16.12.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 342/68 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2278
tal-15 ta' Diċembru 2016
dwar l-ekwivalenza tal-qafas regolatorju għall-kontropartijiet ċentrali fl-Emirati Għarab Magħquda skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivattivi OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 25(6) tiegħu,
Billi:
(1) |
Il-proċedura għar-rikonoxximent ta' kontropartijiet ċentrali (“CCPs”) stabbiliti f'pajjiżi terzi, stipulata fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, għandha l-għan li tippermetti lis-CCPs stabbiliti u awtorizzati f'pajjiżi terzi li għandhom standards regolatorji ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'dak ir-Regolament, li jipprovdu servizzi ta' kklirjar lill-membri tal-ikklirjar jew liċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni. Għalhekk, din il-proċedura ta' rikonoxximent u d-deċiżjonijiet ta' ekwivalenza previsti fiha jikkontribwixxu biex jintlaħaq l-għan ġenerali tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 li jitnaqqas ir-riskju sistemiku billi jiġi estiż l-użu ta' CCPs sikuri u sodi biex jikklerjaw il-kuntratti tad-derivattivi barra l-borża (“OTC”), inkluż fejn dawk is-CCPs ikunu stabbiliti u awtorizzati f'pajjiż terz. |
(2) |
Sabiex reġim legali ta' pajjiż terz jitqies bħala ekwivalenti għar-reġim legali tal-Unjoni fir-rigward ta' CCPs, l-eżitu sostantiv tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għandu jkun ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-Unjoni rigward l-objettivi regolatorji li jiksbu. L-iskop ta' din il-valutazzjoni ta' ekwivalenza huwa għaldaqstant li jiġi vverifikat li l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Emirati Għarab Magħquda (“EGħM”) jiżguraw li s-CCPs stabbiliti u awtorizzati hemmhekk ma jesponux lill-membri tal-ikklirjar u liċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni għal livell ogħla ta' riskju milli dawn tal-aħħar jistgħu jkunu esposti għalih minn CCPs awtorizzati fl-Unjoni u, bħala konsegwenza, ma joħolqux livelli inaċċettabbli ta' riskju sistemiku fl-Unjoni. Għalhekk, ir-riskji ferm aktar baxxi inerenti f'attivitajiet ta' kklirjar imwettqa fis-swieq finanzjarji li huma iżgħar mis-suq finanzjarju tal-Unjoni għandhom jiġu kkunsidrati b'mod partikolari. |
(3) |
Skont l-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, iridu jintlaħqu tliet kundizzjonijiet sabiex jiġi determinat li l-arranġamenti legali u superviżorji ta' pajjiż terz rigward is-CCPs awtorizzati hemmhekk huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'dak ir-Regolament. |
(4) |
Skont l-ewwel kundizzjoni, is-CCPs awtorizzati f'pajjiż terz iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. |
(5) |
Ir-rekwiżiti legalment vinkolanti tal-EGħM għas-CCPs awtorizzati fih jikkonsistu f'Regolamenti (“ir-Regolamenti”) maħruġa mill-Awtorità għat-Titoli u l-Komoditajiet tal-EGħM (SCA). Ir-regolamenti jistabbilixxu r-rekwiżiti li s-CCPs iridu jikkonformaw magħhom fuq bażi kontinwa biex ikunu jistgħu jipprovdu servizzi ta' kklerjar fl-EGħM. Dawn jikkonsistu fid-Deċiżjoni Nru. 157\R tal-2005 li tiddefinixxi Aġenzija tal-Ikklerjar u d-Deċiżjoni tal-Board tal-SCA Nru. 11 tal-2015 li tistabbilixxi r-rekwiżiti għas-CCPs. CCPs stabbiliti fl-EGħM għandhom jiġu awtorizzati mill-SCA. |
(6) |
L-SCA ħarġet regolament (Id-Deċiżjoni tal-Board tal-SCA Nru. 11 tal-2015) fejn is-CCPs awtorizzati fl-EGħM huma mitluba jirrispettaw il-Prinċipji għal Infrastrutturi tas-Swieq Finanzjarji (“il-PFMIs”) maħruġa f'April 2012 mill-Kumitat dwar is-Sistemi tal-Pagamenti u s-Saldu (2) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli. |
(7) |
