12.11.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 295/3 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2011
tal-11 ta' Novembru 2015
li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-listi ta' gvernijiet reġjonali u awtoritajiet lokali, li l-iskoperturi għalihom għandhom ikunu trattati bħala skoperturi għall-gvern ċentrali skont id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (1), u b'mod partikolari il-punt (a) tal-Artikolu 109a(2) tagħha,
Billi:
(1) |
Il-listi ta' gvernijiet reġjonali u awtoritajiet lokali, li l-iskoperturi għalihom għandhom ikunu trattati bħala skoperturi għall-gvern ċentrali skont id-Direttiva 2009/138/KE, huma rilevanti għall-kalkolu tal-modulu tar-riskju tas-suq u l-modulu tar-riskju ta' inadempjenza tal-kontroparti tal-formula standard tar-rekwiżit tal-kapital tas- solvibbiltà. |
(2) |
Fejn rilevanti, il-gvernijiet reġjonali u l-awtoritajiet lokali inklużi f'dawk il-listi għandhom jiġu kategorizzati skont it-tip, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 85 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 (2). |
(3) |
L-awtoritajiet superviżorji pprovdew informazzjoni relevanti dwar is-setgħat speċifiċi li jżidu d-dħul u l-arranġamenti istituzzjonali eżistenti skont il-liġi nazzjonali fir-rigward tal-gvernijiet reġjonali u l-awtoritajiet lokali fil-ġurisdizzjoni tagħhom u dwar sa liema punt dawn il-gvernijiet u awtoritajiet jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fil-punt (a) tal-Artikolu 109a (2) tad-Direttiva 2009/138/KE. |
(4) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni sottomess mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol lill-Kummissjoni. |
(5) |
L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implementazzjoni li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni stabbilit f'konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Listi ta' gvernijiet reġjonali u awtoritajiet lokali
Il-gvernijiet reġjonali u l-awtoritajiet lokali li ġejjin ser jitqiesu bħala entitajiet, li l-iskoperturi għalihom għandhom ikunu trattati bħala skoperturi għall-gvern ċentrali tal-ġurisdizzjoni fejn huma stabbiliti, kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 109a(2) tad-Direttiva 2009/138/KE:
(1) |
fl-Awstrija: kull “Land” jew “Gemeinde”; |
(2) |
fil-Belġju: kull “communauté” jew “gemeenschap”,“région” jew “gewest”, “province” jew “provincie”, jew “commune” jew “gemeente”; |
(3) |
fid-Danimarka: kull “region” jew “kommune”; |
(4) |
fil-Finlandja: kull “kaupunki” jew “stad”, “kunta” jew “kommun”, jew l-“Ahvenanmaan maakunta” jew il-“Landskapet Åland”; |
(5) |
fi Franza: kull “région”, “département” jew “commune”; |
(6) |
fil-Ġermanja: kull “Land”, “Gemeindeverband” jew “Gemeinde”; |
(7) |
fil-Liechtenstein: kull “Gemeinde”; |
(8) |
fil-Litwanja: kull “savivaldybė”; |
(9) |
fil-Lussemburgu: kull “commune”; |
(10) |
fin-Netherlands: kull “provincie”, “waterschap” jew “gemeente”; |
(11) |
fil-Polonja: kull “województwo”, “związek powiatów”, “powiat”, “związek międzygminny”, “gmina”, jew il-“miasto stołeczne Warszawa”; |
(12) |
fil-Portugall: ir-“Região Autónoma dos Açores” jew ir-“Região Autónoma da Madeira”; |
(13) |
fi Spanja: kull “comunidad autónoma” jew “corporación local”; |
(14) |
fl-Iżvezja: kull “region”, “landsting” jew “kommun”; |
(15) |
fir-Renju Unit: il-Parlament Skoċċiż, l-Assemblea Nazzjonali għal Wales jew l-Assemblea tal-Irlanda ta' Fuq. |
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Novembru 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 tal-10 ta' Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 12, 17.1.2015, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).