18.8.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 299/61 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tat-12 ta' Lulju 2016
dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2016 tas-Slovakkja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2016 tas-Slovakkja
(2016/C 299/15)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat ta' Politika Ekonomika,
Billi:
(1) |
Fis-26 ta' Novembru 2015, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2016. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fis-17–18 ta' Marzu 2016. Fis-26 ta' Novembru 2015, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih hija ma identifikatx lis-Slovakkja bħala wieħed mill-Istati Membri li fir-rigward tiegħu kellha ssir analiżi fil-fond. Fl-istess ġurnata, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Din ir-Rakkomandazzjoni ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fit-18-19 ta' Frar 2016 u adottat mill-Kunsill fit-8 ta' Marzu 2016 (3). Bħala pajjiż li l-munita tiegħu hija l-euro u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, is-Slovakkja għandha tiżgura l-implimentazzjoni bis-sħiħ u f'waqtha tar-Rakkomandazzjoni. |
(2) |
Ir-rapport għal kull pajjiż tal-2016 għas-Slovakkja ġie ppubblikat fis-26 ta' Frar 2016. Dan evalwa l-progress tas-Slovakkja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fl-14 ta' Lulju 2015 u l-progress tas-Slovakkja lejn il-miri nazzjonali Ewropa 2020 tagħha. |
(3) |
Fid-29 ta' April 2016, is-Slovakkja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha tal-2016 kif ukoll il-Programm ta' Stabbiltà tal-2016 tagħha. Sabiex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien. |
(4) |
Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej għall-perjodu 2014-2020. Kif kien previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn lill-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru li jirrieżamina u jipproponi emendi għall-Ftehim ta' Sħubija u għall-programmi rilevanti tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tista' tagħmel użu minn din id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej ma' governanza ekonomika soda. |
(5) |
Bħalissa s-Slovakkja qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta' Stabbiltà tiegħu għall-2016, il-Gvern qed jippjana biex itejjeb il-bilanċ nominali għal -1,9 % tal-PDG fl-2016 u gradwalment aktar għal -1,3 % tal-PDG fl-2017. Skont il-Programm ta' Stabbiltà, l-objettiv baġitarju ta' terminu medju — defiċit strutturali ta' 0,5 % tal-PDG — ikun intlaħaq fl-2019. Skont il-Programm ta' Stabbiltà, il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika mal-PDG huwa mistenni li jilħaq 52,9 % fl-2016, u li jkompli jonqos għal 47,3 % fl-2019. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa plawżibbli. Madankollu, il-miżuri meħtieġa biex isostnu l-miri tad-defiċit ppjanati mill-2017 'l quddiem għadhom ma ġewx speċifikati b'mod suffiċjenti. Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2016, is-Slovakkja hija f'riskju ta' xi devjazzjoni mill-objettiv baġitarju ta' terminu medju fl-2016, filwaqt li huwa mistenni li tikkonforma mal-aġġustament rakkomandat fl-2017 taħt politiki mhux mibdula. Abbażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-Programm ta' Stabbiltà u filwaqt li jitqies it-tbassir tar-rebbiegħa 2016 tal-Kummissjoni, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li s-Slovakkja hija mistennija li tikkonforma b'mod ġenerali mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Minkejja dan, ser jinħtieġu iktar miżuri biex tiżgura konformità fl-2016. Għal dan l-għan, wara dewmien fit-tul tal-adozzjoni tal-limiti massimi vinkolanti tan-nefqa u l-implimentazzjoni tal-programm “valur għall-flus” biex tiżdied l-effiċjenza tan-nefqa pubblika, ir-reviżjonijiet tan-nefqa huma ppjanati f'oqsma magħżula, se jkunu ta' importanza kritika. |
(6) |
Is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi fis-Slovakkja għadha sfida. Dan l-aktar minħabba t-tkabbir ipprojettat ta' kostijiet relatati mal-kostijiet tat-tixjiħ fuq il-kura tas-saħħa u l-pensjonijiet. Iż-żieda fin-nefqa tal-pensjoni fis-Slovakkja sal-2060 hija mistennija li tkun waħda mill-ogħla fl-Unjoni, xprunata mit-tixjiħ tal-popolazzjoni. L-età statutorja tal-irtirar fis-Slovakkja hija komparattivament baxxa, parzjalment minħabba fatturi ta' stennija tal-ħajja. In-nefqa fuq il-kura tas-saħħa hija l-mutur ewlieni ta' kostijiet relatati mat-tixjiħ. In-nefqa pubblika fuq is-saħħa hija pprojettata li tikber b'mod sostanzjali fit-tul, għalkemm minn livell komparattivament baxx. Minkejja xi titjib, l-indikaturi tas-saħħa għadhom baxxi ħafna fis-Slovakkja. Biex iżid il-kosteffettività tas-settur tal-kura tas-saħħa, il-Gvern qed jieħu miżuri kemm ta' kura fl-isptar kif ukoll ta' kura barra. Ikomplu sforzi biex jiġi introdott mudell integrat ta' kura. Is-suċċess ta' din ir-riforma x'aktarx jiddependi fuq is-sjieda tagħha mill-partijiet ewlenin kkonċernati, l-integrazzjoni taċ-ċentri ta' kura tas-saħħa u l-isptarijiet, u l-livelli adegwati ta' persunal. Minkejja miżuri adottati biex jillimitaw l-akkumulazzjoni ulterjuri ta' dejn fl-isptarijiet pubbliċi, bosta minnhom għadhom jinsabu f'sitwazzjoni finanzjarja fqira. Għad fadal sfidi fit-treġġigħ lura tax-xejriet ta' nefqa negattiva, bħall-kapaċità ta' ristrutturar tal-isptarijiet, l-introduzzjoni prospettiva ta' sistema ta' rimborż u żieda fil-kompetizzjoni fl-akkwist pubbliku fil-qasam tal-kura tas-saħħa. Fir-rigward tal-kura għal pazjenti ta' barra, ir-rwol dgħajjef ta' kustodja tat-tobba tal-familja huwa parzjalment minħabba diviżjoni subottimali ta' kompetenzi bejn it-tobba tal-familja u l-ispeċjalisti u tiffavorixxi r-rikors għal kura speċjalizzata li tiswa' iktar. Fir-rigward tat-tassazzjoni, il-miżuri tal-gvern għall-ġlieda kontra l-frodi fiskali kkontribwew għal ġbir tat-taxxi mtejba, b'mod partikolari fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). Madanakollu, id-differenza fil-VAT tibqa' għolja, u dan jindika sfida ta' konformità kontinwa. Enfasi qawwija fuq il-ġbir tal-VAT fi snin reċenti naqqset l-attenzjoni minn fuq oqsma oħra ta' tassazzjoni bħat-taxxa fuq id-dħul. Barra minn hekk, fokus fuq l-awditjar ħalla rwoli oħra ta' amministrazzjoni tat-taxxa bħall-ġbir tat-taxxa fuq id-dejn sottożviluppati. Dan jissuġġerixxi li għad hemm skop għal titjib ta' allokazzjoni ta' riżorsi fi ħdan is-sistema tat-taxxa. Għadha ma ġietx żviluppata strateġija biex jiġu definiti l-miri ta' konformità. |
(7) |
Minkejja titjib fis-suq tax-xogħol li rriżulta mill-irkupru ekonomiku tajjeb u l-miżuri reċenti ta' politika, il-qgħad ta' terminu twil għadu problema. Ir-rata ta' qgħad ta' terminu twil tkompli tkun waħda mill-ogħla fl-Unjoni (7,6 % meta mqabbla ma' 4,3 % fl-Unjoni kollha fit-tielet kwart tal-2015). B'mod partikolari taffettwa r-Rom marġinalizzati, dawk bi ftit kompetenzi professjonali u ż-żgħażagħ. Ittieħdu miżuri biex jiġi indirizzat il-qgħad fil-qasam tal-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, impjieg issussidjat u l-konsulenza għall-impjieg. Madanakollu, l-implimentazzjoni b'suċċess tal-parti l-kbira ta' dawn ir-riformi tiddependi fuq il-kapaċità tas-servizz tal-impjieg pubbliku. Minkejja r-riorganizzazzjoni tal-Uffiċċju Ċentrali tax-Xogħol u aċċess imtejjeb għat-taħriġ, għad hemm diffikultajiet fl-introduzzjoni tal-appoġġ individwalizzat għal dawk li jinsabu f'qgħad fit-tul u għal gruppi vulnerabbli. Il-parteċipazzjoni tar-Rom fis-suq tax-xogħol Slovakk għadha baxxa ħafna u l-progress fiż-żieda tar-rata ta' impjieg tagħhom għadu kajman. Livelli baxxi ta' edukazzjoni u ħiliet u diskriminazzjoni huma fatturi li jaffettwaw il-parteċipazzjoni fqira tagħhom fis-suq tax-xogħol. Ir-rata baxxa ta' impjieg tan-nisa ta' età riproduttiva jirrifletti l-liv tal-ġenituri għal perjodi itwal (sa tliet snin), in-nuqqas ta' faċilitajiet għall-kura tat-tfal, b'mod partikolari t-tfal ta' taħt l-età ta' tliet snin, il-kostijiet għolja tal-akkoljenza tat-tfal u l-użu limitat ta' arranġamenti għal ħinijiet tax-xogħol flessibbli. Barra minn hekk, għadhom jippersistu differenzi reġjonali — ir-rata tal-qgħad fis-Slovakkja tal-Lvant xorta hija d-doppju ta' dik fi Bratislava. Rigward il-governanza ta' servizzi tas-suq tax-xogħol, miżuri li ttieħdu f'dawn l-aħħar xhur ma jipprevedux approċċ imfassal apposta biex jindirizzaw l-isfidi strutturali tas-suq tax-xogħol Slovakk. |
(8) |
Is-sistema edukattiva mhijiex immirata biżżejjed biex iżżid il-potenzjal ekonomiku tas-Slovakkja. L-eżiti fl-edukazzjoni huma baxxi skont l-istandards internazzjonali u ddeterjorat aktar. Dan huwa l-aktar marbut man-nuqqas ta' adegwatezza tal-edukazzjoni tal-għalliema u l-attraenza baxxa tal-professjoni tat-tagħlim. Minkejja żieda ta' 4 % fis-salarji għall-għalliema fl-2016, pagi baxxi u nuqqas ta' taħriġ prattiku huma fost il-fatturi li jagħmlu l-professjoni mhux attraenti għaż-żgħażagħ. Il-leġiżlazzjoni kontra s-segregazzjoni adottata dan l-aħħar għadha ma ġietx implimentata biex isseħħ bidla pożittiva u tiżdied il-parteċipazzjoni tar-Rom fis-sistema tradizzjonali tal-edukazzjoni, inkluża l-edukazzjoni preprimarja. |
(9) |
L-amministrazzjoni pubblika għadha mxekkla mill-ineffiċjenza. Il-koordinazzjoni effettiva għadha nieqsa, minħabba l-organizzazzjoni frammentata u riġida tal-amministrazzjoni pubblika. L-adozzjoni tal-Istrateġija dwar il-Ġestjoni tar-Riżorsi Umani f'Ottubru 2015 hija pass pożittiv 'il quddiem. Madanakollu, l-Att il-ġdid dwar is-Servizz Ċivili, li huwa prerekwiżit neċessarju għall-implimentazzjoni b'suċċess tiegħu, għadu ma ġiex adottat. Il-Gvern ħa bosta miżuri biex jindirizza l-korruzzjoni, iżda l-impatt tagħhom sa issa kien limitat. B'mod partikolari, is-Slovakkja għandha storja limitata dwar il-bidu ta' proċessi kriminali u l-prosekuzzjoni ta' każijiet ta' korruzzjoni, inklużi prattiki illegali fl-akkwist pubbliku. Il-proċeduri ta' permessi ta' bini għal proġetti ta' infrastruttura fuq skala kbira fl-investiment ġew imqassra. Governanza mhux konsolidata, nuqqas ta' tfassil ta' proċeduri