27.6.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 189/50 |
REGOLAMENT (UE) Nru 654/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-15 ta' Mejju 2014
dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni għall-applikazzjoni u l-infurzar ta’ regoli kummerċjali internazzjonali u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam ta' politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b'mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),
Billi:
(1) |
L-Unjoni kkonkludiet għadd ta' ftehimiet multilaterali, reġjonali u bilaterali kummerċjali internazzjonali li joħolqu d-drittijiet u l-obbligi għall-benefiċċju reċiproku tal-partijiet. |
(2) |
Huwa essenzjali li l-Unjoni jkollha strumenti xierqa li jiżguraw l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tal-Unjoni skont ftehimiet kummerċjali internazzjonali biex jissalvagwardjaw l-interessi ekonomiċi tagħha. Dan huwa partikolarment il-każ f'sitwazzjonijiet fejn pajjiżi terzi jdaħħlu fis-seħħ miżuri restrittivi kummerċjali li jnaqqsu l-benefiċċji dovuti lill-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni skont ftehimiet kummerċjali internazzjonali. L-Unjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tirreaġixxi malajr u b’mod flessibbli fil-kuntest tal-proċeduri u l-iskadenzi stabbiliti minn ftehimiet kummerċjali internazzjonali li hija kkonkludiet. Għalhekk hemm il-ħtieġa għal regoli li jiddefinixxu l-qafas għall-eżerċitar tad-drittijiet tal-Unjoni f'ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi. |
(3) |
Il-mekkaniżmi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim li twaqqfu bil-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u u ftehimiet kummerċjali internazzjonali oħrajn, inklużi ftehimiet reġjonali jew bilaterali, għandhom l-għan li jsibu soluzzjoni pożittiva għal kwalunkwe tilwima li tinqala' bejn l-Unjoni u l-parti jew il-partijiet l-oħra għal dawk il-ftehimiet. L-Unjoni għandha, madankollu, tkun tista' tissospendi konċessjonijiet jew obbligi oħra, skont dawk il-mekkaniżmi ta’ riżoluzzjonitat-tilwim, meta mezzi oħra biex tinstab soluzzjoni pożittiva għal tilwima ma jkunu ta' ebda suċċess. L-azzjoni mill-Unjoni f'dawn il-każijiet għandha sservi l-għan li twassal lill-pajjiż terz ikkonċernat biex jikkonforma mar-regoli kummerċjali internazzjonali rilevanti biex terġa' tinħoloq sitwazzjoni ta’ benefiċċji reċiproċi. |
(4) |
Skont il-Ftehim tad-WTO dwar is-Salvagwardji, membru tad-WTO li jipproponi li japplika miżura ta' salvagwardja jew li jfittex estensjoni ta' miżura ta' salvagwardja għandu jagħmel ħiltu biex iżomm livell sostanzjalment ekwivalenti tal-konċessjonijiet u ta' obbligi oħra bejnu u l-Membri esportaturi, li jistgħu jkunu affettwati minn tali miżura. Regoli simili huma stipulati fi ftehimiet kummerċjali internazzjonali oħrajn konklużi mill-Unjoni, inklużi ftehimiet reġjonali jew bilaterali. L-Unjoni għandha tieħu miżuri ta' bbilanċjar mill-ġdid billi tissospendi konċessjonijiet jew obbligi oħra f'każijiet fejn il-pajjiż terz ikkonċernat ma jimplimenta l-ebda aġġustamenti adegwati u proporzjonati. L-azzjoni mill-Unjoni f'dawn il-każijiet għandha sservi l-għan li twassal għall-introduzzjoni ta' miżuri li jsaħħu l-kummerċ minn pajjiżi terzi biex terġa' tinħoloq sitwazzjoni ta’ benefiċċji reċiproċi. |
(5) |