Skont ir-regolamenti, is-CCPs għandhom jadottaw regoli u proċeduri interni li jiżguraw konformità mar-rekwiżiti kollha relevanti u li jinkludu l-aspetti rilevanti kollha relatati mal-funzjoni tagħhom, inklużi s-salvagwardji biex jimmaniġġjaw il-kreditu, il-likwidità u r-riskju operazzjonali. Dawk ir-regoli interni jeħtieġ li jiġu approvati mill-SCA. Barra minn hekk, dawk ir-regoli u proċeduri interni ma jistgħux jiġu emendati jekk il-SCA toġġezzjona għall-emendi intenzjonati. Barra minn hekk, il-metodoloġiji għall-kalkolu tar-riżorsi finanzjarji u x-xenarji ta' test tal-istress li tuża CCP huma suġġetti għall-approvazzjoni tal-SCA. |
(8) |
Ir-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli għas-CCPs awtorizzati fl-EGħM għalhekk jikkonsistu fi struttura fuq żewġ saffi. Il-prinċipji ewlenin li hemm fir-regolamenti, partikolarment id-Deċiżjoni tal-Bord tal-SCA Nru 11 tal-2015, tistabbilixxi l-istandards ta' livell għoli li s-CCPs iridu jikkonformaw magħhom sabiex jiksbu awtorizzazzjoni biex jipprovdu servizzi ta' kklerjar fl-EGħM. Dawn ir-regolamenti jinkludu l-ewwel saff ta' rekwiżiti legalment vinkolanti fl-EGħM. Ir-regoli u proċeduri interni tas-CCP jinkludu t-tieni saff ta' rekwiżiti legalment vinkolanti fl-EGħM. L-SCA tevalwa l-konformità tas-CCP mar-regolamenti u mal-PFMIs. Ladarba jiġu approvati mill-SCA, ir-regoli u l-proċeduri interni jsiru legalment vinkolanti fuq is-CCP. |
(9) |
Il-valutazzjoni ta' ekwivalenza tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għas-CCps stabbiliti fl-EGħM trid tqis ukoll l-eżitu tal-mitigazzjoni tar-riskju li huma jiżguraw f'termini tal-livell ta' riskju li l-membri tal-ikklirjar u ċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni jkunu esposti għalih meta jipparteċipaw f'dawk l-entitajiet. L-eżitu tal-mitigazzjoni tar-riskju huwa determinat kemm mill-livell ta' riskju inerenti fl-attivitajiet ta' kklirjar imwettqa mis-CCP ikkonċernata, li jiddependi mid-daqs tas-suq finanzjarju li topera fih, kif ukoll minn kemm huma xierqa l-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għas-CCPs biex inaqqsu dak il-livell ta' riskju. Sabiex jinkiseb eżitu ekwivalenti ta' mitigazzjoni tar-riskju, rekwiżiti ta' mitigazzjoni tar-riskju aktar stretti huma neċessarji għas-CCPs li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fi swieq finanzjarji ikbar li għandhom livell ta' riskju inerenti ogħla, minn dawk ta' CCPs li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fi swieq finanzjarji iżgħar li għandhom livell ta' riskju inerenti iktar baxx. |
(10) |
Is-suq finanzjarju fejn is-CCPs awtorizzati fl-EGħM iwettqu l-attivitajiet tal-ikklirjar tagħhom huwa ferm iżgħar minn dak fejn huma attivi s-CCPs stabbiliti fl-Unjoni. Tul l-aħħar tliet snin, il-valur totali tat-tranżazzjonijiet derivattivi kklerjati fl-EGħM irrappreżenta inqas minn 1 % tal-valur totali tat-tranżazzjonijiet ikklerjati fl-Unjoni. Għalhekk, il-parteċipazzjoni tas-CCPs stabbiliti fl-EGħM tesponi lill-membri tal-ikklirjar u liċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni għal riskji ferm iktar baxxi mill-parteċipazzjoni tagħhom f'CCPs awtorizzati fl-Unjoni. |
(11) |
L-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għas-CCPs stabbiliti fl-EGħM jistgħu għalhekk jitqiesu bħala ekwivalenti meta dawn ikunu xierqa biex itaffu dak il-livell iktar baxx ta' riskju. Ir-regolamenti applikabbli għas-CCPs awtorizzati fil-Ġappun, ikkumplimentati bir-regoli u l-proċeduri interni tagħhom li jimplimentaw il-PFMIs, jimmitigaw il-livell aktar baxx ta' riskju li jeżisti fl-EGħM, u jagħtu riżultat tal-mitigazzjoni tar-riskju li huwa ekwivalenti għal dak imfittex mir-Regolament (UE) Nru 648/2012. |
(12) |
Għalhekk għandu jiġi konkluż li l-arranġamenti legali u superviżorji tal-EGħM jiżguraw li s-CCPs awtorizzati hemm jikkonformaw ma' rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. |
(13) |
Skont it-tieni kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji tal-EGħM fir-rigward ta' CCPs awtorizzati hemm iridu jipprovdu għas-superviżjoni u l-infurzar effettivi ta' dawn is-CCPs fuq bażi kontinwa. |