ta' akkwist pubbliku bbażati fuq l-evidenza, il-professjonalità dgħajfa, kunflitti ta' interess, speċifikazzjonijiet ta' offerti mfassla skont il-ħtiġijiet u l-użu eċċessiv ta' kriterji tal-għoti tal-prezz l-aktar baxx jillimita l-kompetizzjoni bbażata fuq il-kwalità. Dgħufijiet fl-akkwist pubbliku huma ripetutament irrappurtati li jaffettwaw l-effiċjenza tal-allokazzjoni ta' riżorsi pubbliċi. Bidliet frekwenti fil-leġiżlazzjoni u proċeduri amministrattivi u rekwiżiti burokratiċi jaffettwaw in-negozji fis-Slovakkja. Ostakli amministrattivi u regolatorji għolja fir-rigward ta' wħud mis-servizzi professjonali u industriji li jużaw netwerk, dgħufijiet f'ċerti oqsma bħall-infurzar tal-kuntratti u r-riżoluzzjoni tal-insolvenza u tħassib fit-tul rigward il-kwalità tas-sistema ġudizzjarja jagħmlu ħsara lill-ambjent tan-negozju u jiskoraġġixxu l-investiment. Ittieħdu xi miżuri biex jiġi ffaċilitat in-negozju, bħaċ-Ċentru għal Regolamentazzjoni aħjar, li ġie stabbilit f'Ottubru 2015, u t-tnedija taċ-Ċentru Nazzjonali għan-Negozju kmieni fl-2016. Madanakollu, l-adozzjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (SBA) taħt l-Istrateġija ta' Żvilupp tal-SMEs ġie pospost. |
(10) |
Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tas-Slovakkja u ppublikatha fir-rapportar tal-pajjiż tal-2016. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Stabbiltà u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lis-Slovakkja fis-snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fis-Slovakkja imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-UE billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet Nri (1) sa (3) ta' hawn taħt. |
(11) |
Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Stabbiltà, u l-opinjoni tiegħu (5) hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta' hawn taħt. |
B'DAN JIRRAKKOMANDA li s-Slovakkja tieħu azzjoni fl-2016 u l-2017 biex:
1. |
Tikseb aġġustament fiskali annwali ta' 0,25 % tal-PDG lejn l-objettiv baġitarju ta' terminu medju fl-2016 u ta' 0,5 % tal-PDG fl-2017. Itejjeb il-kosteffettività tas-sistema tas-saħħa. Tieħu miżuri biex iżżid il-konformità tat-taxxa. |
2. |
Ittejjeb miżuri ta' attivazzjoni għal dawk qiegħda fit-tul u gruppi oħra żvantaġġati inklużi s-servizzi individwalizzati u t-taħriġ immirat. Tiffaċilita l-impjieg tan-nisa, b'mod partikolari billi testendi d-dispożizzjoni ta' kura tat-tfal affordabbli u ta' kwalità. Ittejjeb l-eżiti tal-edukazzjoni billi trendi l-professjoni tat-tagħlim iktar attraenti u billi żżid il-parteċipazzjoni tat-tfal Rom minn età bikrija fl-edukazzjoni prinċipali. |
3. |
Tikkonsolida l-governanza, issaħħaħ il-bidla minn kompetizzjoni bbażata fuq il-prezz biss għal kompetizzjoni bbażata fuq il-kwalità u ttejjeb il-prosekuzzjoni ta' prattiki illegali fl-akkwist pubbliku. Ittejjeb it-trasparenza, il-kwalità u l-effettività tal-ġestjoni tar-riżorsi umani fl-amministrazzjoni pubblika, b'mod partikolari bl-adozzjoni ta' att ġdid dwar is-servizz pubbliku, u l-effettività tas-sistema ġudizzjarja. Tadotta pjan komprensiv biex tindirizza l-ostakli amministrattivi u regolatorji għan-negozji. |
Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Lulju 2016.
Għall-Kunsill
Il-President
P. KAŽIMÍR
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).
(5) Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.