L-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (GATT 1994) u l-Ftehim relatat jirregolaw il-modifika jew l-irtirar tal-konċessjonijiet stabbiliti fl-iskedi tat-tariffi tal-Membri tad-WTO. Il-Membri tad-WTO affettwati bi kwalunkwe modifika bħal din huma intitolati, skont ċerti kondizzjonijiet, li jirtiraw il-konċessjonijiet sostanzjalment ekwivalenti. L-Unjoni għandha tadotta miżuri ta' bilanċjar mill-ġdid f'każijiet bħal dawn, sakemm ma jiġux miftiehma aġġustamenti ta’ kumpens. L-azzjoni mill-Unjoni għandu jkollha l-għan li twassal lill-pajjiżi terzi biex jimplimentaw miżuri li jsaħħu l-kummerċ. |
(6) |
L-Unjoni għandu jkollha l-possibbiltà li tinforza d-drittijiet tagħha fil-qasam tal-akkwist pubbliku meta sieħeb kummerċjali jonqos milli jirrispetta l-impenji tiegħu skont il-Ftehim tad-WTO dwar l-Akkwisti Pubbliċi (GPA) jew ftehimiet kummerċjali internazzjonali oħra. Il-GPA jiddikjara li kwalunkwe tilwima li toħroġ mill-ambitu tagħha ma għandhiex tirriżulta fis-sospensjoni ta' konċessjonijiet jew obbligi oħra skont kwalunkwe ftehim kopert ieħor tad-WTO. L-azzjoni tal-Unjoni għandu jkollha l-għan li tiżgura li jinżamm livell sostanzjalment ekwivalenti ta' konċessjonijiet, kif stipulat fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali rilevanti. |
(7) |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-applikazzjoni fit-territorji rispettivi tagħhom ta' miżuri ta' politika kummerċjali fil-qasam tal-akkwist pubbliku bl-aktar mod adattat għall-istrutturi u l-prattiki amministrattivi tagħhom, filwaqt li tiġi rispettata l-liġi tal-Unjoni. |
(8) |
Il-miżuri ta' politika kummerċjali adottati skont dan ir-Regolament għandhom jintgħażlu u jiġu mfassla abbażi ta' kriterji oġġettivi inkluż l-effettività tal-miżuri li jwasslu għall-konformità ta' pajjiżi terzi ma' regoli kummerċjali internazzjonali, il-potenzjal tagħhom li jipprovdu għajnuna lil operaturi ekonomiċi fl-Unjoni affettwati minn miżuri ta' pajjiż terz, u l-objettiv li jiġu minimizzati l-impatti ekonomiċi negattivi fuq l-Unjoni, inkluż fir-rigward ta' materja prima essenzjali. |
(9) |
Dan ir-Regolament għandu jiffoka fuq dawk il-miżuri li fir-rigward tagħhom l-Unjoni għandha l-esperjenza fit-tfassil u l-applikazzjoni. Il-possibbiltà li jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni tiegħu sabiex tiġi prevista l-adozzjoni ta' miżuri fis-settur tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u miżuri addizzjonali li jikkonċernaw is-servizzi għandha tiġi vvalutata bħala parti mir-rieżami dwar il-funzjonament ta' dan ir-Regolament, b'kont dovut għall-ispeċifiċitajiet ta' kull qasam. |
(10) |
Meta jiġu infurzati d-drittijiet tal-Unjoni, l-oriġini ta' prodott għandha tiġi ddeterminata skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (2). Meta jiġu infurzati d-drittijiet tal-Unjoni wara riżoluzzjoni ta' tilwima fil-qasam tal-akkwist pubbliku, l-oriġini ta' servizz għandha tiġi ddeterminata abbażi tal-oriġini tal-persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdih. L-awtoritajiet jew entitajiet kontraenti għandhom japplikaw prekawzjonijiet normali u jeżerċitaw diliġenza dovuta meta jivvalutaw l-informazzjoni u l-garanziji pprovduti minn offerenti fir-rigward tal-oriġini ta' oġġetti u servizzi |
(11) |
Il-Kummissjoni għandha tagħmel rieżami tal-kamp ta' applikazzjoni, il-funzjonament u l-effiċjenza ta' dan ir-Regolament, inkluż miżuri possibbli fis-settur tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u miżuri addizzjonali li jirrigwardaw is-servizzi, mhux aktar tard minn tliet snin wara l-ewwel istanza tal-implimentazzjoni tiegħu jew mhux aktar tard minn ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu, skont liema minnhom ikun l-ewwel. Il-Kummissjoni għandha tagħmel rapport dwar il-valutazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rieżami jista' jiġi segwit minn kwalunkwe proposta leġislattiva adatta. |
