16.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 298/8


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1084/2014

tal-15 ta' Ottubru 2014

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-użu tad-difosfati (E 450) bħala aġent levitanti u regolatur tal-aċidità fl-għaġina bil-ħmira preparata lesta

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel, u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Il-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel tista' tiġi aġġornata skont il-proċedura komuni li ssir referenza għaliha fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jew fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni.

(3)

Fis-7 ta' Lulju 2013 tressqet talba għall-awtorizzazzjoni tal-użu tad-difosfati (E 450) bħala aġent levitanti u regolatur tal-aċidità fl-għaġina bil-ħmira preparata lesta, u tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.

(4)

Għall-għaġina friska hemm bżonn ta' sistema levitanti bbażata fuq il-bikarbonat tas-sodju (E500), id-difosfati (E 450) u l-ħmira li jintużaw għall-preparazzjoni ta' pizzez, quiches, torti u prodotti simili. Din l-għaġina ma għandhiex togħla meta tiġi mkessħa iżda għandha tiġi attivata matul l-aħħar fażi ta' preparazzjoni mill-konsumatur stess. Il-bikarbonat tas-sodju huwa prinċipalment responsabbli għal-levitazzjoni filwaqt li l-ħmira, b'attivitajiet baxxi ta' levitazzjoni, hija meħtieġa l-aktar għall-iżvilupp tat-togħma tipika aromatika. Id-difosfati huma meħtieġa bħala regolaturi tal-aċididtà sabiex jikkontrollaw il-formazzjoni tad-diossidu tal-karbonju mill-bikarbonat tas-sodju.

(5)

Sistema levitanti bħal din, li hija bbażata fuq il-bikarbonat tas-sodju, id-difosfati u l-ħmira, tista' tintuża bħala alternattiva għad-dqiq li jikber minnu nnifsu, li fih huma awtorizzati livelli għolja ta' fosfati. Għalhekk, l-awtorizzazzjoni għall-użu tad-difosfati fl-għaġina bil-ħmira preparata lesta ma tirriżultax f'żieda fit-teħid ta' fosfati. Għaldaqstant huwa xieraq li jiġi awtorizzat l-użu tad-difosfati bħala aġent levitanti u regolatur tal-aċidità fl-għaġina bil-ħmira preparata lesta li tintuża bħala bażi għall-pizzez, il-quiches, it-torti u għal prodotti simili.

(6)

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni għandha titlob l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel sabiex taġġorna l-lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, ħlief meta l-aġġornament ikkonċernat ma jkunx mistenni jħalli effett fuq saħħet il-bniedem. Peress li l-awtorizzazzjoni għall-użu tad-difosfati bħala regolatur tal-aċidità fl-għaġina bil-ħmira preparata lesta li tintuża bħala bażi għall-pizzez, il-quiches, it-torti u prodotti simili ma titqiesx bħala li hi ta' tħassib għas-sikurezza, m'hemmx għalfejn tintalab l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel.

(7)

Għalhekk, l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Ottubru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1).


ANNESS

Fil-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, fil-kategorija 07.1 “Ħobż u bziezen”, wara l-annotazzjoni għall-addittiv E 338 - 452 għandha tiddaħħal l-annotazzjoni li ġejja:

 

“E 450

Difosfati

12 000

(4)

għaġina bil-ħmira preparata lesta, ippakkjata minn qabel u mkessħa biss, li tintuża bħala bażi għall-pizzez, il-quiches, it-torti u għal prodotti simili”


  翻译: