12.11.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 295/18 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2016
tal-11 ta' Novembru 2015
li jistabbilixxi l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-indiċi ta' ekwità għall-aġġustament simetriku tal-imposta standard tal-kapital tal-ekwità skont id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvenza II) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 109a(2)(b) tagħha,
Billi:
(1) |
Sabiex jiġi żgurat li l-indiċi tal-ekwità jkejjel il-prezz tas-suq ta' portafoll diversifikat ta' ekwitajiet li huwa rappreżentativ tal-għamla tal-ekwitajiet tipikament miżmumin mill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, kif mitlub mill-Artikolu 172 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 (2), dan għandu jkun magħmul minn diversi indiċi ta' ekwità eżistenti għas-swieq rilevanti. Sabiex il-livelli ta' dawk l-indiċijiet tal-ekwità jiġu komparabbli, il-livell ta' kull indiċi fil-bidu ta' perjodu adattat ta' żmien imsemmi fl-Artikolu 106(2) tad-Direttiva 2009/138/KE, għandu jkun stabbilit għal 100 punt perċentwali. |
(2) |
Il-valur tal-indiċi tal-ekwità jvarja matul il-jum. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi ċċarat liema valur jintuża għal dik il-ġurnata. Peress li l-borża ma tkunx miftuħa għan-negozju kuljum, huwa wkoll neċessarju li jiġi speċifikat għal liema ġranet għandhom jiġu kkalkulati l-livelli tal-indiċi tal-ekwità. Għal din ir-raġuni, it-termini “l-aħħar livell” u “jum ta' xogħol” għandhom jiġu definiti. |
(3) |
L-indiċi tal-ekwità għandu jkunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 172 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/35. |
(4) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni sottomess mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol lill-Kummissjoni. |
(5) |
L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implementazzjoni li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni stabbilit mill-Artikolu 37 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru 1094/2010 (3), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-iskop ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
“l-aħħar livell” ifisser l-aħħar valur tal-indiċi tal-ekwità għall-jum ta' referenza ppubblikat mill-fornitur tal-indiċi tal-ekwità, |
(2) |
“jum ta' xogħol” ifisser kull jum ieħor għajr is-Sibt u l-Ħadd. |
Artikolu 2
Kalkolu tal-indiċi tal-ekwità
1. Il-livell tal-indiċi tal-ekwità msemmi fl-Artikolu 106(2) tad-Direttiva 2009/138/KE jkun iddeterminat għal kull jum ta' xogħol.
Il-livell tal-indiċi tal-ekwità għal jum ta' xogħol partikolari jkun is-somma tal-kontribuzzjonijiet tal-indiċi tal-ekwità kollha inklużi fl-Anness f'dak il-jum ta' xogħol.
Għal kull indiċi tal-ekwità stipulat fl-Anness, il-kontribuzzjoni tiegħu għal jum tax-xogħol partikolari għandha tkun il-prodott tal-livell normalizzat tiegħu għal dak il-jum ta' xogħol u l-piż rispettiv għall-indiċi ta' ekwità kif stabbilit fl-Anness.
2. Għal kull indiċi tal-ekwità stabbilit fl-Anness, il-livell normalizzat tiegħu għal jum ta' xogħol partikolari jkun l-aħħar livell tiegħu f'dak il-jum ta' xogħol diviż bl-aħħar livell tiegħu fl-ewwel jum tal-perjodu ta' 36-il xahar li jintemm fil-jum tax-xogħol li fih il-livell tal-indiċi tal-ekwità kif definit fl-Artikolu 172(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/35 qed jiġi kkalkulat. Fejn, għal jum speċifiku, l-aħħar livell ta' indiċi ta' ekwità ma jkunx disponibbli, ikun użat l-aktar livell aħħari reċenti qabel dak il-jum.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Novembru 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 tal-10 ta' Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvenza II) (ĠU L 12, 17.1.2015, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).
ANNESS
Indiċi u ponderazzjonijiet tal-ekwità
Indiċi tal-ekwità (indiċi tal-prezzijiet) |
Fatturi ta' ponderazzjoni |
AEX |
0,14 |
CAC 40 |
0,14 |
DAX |
0,14 |
FTSE All-Share Index |
0,14 |
FTSE MIB Index |
0,08 |
IBEX 35 |
0,08 |
Nikkei 225 |
0,02 |
OMX Stockholm 30 Index |
0,08 |
S&P 500 |
0,08 |
SMI |
0,02 |
WIG30 |
0,08 |