(12) |
Huwa importanti li jiġu żgurati komunikazzjoni effettiva u skambju ta' fehmiet bejn il-Kummissjoni, min-naħa l-waħda, u l-Parlament Ewropew u l-Kunsill min-naħa l-oħra, b'mod partikolari dwar tilwim taħt il-ftehimiet kummerċjali internazzjonali li jistgħu jwasslu għall-adozzjoni ta' miżuri taħt dan ir-Regolament. |
(13) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 (3) għandu jiġi emendat sabiex jirreferi għal dan ir-Regolament fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' miżuri ta' politika kummerċjali. |
(14) |
Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandhom jiġu kkonferiti setgħat ta' implimentazzjoni fuq il-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). |
(15) |
Fid-dawl tal-kumplessità kbira involuta fl-eżami tal-impatti multipli li jistgħu jkollhom il-miżuri ta' politika kummerċjali adottati skont dan ir-Regolament, u bil-ħsieb li jiġu permessi biżżejjed opportunitajiet sabiex jinkiseb l-aktar appoġġ wiesa' possibbli, l-atti ta' implimentazzjoni m'għandhomx jiġu adottati mill-Kummissjoni fejn, eċċezzjonalment, il-kumitat imsemmi f'dan ir-Regolament ma jagħti l-ebda opinjoni dwar l-abbozz ta' att ta' implimentazzjoni ppreżentat mill-Kummissjoni. |
(16) |
Biex jitħarsu l-interessi tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta minnufih atti ta' implimentazzjoni applikabbli fejn, f’każijiet ġustifikati b'mod debitu relatati mal-ħtieġa li jiġu adattati miżuri ta' politika kummerċjali għall-imġiba tal-parti terza kkonċernata, raġunijiet imperattivi ta’ urġenza jkunu jirrikjedu dan. |
(17) |
Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-adozzjoni possibbli ta' miżuri ta' politika kummerċjali abbażi ta' atti rilevanti oħra tal-Unjoni jew tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li jiġu rispettati d-dispożizzjonijiet applikabbli fi ftehimiet kummerċjali internazzjonali dwar is-sospensjoni jew l-irtirar ta' konċessjonijiet jew obbligi oħra, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistipula regoli u proċeduri sabiex jiġi żgurat eżerċizzju effettiv u f'waqtu tad-drittijiet tal-Unjoni li tissospendi jew tirtira konċessjonijiet jew obbligi oħra skont ftehimiet kummerċjali internazzjonali, bil-ħsieb li:
(a) |
jkun hemm reazzjoni għal ksur minn pajjiżi terzi ta' regoli kummerċjali internazzjonali li jaffettwaw l-interessi tal-Unjoni, bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni sodisfaċenti li tirrestawra l-benefiċċji għall-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni; |
(b) |
jiġu riekwilibrati l-konċessjonijiet jew obbligi oħra fir-relazzjonijiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi, meta t-trattament tal-importazzjoni mogħti lill-merkanzija mill-Unjoni jinbidel b'mod li jaffettwa l-interessi tal-Unjoni. |
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
"pajjiż" tfisser kull Stat jew territorju doganali separat; |
(b) |
"konċessjonijiet jew obbligi oħra" tfisser konċessjonijiet tariffarji jew kwalunkwe benefiċċju ieħor li l-Unjoni tkun impenjat ruħha li tapplika fil-kummerċ tagħha ma' pajjiżi terzi bis-saħħa ta’ ftehimiet kummerċjali internazzjonali li għalihom hija parti; |
(c) |
"livell ta' tħassir jew indeboliment" tfisser il-grad ta’ kemm il-benefiċċji dovuti lill-Unjoni skont ftehim kummerċjali internazzjonali huma affettwati. Għajr fejn definit mod ieħor fil-ftehim rilevanti, dan jinkludi kwalunkwe impatt ekonomiku negattiv li jirriżulta minn miżura ta' pajjiż terz; |
