2.10.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 257/44 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1765
tat-30 ta' Settembru 2015
li temenda l-Annessi I u II tad-Deċiżjoni 2004/558/KE rigward l-istat ħieles mir-rinotrakeite bovina infettiva tal-Istat Federali ta' Baden-Württemberg fil-Ġermanja u tar-reġjun ta' Valle d'Aosta fl-Italja
(notifikata bid-dokument C(2015) 6572)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE tas-26 ta' Ġunju 1964 dwar il-problemi tas-saħħa tal-annimali li jaffettwaw il-kummerċ ta' annimali bovini u suwini ġewwa l-Komunità (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 9(2) u 10(2) tagħha,
Billi:
(1) |
Id-Direttiva 64/432/KEE tistipula r-regoli għall-kummerċ fl-Unjoni tal-annimali bovini. L-Artikolu 9 tagħha jistipula li Stat Membru li għandu programm nazzjonali ta' kontroll obbligatorju għal wieħed mill-mardiet kuntaġġjużi elenkati fl-Anness E (II) tal-istess Direttiva, jista' jissottometti l-programm tiegħu lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni. Din il-lista tinkludi r-rinotrakeite bovina infettiva. Ir-rinotrakeite bovina infettiva hija d-deskrizzjoni tal-aktar sinjali kliniċi prominenti tal-infezzjoni bil-herpesvirus bovin tat-tip 1 (BHV1). L-Artikolu 9 tad-Direttiva 64/432/KEE jistipula wkoll id-definizzjoni ta' garanziji addizzjonali li jistgħu jintalbu f'kummerċ intra-Unjoni. |
(2) |
Barra minn hekk, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 64/432/KEE jipprevedi li meta Stat Membru jkun tal-fehma li t-territorju tiegħu jew parti minnu jkun ħieles minn marda waħda mill-mard elenkat fl-Anness E(II) ta' din id-Direttiva, dan għandu jippreżenta d-dokumentazzjoni ta' sostenn rilevanti lill-Kummissjoni. Dan l-Artikolu jipprevedi wkoll id-definizzjoni ta' garanziji addizzjonali li jistgħu jintalbu għall-kummerċ intra-Unjoni. |
(3) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/558/KE (2) tapprova l-programmi għall-kontroll u l-qerda tal-BHV1 imressqa mill-Istati Membri elenkati fl-Anness I tagħha għar-reġjuni elenkati f'dak l-Anness u li għalihom japplikaw garanziji addizzjonali skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 64/432/KEE. |
(4) |
Barra minn hekk, l-Anness II tad-Deċiżjoni 2004/558/KE jelenka r-reġjuni tal-Istati Membri li jitqiesu li huma ħielsa mill-BHV1 u li għalihom japplikaw il-garanziji addizzjonali skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 64/432/KEE. |
(5) |
Ir-reġjuni kollha tal-Ġermanja, bl-eċċezzjoni tal-Istati Federali tal-Bavarja, ta' Thüringen, tas-Sassonja, tas-Sassonja Anhalt, ta' Brandenburg, ta' Berlin u ta' Mecklenburg-Vorpommern fil-preżent huma elenkati fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/558/KE. Dawk l-Istati Federali huma ħielsa mill-BHV1, u għalhekk qegħdin elenkati fl-Anness II ta' dik id-Deċiżjoni. |
(6) |
Il-Ġermanja ressqet lill-Kummissjoni d-dokumentazzjoni ta' sostenn biex l-Istat Federali ta' Baden-Württemberg jiġi kkunsidrat bħala ħieles mill-BHV1, u biex jiġi kkunsidrat għall-garanziji addizzjonali skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 64/432/KEE. |
(7) |
Wara evalwazzjoni tad-dokumentazzjoni ta' sostenn imressqa minn dak l-Istat Membru, l-Istat Federali ta' Baden-Württemberg ma għandux jibqa' elenkat fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/558/KE, iżda minflok għandu jiġi elenkat fl-Anness II tal-istess Deċiżjoni u l-applikazzjoni tal-garanziji addizzjonali skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 64/432/KEE għandha tiġi estiża biex tinkludih. L-Annessi I u II tad-Deċiżjoni 2004/558/KE għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan. |
(8) |
Ir-reġjun ta' Valle d'Aosta fl-Italja bħalissa huwa elenkat fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/558/KE. |
(9) |
L-Italja ressqet lill-Kummissjoni d-dokumentazzjoni ta' sostenn biex ir-reġjun ta' Valle d'Aosta jiġi kkunsidrat bħala ħieles mill-BHV1, u biex jiġi kkunsidrat għall-garanziji addizzjonali skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 64/432/KEE. |
(10) |
Wara evalwazzjoni tad-dokumentazzjoni ta' sostenn imressqa mill-Italja, ir-reġjun ta' Valle d'Aosta ma għandux jibqa' elenkat fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/558/KE, iżda minflok għandu jiġi elenkat fl-Anness II tal-istess Deċiżjoni u l-applikazzjoni tal-garanziji addizzjonali skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 64/432/KEE għandha tiġi estiża biex tinkludih. L-Annessi I u II tad-Deċiżjoni 2004/558/KE għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan. |
(11) |
Għalhekk, id-Deċiżjoni 2004/558/KE għandha tiġi emendata skont dan. |
(12) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Annessi I u II tad-Deċiżjoni 2004/558/KE huma sostitwiti bit-test fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Settembru 2015.
Għall-Kummissjoni
Vytenis ANDRIUKAITIS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU 121, 29.7.1964, p. 1977/64.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/558/KE tal-15 ta' Lulju 2004 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE li tirrigwardwa garanziji addizzjonali għan-negozju intra-Komunitarju ta' annimali bovini relatati mar-rinotrakeite bovina infettiva u l-approvazzjoni tal-programmi ta' qerda ppreżentati minn ċerti Stati Membri (ĠU L 249, 23.7.2004, p. 20).
ANNESS
ANNESS I
Stati Membri |
Ir-reġjuni tal-Istati Membri li għalihom japplikaw il-garanziji addizzjonali għar-rinotrakeite bovina infettiva skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 64/432/KEE |
Il-Belġju |
Ir-reġjuni kollha |
Ir-Repubblika Ċeka |
Ir-reġjuni kollha |
Il-Ġermanja |
L-Istati Federali ta': Bremen Ħamburg Hesse Is-Sassonja t'isfel Nordrhein-Westfalen Rheinland-Pfalz Saarland Schleswig-Holstein |
L-Italja |
Ir-Reġjun tal-Friuli-Venezia Giulia Il-Provinċja Awtonoma ta' Trento |
ANNESS II
Stati Membri |
Ir-reġjuni tal-Istati Membri li għalihom japplikaw il-garanziji addizzjonali għar-rinotrakeite bovina infettiva skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 64/432/KEE |
Id-Danimarka |
Ir-reġjuni kollha |
Il-Ġermanja |
L-Istati Federali ta': Baden-Württemberg Bayern Berlin Brandenburg Mecklenburg-Vorpommern Is-Sassonja Is-Sassonja-Anhalt Thüringen |
L-Italja |
Ir-Reġjun ta' Valle d'Aosta Il-Provinċja Awtonoma ta' Bolzano |
L-Awstrija |
Ir-reġjuni kollha |
Il-Finlandja |
Ir-reġjuni kollha |
L-Iżvezja |
Ir-reġjuni kollha |