20.1.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 15/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tat-23 ta’ Settembru 2013
dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-Programmi Ewropej tan-Navigazzjoni bis-Satellita
(2014/20/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 172, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Bid-Deċiżjoni tad-29 ta' Ġunju 2010, il-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, awtorizzaw lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Isvizzera għall-istabbiliment ta' Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar in-Navigazzjoni bis-Satellita ("il-Ftehim"). |
(2) |
Il-Ftehim ġie nnegozjat mill-Kummissjoni f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. |
(3) |
Il-Ftehim ta' kooperazzjoni jippermetti l-parteċipazzjoni tal-Isvizzera fil-programmi Ewropej tan-navigazzjoni bis-satellita. Min-naħa tagħha, l-Isvizzera ser tikkontribwixxi finanzjarjament ta' dawk il-programmi. |
(4) |
In-negozjati ġew konklużi b'suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim fis-6 ta' Marzu 2013 mill-Kummissjoni u fit-12 ta' Marzu 2013 mill-Konfederazzjoni Svizzera. |
(5) |
Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard. |
(6) |
Bil-ħsieb li tiġi żgurata l-implimentazzjoni immedjata u l-parteċipazzjoni xierqa tal-Isvizzera fil-programmi Ewropej tan-navigazzjoni bis-satellita, l-elementi li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni għandhom jiġu applikati b'mod proviżorju skont l-Artikolu 27(2) tal-Ftehim. |
(7) |
Skont l-Artikolu 27(1), il-Ftehim għandu jiġi approvat mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha skont il-proċeduri interni tagħhom. |
(8) |
Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt għandha tiġi adottata mill-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, sa fejn il-Kumitat ikun imsejjaħ jadotta atti li għandhom effetti legali jew deċiżjonijiet li jissospendu l-applikazzjoni tal-Ftehim. |
(9) |
Barra minn hekk, għal kwistjonijiet li għandhom jiġu ttrattati mill-Kumitat Konġunt li m'għandhomx effetti legali, il-Kummissjoni għandha tikkoordina l-pożizzjoni tal-Unjoni mal-Istati Membri. |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-Programmi Ewropej tan-Navigazzjoni bis-Satellita hija b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim inkwistjoni.
It-test tal-Ftehim jinsab mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina l-persuna/i bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.
Artikolu 3
Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja, skont l-Artikolu 27(2) tiegħu, sakemm jiġu kkompletati l-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu (1).
Artikolu 4
Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 27(2) tal-Ftehim.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Settembru 2013.
Għall-Kunsill
Il-President
V. JUKNA
(1) Id-data minn meta l-Ftehim ser jiġi applikat proviżorjament ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.