(d) |
"penali mandatorja tal-prezzijiet" tfisser obbligu fuq awtoritajiet kontraenti jew għall-entitajiet li jwettqu proċeduri ta’ akkwist pubbliku biex iżidu, soġġett għal ċerti eċċezzjonijiet, il-prezz ta' servizzi u/jew ta' prodotti li joriġinaw f'ċerti pajjiżi terzi li ġew offruti fi proċeduri ta' għoti ta' kuntratti. |
Artikolu 3
Kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament japplika:
(a) |
wara l-aġġudikazzjoni ta’ tilwim kummerċjali taħt il-Ftehim tad-WTO dwar Regoli u Proċeduri li Jirregolaw ir-Riżoluzzjoni tat-Tilwim (Ftehim tad-WTO dwar ir-Riżoluzzjoni tat-Tilwim), meta l-Unjoni tkun ġiet awtorizzata li tissospendi konċessjonijiet jew obbligi oħra skont il-ftehimiet multilaterali u plurilaterali koperti bil-Ftehim tad-WTO dwar ir-Riżoluzzjoni tat-Tilwim; |
(b) |
wara l-aġġudikazzjoni ta’ tilwim kummerċjali skont ftehimiet kummerċjali internazzjonali oħra, inklużi ftehimiet reġjonali jew bilaterali, meta l-Unjoni għandha d-dritt li tissospendi konċessjonijiet jew obbligi oħra skont ftehimiet bħal dawn; |
(c) |
għall-bilanċjar mill-ġdid ta' konċessjonijiet jew ta' obbligi oħra, li għalihom l-applikazzjoni ta' miżura ta' salvagwardja minn pajjiż terz tista’ tagħti d-dritt skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Salvagwardji jew għad-dispożizzjonijiet dwar salvagwardji inklużi fi ftehimiet kummerċjali internazzjonali oħra, inklużi ftehimiet reġjonali jew bilaterali; |
(d) |
f'każijiet ta' modifika tal-konċessjonijiet minn membru tad-WTO skont l-Artikolu XXVIII tal-GATT 1994, fejn l-ebda aġġustament ta’ kumpens ma kien miftiehem. |
Artikolu 4
Eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni
1. Fejn hija meħtieġa azzjoni biex tissalvagwardja l-interessi tal-Unjoni fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 3, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddeterminaw il-miżuri xierqa ta' politika kummerċjali. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 8(2).
2. L-atti ta' implementazzjoni adottati skont il-paragrafu 1 għandhom jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
fejn konċessjonijiet jew obbligi oħra huma sospiżi wara l-aġġudikazzjoni ta' tilwim kummerċjali skont il-Ftehim tad-WTO dwar ir-Riżoluzzjoni tat-Tilwim, il-livell tagħhom ma għandux jaqbeż il-livell awtorizzat mill-Korp tar-Riżoluzzjonitat-Tilwim tad-WTO; |
(b) |
fejn konċessjonijiet jew obbligi oħra huma sospiżi wara t-twettiq ta’ proċedura għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim internazzjonali taħt ftehimiet kummerċjali internazzjonali oħrajn, inklużi ftehimiet reġjonali jew bilaterali, il-livell tagħhom ma għandux jeċċedi l-livell ta' tħassir jew ħsara li jirriżulta mill-miżura kkonċernata tal-pajjiż terz kif iddeterminat mill-Kummissjoni jew permezz ta' rikors għall-arbitraġġ, skont kif ikun il-każ; |
(c) |
fil-każ tal-bilanċjar mill-ġdid ta' konċessjonijiet jew ta' obbligi oħra skont id-dispożizzjonijiet dwar is-salvagwardji fi ftehimiet kummerċjali internazzjonali, l-azzjoni tal-Unjoni għandha tkun sostanzjalment ekwivalenti għal-livell ta' konċessjonijiet jew obbligi oħra affettwati mill-miżura ta' salvagwardja, skont il-kondizzjonijiet tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Salvagwardji jew tad-dispożizzjonijiet dwar is-salvagwardji fi ftehimiet kummerċjali internazzjonali oħrajn, inklużi ftehimiet reġjonali jew bilaterali, li taħthom il-miżura tas-salvagwardja tiġi applikata; |
