi minimizzat ir-riskju tal-frodi u biex jiġi evitat kwalunkwe abbuż assoċjat mal-importazzjoni mill-ġdid jew mad-dħul mill-ġdid fl-Unjoni ta’ zokkor barra mill-kwota, ċerti destinazzjonijiet fil-qrib għandhom jiġu eskluzi mid-destinazzjonijiet eliġibbli. |
(6) |
Fid-dawl tal-istima ta’ anqas riskji ta’ frodi eventwali fir-rigward tal-isoglukożju minħabba n-natura tal-prodott, mhuwiex meħtieġ li jkunu ristretti d-destinazzjonijiet eliġibbli għall-esportazzjoni tal-isokglukożju barra mill-kwota. |
(7) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-iffissar tal-limitu kwantitattiv għall-esportazzjonijiet taz-zokkor barra mill-kwota
1. Għas-sena tas-suq 2013/2014, il-limitu kwantitattiv imsemmi fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandu jkun 650 000 tunnellata għall-esportazzjonijiet mingħajr rifużjoni ta’ zokkor abjad barra mill-kwota li jaqa’ fil-klassifika tal-kodici NM 1701 99.
2. L-esportazzjonijiet fil-limitu kwantitattiv iffissat fil-paragrafu 1 għandhom ikunu permessi għad-destinazzjonijiet kollha, minbarra:
(a) |
il-pajjiżi terzi: Andorra, il-Liechtenstein, is-Santa Sede (l-Istat tal-Belt tal-Vatikan), San Marino, il-Bosnja u Ħerzegovina, is-Serbja (3), il-Montenegro, l-Albanija u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja; |
(b) |
it-territorji tal-Istati Membri li ma jiffurmawx parti mit-territorju doganali tal-Unjoni: il-Gżejjer Faeroe, il-Groenlandja, Heligoland, Ceuta, Melilla, il-komuni ta’ Livigno u Campione d’Italia, u ż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru fejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv; |
(c) |
it-territorji Ewropej li għandhom Stat Membru responsabbli mir-relazzjonijiet esterni tagħhom, li ma jiffurmawx parti mit-territorju doganali tal-Unjoni: Ġibiltà. |
Artikolu 2
L-iffissar tal-limitu kwantitattiv għall-esportazzjonijiet tal-isoglukożju barra mill-kwota
1. Għas-sena tas-suq 2013/2014, il-limitu kwantitattiv imsemmi fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandu jkun 70 000 tunnellata ta’ materja niexfa, għall-esportazzjonijiet mingħajr rifużjoni ta’ isoglukożju barra mill-kwota fil-klassifiki tal-kodiċijiet tan-NM 1702 40 10, 1702 60 10 u 1702 90 30.
2. L-esportazzjonijiet tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu permessi biss meta jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 951/2006.
Artikolu 3
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Ottubru 2013.
Għandu jiskadi fit-30 ta’ Settembru 2014.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Mejju 2013.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.
(2) ĠU L 178, 1.7.2006, p. 24.
(3) Kif ukoll il-Kosovo, skont ir-Riżoluzzjoni Nru 1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta’ Ġunju 1999.