(14) |
Is-superviżjoni tas-CCPs awtorizzati fl-EGħM titwettaq mill-SCA. L-SCA għandha s-setgħa li tagħmel monitoraġġ kontinwu tal-konformità tas-CCPs mar-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli għalihom. F'dan is-sens, l-SCA tista' titlob informazzjoni mis-CCPs, twettaq verifiki fuq il-post, toħroġ struzzjonijiet biex jiġi rimedjat kull ksur jew ksur potenzjali tar-rekwiżiti prudenzjali jew prattiki li huwa kontra l-funzjonament tajjeb tas-swieq finanzjarji, u tista' tordna lis-CCPs biex joħolqu miżuri ta' kontroll intern u ta' kontroll tar-riskju. L-SCA tista' wkoll tneħħi l-maniġment, xi membri ta' kumitati speċifiċi u aġenti oħra tas-CCP. Barra minn hekk, l-SCA għandha s-setgħa li tirrevoka l-awtorizzazzjoni ta' CCP. L-SCA tista' wkoll timponi miżuri ta' dixxiplina, kif ukoll multi, lis-CCPs għal nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli għalihom. |
(15) |
Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li s-CCPs awtorizzati fl-EGħM huma soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa. |
(16) |
Skont it-tielet kundizzjoni tal-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji tal-EGħM jridu jinkludu sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent ta' CCPs awtorizzati skont reġimi legali ta' pajjiżi terzi (“CCPs ta' pajjiżi terzi”). |
(17) |
L-SCA tista' tirrikonoxxi s-CCPs li huma awtorizzati f'pajjiżi terzi fejn l-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli jiżguraw riżultati simili għal dawk garantiti mill-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli fl-EGħM. Barra minn hekk, is-CCPs ta' pajjiżi terzi għandhom ikunu soġġetti għal superviżjoni effettiva li tiżgura konformità mal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli. Il-konklużjoni ta' memorandum ta' qbil bejn l-EGħM u l-awtorità superviżorja kompetenti tal-pajjiż terz tas-CCP applikanti hija meħtieġa wkoll sabiex jingħata r-rikonoxximent. |
(18) |
Għalhekk, għandu jitqies li l-arranġamenti legali u superviżorji tal-EGħM jipprevedu għal sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent ta' CCPs ta' pajjiż terz. |
(19) |
Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq ir-rekwiżiti legalment vinkolanti relatati ma' CCPs applikabbli fl-EGħM fiż-żmien tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-ESMA, għandha tkompli twettaq monitoraġġ fuq bażi regolari tal-evoluzzjoni tal-arranġamenti legali u superviżorji għas-CCPs fl-EGħM u s-sodisfar tal-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom ittieħdet din id-Deċiżjoni. |
(20) |
Ir-rieżami regolari tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli fl-EGħM għas-CCPs awtorizzati bihom għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Kummissjoni twettaq rieżami speċifiku fi kwalunkwe ħin barra l-ambitu tal-analiżi ġenerali, meta l-iżviluppi rilevanti jagħmluha neċessarja għall-Kummissjoni li tivvaluta mill-ġdid l-ekwivalenza mogħtija b'din id-Deċiżjoni. Valutazzjoni mill-ġdid bħal din tista' twassal għat-tħassir tad-Deċiżjoni. |
(21) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma bi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-finijiet tal-paragrafu 6 tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji tal-EGħM li jikkonsistu fir-Regolamenti maħruġa mill-Awtorità tal-EGħM għat-Titoli u l-Komoditajiet (SCA) kif ikkomplimentati mill-applikazzjoni stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Bord tal-SCA Nru 11 tal-2015, u applikabbli għas-CCPs awtorizzati hemmhekk jitqiesu li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Diċembru 2016.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.
(2) Mill-1 ta' Settembru 2014, il-Kumitat dwar is-Sistemi ta' Pagament u s-Saldu biddel ismu għal Kumitat dwar is-Sistemi ta' Pagament u tal-Infrastrutturi tas-Suq.