(d) |
fejn konċessjonijiet ikunu rtirati mill-kummerċ ma' pajjiż terz b'konnessjoni mal-Artikolu XXVIII tal-GATT 1994 u l-Ftehim relatat (5), huma għandhom ikunu sostanzjalment ekwivalenti għall-konċessjonijiet modifikati jew irtirati minn dak il-pajjiż terz, skont it-termini stabbiliti fl-Artikolu XXVIII tal-GATT 1994 u l-Ftehim relatat. |
3. Il-miżuri ta' politika kummerċjali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu determinati abbażi tal-kriterji li ġejjin, fid-dawl tat-tagħrif disponibbli u fl-interess ġenerali tal-Unjoni:
(a) |
l-effettività tal-miżuri fit-tnedija tal-konformità ta' pajjiżi terzi mar-regoli tal-kummerċ internazzjonali; |
(b) |
il-potenzjal tal-miżuri li jipprovdu eżenzjoni lill-operaturi ekonomiċi fl-Unjoni affettwati minn miżuri ta' pajjiżi terzi; |
(c) |
id-disponibbiltà ta’ sorsi alternattivi ta’ provvista għall-oġġetti jew is-servizzi kkonċernati, biex ikun evitat jew minimizzat kwalunkwe impatt negattiv fuq l-industriji downstream, awtoritajiet jew entitajiet kontraenti, jew fuq il-konsumaturi finali fl-Unjoni; |
(d) |
l-evitar ta' kumplessità amministrattiva sproporzjonata u spejjeż fl-applikazzjoni tal-miżuri; |
(e) |
kwalunkwe kriterju speċifiku li jista' jiġi stabbilit fi ftehimiet internazzjonali tal-kummerċ relatati mal-każijiet imsemmija fl-Artikolu 3. |
Artikolu 5
Miżuri ta' politika kummerċjali
1. Bla ħsara għal kull ftehim internazzjonali li tiegħu l-Unjoni hija parti, il-miżuri tal-politika kummerċjali li jistgħu jiġu attivati permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 4(1) għandhom jikkonsistu minn:
(a) |
is-sospensjoni tal-konċessjonijiet tat-tariffi u l-impożizzjoni ta' dazji doganali ġodda jew miżjuda, inkluż l-istabbiliment mill-ġdid tad-dazji doganali f'livell tan-nazzjon l-aktar iffavorit jew l-impożizzjoni ta' dazji doganali lil hinn mil-livell tan-nazzjon l-iktar iffavorit, jew l-introduzzjoni ta’ kwalunkwe ħlas addizzjonali fuq l-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet ta' oġġetti; |
(b) |
l-introduzzjoni jew iż-żieda ta' restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet ta' oġġetti, kemm jekk jiġu applikati permezz ta' kwoti, permezz ta' liċenzji tal-importazzjoni jew tal-esportazzjoni kif ukoll permezz ta' miżuri oħra; |
(c) |
is-sospensjoni tal-konċessjonijiet rigward oġġetti, servizzi jew fornituri fil-qasam tal-akkwist pubbliku, permezz ta':
|
2. Il-miżuri adottati skont il-paragrafu 1(c) għandhom:
(a) |
jinkludu limiti minimi, skont il-karatteristiċi tal-oġġetti jew is-servizzi kkonċernati, li jekk jinqabżu għandha tiġi applikata l-esklużjoni u/jew il-penali obbligatorja fuq il-prezz, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim kummerċjali kkonċernat u l-livell ta' tħassir jew indeboliment; |
(b) |
jiddeterminaw is-setturi jew il-kategoriji ta' oġġetti jew servizzi li japplikaw għalihom, kif ukoll kwalunkwe eċċezzjoni applikabbli; |
(c) |
jiddeterminaw l-awtoritajiet jew l-entitajiet kontraenti jew il-kategoriji ta' awtoritajiet jew entitajiet kontraenti, elenkati mill-Istat Membru, li l-akkwist tagħhom huwa kopert. Biex tiġi pprovduta l-bażi għal din id-determinazzjoni kull Stat Membru għandu jippreżenta lista ta' awtoritajiet jew entitajiet kontraenti adatti jew kategoriji ta' awtoritajiet jew entitajiet kontraenti. Il-miżuri għandhom jiżguraw li jinkiseb livell adatt ta' sospensjoni ta' konċessjonijiet jew obbligi oħra u distribuzzjoni ġusta fost l-Istati Membri. |
