17.2.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 41/52 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/252
tat-13 ta' Frar 2015
li temenda l-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE f'dak li għandu x'jaqsam mal-entrata għall-Istati Uniti fil-lista ta' pajjiżi terzi jew partijiet tagħhom, li minnhom huwa awtorizzat id-dħul fl-Unjoni ta' prodotti tal-laħam u ta' stonkijiet, bżieżaq tal-awrina u msaren ittrattati f'dak li għandu x'jaqsam mal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja
(notifikata bid-dokument C(2015) 714)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta' Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (1), u b'mod partikolari l-frażi ta' introduzzjoni tal-Artikolu 8 tagħha, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tagħha, l-Artikolu 8(4) tagħha u l-Artikolu 9(4)(c) tagħha,
Billi:
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE (2) tistipula r-regoli tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika għall-importazzjonijiet fl-Unjoni u t-tranżitu minn ġol-Unjoni u l-ħażna fiha ta' kunsinni ta' prodotti tal-laħam u ta' stonkijiet, bżieżaq tal-awrina u msaren ittrattati (“il-prodotti”). |
(2) |
Il-Parti 1 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE tiddeskrivi ż-żoni tal-pajjiżi terzi li minnhom huwa ristrett id-dħul fl-Unjoni tal-prodotti minħabba raġunijiet tas-saħħa tal-annimali, u li għalihom tiġi applikata r-reġjonalizzazzjoni. Il-Parti 2 ta' dak l-Anness tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi jew ta' partijiet tagħhom li minnhom huwa awtorizzat id-dħul fl-Unjoni tal-prodotti, jekk kemm-il darba l-prodotti jkun sarilhom it-trattament rilevanti, kif stipulat fil-Parti 4 ta' dak l-Anness. |
(3) |
L-Istati Uniti huma elenkati fil-Parti 2 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE bħala pajjiż awtorizzat, fost l-oħrajn, biex idaħħal fl-Unjoni prodotti miksuba mit-tjur, mit-tjur tal-kaċċa mrobbija fl-irziezet (għajr l-għasafar li ma jtirux), mill-għasafar li ma jtirux imrobbija fl-irziezet u l-għasafar tal-kaċċa slavaġ, li jkun sarilhom trattament mhux speċifiku kif stipulat fil-Parti 4 ta' dak l-Anness (“it-trattament A”), bil-kundizzjoni li l-laħam li minnu l-prodotti jkunu ġew immanifatturati jkun konformi mar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għal-laħam frisk inkluż l-oriġini tiegħu minn pajjiż terz jew minn partijiet minnu li huma ħielsa mill-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja (HPAI), kif previst fil-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika stabbilit fl-Anness III tad-Deċiżjoni 2007/777/KE. |
(4) |
Ftehim bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti (3) jipprevedi li jkun hemm rikonoxximent reċiproku ta' malajr tal-miżuri ta' reġjonalizzazzjoni fil-każ li jfaqqa' ċertu mard fl-Unjoni jew fl-Istati Uniti (“il-Ftehim”). |
(5) |
Fl-Istati Uniti ġiet ikkonfermata tifqigħa tas-sottotip H5N8 tal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja (HPAI) fi stabbiliment tat-tjur fil-kontea ta' Douglas fl-Istat ta' Oregon u tifqigħa tas-sottotip H5N2 tal-HPAI fl-Istat ta' Washington. |
(6) |
It-trattament A mhuwiex biżżejjed biex jelimina r-riskji għas-saħħa tal-annimali marbuta mad-dħul fl-Unjoni ta' prodotti miksuba minn tjur, tjur tal-kaċċa mrobbija fl-irziezet (għajr l-għasafar li ma jtirux), għasafar li ma jtirux imrobbija fl-irziezet u għasafar tal-kaċċa slavaġ li jkunu ġejjin mill-kontea ta' Douglas fl-Istat ta' Oregon u mill-Istat kollu ta' Washington, minħabba l-qagħda epidemjoloġika attwali għall-HPAI fl-Istati Uniti. Dawk il-prodotti għandu jsirilhom tal-inqas it-“trattament D”, kif stipulat fil-Parti 4 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE (“it-trattament D”), sabiex jiġi evitati li jiddaħħal il-vajrus tal-HPAI fl-Unjoni. |
(7) |
L-Istati Uniti bagħtu informazzjoni, li ġiet evalwata mill-Kummissjoni, dwar il-qagħda epidemjoloġika fit-territorju tagħhom u l-miżuri meħuda biex jiġi evitat li l-vajrus tal-HPAI jkompli jixtered. Fuq il-bażi ta' din l-evalwazzjoni, kif ukoll tal-impenji stabbiliti fil-Ftehim u l-garanziji pprovduti mill-Istati Uniti, huwa xieraq li jiġi konkluż li r-rekwiżit li jsir it-trattament D għandu jkun biżżejjed biex ikopri r-riskji assoċjati mad-dħul fl-Unjoni tal-prodotti miksuba mil-laħam tat-tjur, mit-tjur tal-kaċċa mrobbija fl-irziezet (għajr l-għasafar li ma jtirux), mill-għasafar li ma jtirux imrobbija fl-irziezet u mill-għasafar tal-kaċċa slavaġ li jkunu ġejjin mill-kontea ta' Douglas fl-Istat ta' Oregon u mill-Istat kollu ta' Washington, li l-awtoritajiet veterinarji tal-Istati Uniti poġġew taħt restrizzjonijiet minħabba t-tfaqqigħ attwali tal-HPAI. Għalhekk, il-Partijiet 1 u 2 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE għandhom jiġu emendati sabiex titqies dik ir-reġjonalizzazzjoni. |
(8) |
Għaldaqstant, id-Deċiżjoni 2007/777/KE għandha tiġi emendata skont dan. |
(9) |
Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE għandu jiġi emendat skont l-Anness ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Frar 2015.
Għall-Kummissjoni
Vytenis ANDRIUKAITIS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE tad-29 ta' Novembru 2007 li tistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika kif ukoll il-mudelli taċ-ċertifikati għall-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-laħam u tal-istonku, il-bżieżaq tal-awrina u l-imsaren ittrattati għall-konsum mill-bniedem minn pajjiżi terzi u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2005/432/KE (ĠU L 312, 30.11.2007, p. 49).
(3) Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika dwar miżuri sanitarji biex jipproteġu s-saħħa pubblika u dik tal-annimali fin-negozju ta' annimali ħajjin u prodotti tal-annimali, kif approvat f'isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1998/258/KE (ĠU L 118, 21.4.1998, p. 1).
ANNESS
L-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE għandu jiġi emendat kif ġej:
(1) |
Fil-Parti 1, l-entrata li ġejja għall-Istati Uniti għandha tiddaħħal bejn l-entrata għar-Russja u l-entrata għall-Afrika t'Isfel:
|
(2) |
Fil-Parti 2, l- entrata għall-Istati Uniti għandha tinbidel b'dan li ġej:
|