Artikolu 6
Regoli ta’ oriġini
1. L-oriġini ta' prodott għandha tiġi determinata skont ir-Regolament (KEE) Nru 2913/92.
2. L-oriġini ta' servizz għandha tkun determinata skont l-oriġini tal-persuna fiżika jew ġuridika li tkun qed tipprovdih. L-oriġini ta' min jipprovdi s-servizz għandha titqies bħala:
(a) |
fil-każ ta' persuna fiżika, il-pajjiż fejn il-persuna tkun ċittadin jew fejn ikollha d-dritt ta' residenza permanenti; |
(b) |
fil-każ ta' persuna ġuridika kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:
|
Għall-finijiet tal-punt (ii) tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, jekk il-persuna ġuridika li tipprovdi s-servizz ma tkunx impenjata f'operazzjonijiet sostantivi ta' negozju b'mod li jkollha rabta diretta u effettiva mal-ekonomija tal-Istat Membru li fih tkun stabbilita, l-oriġini ta' dik il-persuna ġuridika għandha titqies li hija l-oriġini tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkollhom is-sjieda tagħha jew li jikkontrollawha.
Il-persuna ġuridika li tipprovdi s-servizz għandha titqies bħala "li tappartjeni" lill-persuni ta' pajjiż partikolari jekk aktar minn 50 % tal-interess ta' ekwità fiha jkun proprjetà benefiċjarja ta' persuni minn dak il-pajjiż u "kkontrollata" minn persuni ta' pajjiż partikolari jekk dawn il-persuni jkollhom is-setgħa jaħtru l-maġġoranza tad-diretturi tagħha jew inkella li jmexxu legalment l-azzjonijiet tagħha.
Artikolu 7
Sospensjoni, modifika u tħassir ta' miżuri
1. Fejn, wara l-adozzjoni ta’ att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 4(1), il-pajjiż terz ikkonċernat jagħti kumpens adegwat u proporzjonat lill-Unjoni fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1)(a) u (b), il-Kummissjoni tista’ tissospendi l-applikazzjoni ta’ dak l-att ta' implimentazzjoni għat-tul tal-perijodu ta’ kumpens. Is-sospensjoni għandha tiġi deċiża skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 8(2).
2. Il-Kummissjoni għandha tħassar att ta' implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 4(1) f'kull waħda miċ-ċirkustanzi li ġejjin:
(a) |
meta l-pajjiż terz li l-miżuri tiegħu nstab li kienu fi ksur tar–regoli tal-kummerċ internazzjonali fi proċedura ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim isir konformi, jew fejn soluzzjoni reċiprokament sodisfaċenti ta' xorta oħra tkun intlaħqet; |
(b) |
f'każijiet ta' ibbilanċjar mill-ġdid ta' konċessjonijiet jew obbligi oħra wara l-adozzjoni minn pajjiż terz ta' miżura ta' salvagwardja, meta l-miżura tas-salvagwardja tiġi rtirata jew tiskadi, jew meta l-pajjiż terz ikkonċernat jagħti kumpens adegwat u proporzjonat lill-Unjoni wara l-adozzjoni ta’ att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 4(1); |
(c) |
f'każijiet ta' modifika tal-konċessjonijiet minn membru tad-WTO skont l-Artikolu XXVIII tal-GATT 1994, meta l-pajjiż terz ikkonċernat jagħti kumpens adegwat u proporzjonat lill-Unjoni wara l-adozzjoni ta’ att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 4(1). |
It-tħassir imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jiġi deċiż skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 8(2).
3. Fejn huwa meħtieġ li jsiru aġġustamenti għal miżuri ta' politika kummerċjali adottati skont dan ir-Regolament, soġġett għall-Artikolu 4(2) u 4(3), il-Kummissjoni tista’ tintroduċi kwalunkwe emendi xierqa skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 8(2).
4. Għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza debitament ġustifikati marbuta mat-tneħħija jew il-modifika tal-miżura kkonċernata tal-pajjiż terz, il-Kummissjoni għandha tadotta minnufih atti ta' implimentazzjoni applikabbli li jissospendu, jemendaw jew li jħassru l-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 4(1), kif previst f'dan l-Artikolu, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 8(3).
Artikolu 8
Proċedura tal-kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 3286/94. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Fejn il-Kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni m'għandhiex tadotta l-abozz ta' att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
3. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.
Artikolu 9
Ġbir ta' tagħrif
1. Il-Kummissjoni għandha tfittex tagħrif u fehmiet dwar l-interessi ekonomiċi tal-Unjoni f'oġġetti jew servizzi speċifiċi jew f'setturi speċifiċi, fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, permezz ta' avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew permezz ta' mezzi ta’ komunikazzjoni pubbliċi xierqa oħra, li jindika l-perijodu li fih għandu jiġi ppreżentat il-kontribut. Il-Kummissjoni għandha tieħu kont tal-kontribut irċevut.
2. Tagħrif li jasal skont dan ir-Regolament għandu jintuża biss għall-għan li għalih ikun intalab.
3. La l-Parlament Ewropew, la l-Kunsill, la l-Kummissjoni, u lanqas l-Istati Membri jew l-uffiċjali rispettivi tagħhom ma għandhom jiżvelaw xi tagħrif ta' natura kunfidenzjali li jasal skont dan ir-Regolament, mingħajr permess speċifiku minn min jipprovdi dan it-tagħrif.
4. Min jipprovdi t-tagħrif jista' jitlob li t-tagħrif ipprovdut jiġi ttrattat bħala kunfidenzjali. F'każijiet bħal dawn, it-tagħrif għandu jkun akkumpanjat minn sommarju mhux kunfidenzjali li jippreżenta t-tagħrif f'forma ġeneralizzata jew minn dikjarazzjoni tar-raġunijiet għaliex ma jistax isir sommarju ta' dan it-tagħrif.
5. Jekk jidher li t-talba għall-kunfidenzjalità mhijiex ġustifikata u jekk min jipprovdi t-tagħrif mhuwiex lest li jew jagħmel it-tagħrif pubbliku jew li jawtorizza l-iżvelar tiegħu f'termini ġenerali jew bħala sommarju, dan it-tagħrif jista' ma jiġix ikkalkolat.
6. Il-paragrafi 2 sa 5 ma għandhomx jipprekludu l-iżvelar ta' tagħrif ġenerali mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri. Dan l-iżvelar għandu jqis l-interess leġittimu tal-partijiet ikkonċernati li s-sigrieti kummerċjali tagħhom ma jiġux iddivulgati.
Artikolu 10
Rieżami
1. Mhux aktar tard minn tliet snin wara l-ewwel istanza tal-adozzjoni ta' att ta' implimentazzjoni jew mhux aktar tard mit-18 ta’ Lulju 2019, skont liema jiġi l-ewwel, il-Kummissjoni għandha tagħmel rieżami tal-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, partikolarment fir-rigward tal-miżuri ta' politika kummerċjali li jistgħu jiġu adottati, kif ukoll tal-implimentazzjoni tiegħu, u għandha tirrapporta l-konklużjonijiet tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
2. Minkejja l-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tagħmel rieżami bl-għan li tipprevedi taħt dan ir-Regolament miżuri addizzjonali ta' politika kummerċjali li jissospendu konċessjonijiet jew obbligi oħra fil-qasam tal-kummerċ f'servizzi. Il-Kummissjoni għandha teżamina, fost l-oħrajn, l-aspetti li ġejjin:
(a) |
żviluppi internazzjonali fir-rigward tas-sospensjoni ta' obbligi oħra skont il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS); |
(b) |
żviluppi fl-Unjoni fir-rigward tal-adozzjoni ta' regoli komuni dwar is-setturi tas-servizzi; |
(c) |
l-effettività ta' miżuri ta' politika kummerċjali addizzjonali possibbli bħala mezz biex jiġu infurzati d-drittijiet tal-Unjoni skont ftehimiet kummerċjali internazzjonali; |
(d) |
mekkaniżmi disponibbli sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni prattika, b'mod uniformi u effiċjenti, ta' miżuri ta' politika kummerċjali addizzjonali possibbli rigward servizzi; u |
(e) |
implikazzjonijiet għal min jipprovdi servizz li jkun jinsab fl-Unjoni fil-waqt tal-adozzjoni ta' atti ta' implimentazzjoni skont dan ir-Regolament. |
Il-Kummissjoni għandha tirrapporta l-valutazzjoni inizjali tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-18 ta’ Lulju 2017.
Artikolu 11
Emendi ta' atti oħra
Fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 3286/94 il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:
"3. Fejn l-Unjoni, wara li tkun aġixxiet skont l-Artikolu 12(2), ikollha tieħu deċiżjoni dwar il-miżuri ta' politika kummerċjali li għandhom jiġu adottati skont l-Artikolu 11(2)(c) jew skont l-Artikolu 12, hija għandha taġixxi, mingħajr dewmien, skont l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, fejn xieraq, ir-Regolament (UE) Nru 654/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*) jew kwalunkwe proċedura applikabbli oħra.
Artikolu 12
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2014.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
D. KOURKOULAS
(1) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' April 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Mejju 2014.
(2) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).
(3) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 tat-22 ta' Diċembru 1994 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam ta' politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b'mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ĠU L 349, 31.12.1994, p. 71).
(4) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(5) Ftehim "Interpretazzjoni u Applikazzjoni tal-Artikolu XXVIII".
Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
Il-Kummissjoni tilqa’ l-adozzjoni tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni għall-applikazzjoni u l-infurzar ta’ regoli tal-kummerċ internazzjonali u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 3286/94.
Skont ir-Regolament, il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni f’ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi, abbażi ta’ kriterji oġġettivi u soġġetti għall-kontroll tal-Istati Membri. Fl-eżerċitar ta' din is-setgħa, il-Kummissjoni beħsiebha taġixxi skont din id-Dikjarazzjoni.
Meta tipprepara abbozzi ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni ser twettaq konsultazzjonijiet estensivi bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-interessi rilevanti kollha huma kkunsidrati kif xieraq. Permezz ta’ dawn il-konsultazzjonijiet, il-Kummissjoni tistenna li tirċievi kontribuzzjoni minn partijiet interessati privati affettwati minn miżuri ta’ pajjiżi terzi jew minn miżuri ta’ politika kummerċjali possibbli li għandhom jiġu adottati mill-Unjoni. Bl-istess mod, il-Kummissjoni tistenna li tirċievi kontribut minn awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jkunu involuti fl-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ politika kummerċjali possibbli li għandhom jiġu adottati mill-Unjoni. Fil-każ ta’ miżuri fil-qasam tal-akkwist pubbliku, b’mod partikolari ser jitqies l-input tal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri fit-tħejjija ta’ abbozzi ta’ atti ta’ implimentazzjoni.
Il-Kummissjoni tagħraf l-importanza tal-Istati Membri li jirċievu informazzjoni f’waqtha meta tkun qed tikkonsidra l-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni skont dan ir-Regolament biex ikunu jistgħu jikkontribwixxu għal deċiżjonijiet infurmati bis-sħiħ u ser jaġixxu biex jilħqu dan l-għan.
Il-Kummissjoni tikkonferma li ser tibgħat minnufih abbozzi ta’ atti ta’ implimentazzjoni lill-Parlament u lill-Kunsill li hija tippreżenta lill-Kumitat tal-Istati Membri. Bl-istess mod, din ser tibgħat minnufih l-abbozzi finali tal-atti ta’ implimentazzjoni lill-Parlament u lill-Kunsill wara l-wasla tal-opinjonijiet fil-Kumitat.
Il-Kummissjoni ser iżżomm lill-Parlament u lill-Kunsill regolarment infurmati dwar żviluppi internazzjonali li jistgħu jwasslu għal sitwazzjonijiet li jeħtieġu l-adozzjoni ta’ miżuri skont ir-Regolament. Dan ser isir permezz tal-kumitati responsabbli fil-Kunsill u fil-Parlament.
Il-Kummissjoni tilqa’ l-intenzjoni tal-Parlament li tippromwovi djalogu strutturat dwar is-soluzzjoni tat-tilwim u kwistjonijiet ta’ infurzar u ser timpenja ruħha bis-sħiħ f'sessjonijiet partikolari mal-kumitat Parlamentari responsabbli għal skambju ta’ fehmiet dwar tilwim kummerċjali u azzjonijiet ta’ infurzar, inklużi fir-rigward tal-impatti fuq l-industriji tal-Unjoni.
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkonferma li hija tagħti importanza kbira lill-fatt li jiġi żgurat li r-Regolament huwa għodda effettiva u effiċjenti għall-infurzar tad-drittijiet tal-Unjoni skont ftehimiet kummerċjali internazzjonali, inkluż fil-qasam tal-kummerċ fis-servizzi. Għalhekk, il-Kummissjoni ser tirrevedi l-ambitu tal-Artikolu 5 skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament, bil-għan li tkopri miżuri ta’ politika kummerċjali addizzjonali dwar il-kummerċ fis-servizzi hekk kif il-kundizzjonijiet biex jiġi żgurat it-tħaddim u l-effettività ta’ dawn il-miżuri jkunu preżenti.