5.7.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 172/32 |
DEĊIŻJONI (UE) 2017/1198 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tas-27 ta' Ġunju 2017
dwar ir-rapportar ta' pjanijiet ta' finanzjament ta' istituzzjonijiet ta' kreditu minn awtoritajiet kompetenti nazzjonali lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2017/21)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u ma' awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (BĊE/2014/17) (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 21 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Bord Superviżorju,
Billi:
(1) |
Fid-19 ta' Ġunju 2014, l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) adottat il-Linji Gwida tagħha fuq definizzjonijiet u mudelli armonizzati għal pjanijiet ta' finanzjament ta' istituzzjonijiet ta' kreditu skont ir-Rakkomandazzjoni A4 tal-BERS/2012/2 (3) (iktar 'il quddiem il-“Linji Gwida tal-ABE”). Il-Linji Gwida tal-ABE jridu jistabbilixxu prattiki superviżorji konsistenti, effiċjenti u effettivi bl-armonizzazzjoni ta' mudelli u definizzjonijiet għall-faċilitazzjoni tar-rapportar tal-pjanijiet ta' finanzjament mill-istituzzjonijiet ta' kreditu. |
(2) |
Il-Linji Gwida tal-ABE huma indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti, kif iddefiniti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u lil istituzzjonijiet li jirrapportaw pjanijiet ta' finanzjament lill-awtoritjaiet kompetenti tagħhom skont il-qafas ta' implimentazzjoni nazzjonali tar-Rakkomandazzjoni BERS/2012/2 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (5). |
(3) |
Għall-fini esklussiv tat-twettiq tal-kompiti kkonferiti fuqu bl-Artikoli 4(1) u (2) u 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jitqies, skont il-każ, bħala l-awtorità kompetenti jew l-awtorità nominata fl-Istati Membri parteċipanti kif stabbilit mill-atti rilevanti tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, il-BĊE huwa l-indirizzat tal-Linji Gwida tal-ABE fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta' kreditu li huma kklassifikati bħala sinifikanti skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013. |
(4) |
Sabiex jikkonforma mal-Linji Gwida tal-ABE, il-BĊE għandu jiżgura li istituzzjonijiet ta' kreditu sinifikanti jirrapportaw il-pjanijiet ta' finanzjament tagħhom skont il-mudelli u d-definizzjonijiet armonizzati msemmija fil-mudell tal-pjan ta' finanzjament marbut mal-Linji Gwida tal-ABE. |
(5) |
Skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, u l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17), mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-BĊE li jirċievi direttament informazzjoni rrapportata mill-istituzzjonijniet ta' kreditu, jew li jkollu aċċess dirett għal dik l-informazzjoni fuq bażi kontinwa, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jipprovdu speċifikament lill-BĊE bl-informazzjoni meħtieġa kollha għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti mogħtija lill-BĊE permezz tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013. |
(6) |
Fid-dawl tal-fatt li l-informazzjoni dwar il-pjanijiet ta' finanzjament huma neċessarji għall-finijiet mikro u makroprudenzjali, il-BĊE iddeċieda li jeħtieġ mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jipprovduh bil-pjanijiet ta' finanzjament tal-istituzzjonijiet ta' kreditu. |
(7) |
Il-mod kif l-awtorità nazzjonali kompetenti tipprovdi lill-BĊE bil-pjanijiet ta' finanzjament għandu jiġi speċifikat. B'mod partikolari, għandhom jiġu speċifikati il-format, il-frekwenza u l-waqt ta' kull sottomissjoni ta' informazzjoni, kif ukoll id-dettalji tal-kontrolli tal-kwalità li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom iwettqu qabel ma jissottomettu informazzjoni lill-BĊE. |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Kamp ta' applikazzjoni
Din id-Deċizjoni teħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jipprovdu pjanijiet ta' finanzjament ta' ċerti istituzzjonijiet sinifikanti u inqas sinifikanti lill-BĊE, u tistabbilixxi proċeduri dwar is-sottomissjoni lill-BĊE ta' dawn il-pjanijiet ta' finanzjament.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din il-Linja Gwida, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li jinsabu fir-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17), flimkien mad-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
“istituzzjoni ta' kreditu sinifikanti” tfisser istituzzjoni ta' kreditu li għandha status ta' entità sinifikanti taħt superviżjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17); u |
(2) |
“istituzzjoni ta' kreditu inqas sinifikanti” tfisser istituzzjoni ta' kreditu li m'għandhiex status ta' entità sinifikanti taħt superviżjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17). |
Artikolu 3
Rekwiżiti għal rapportar ta' pjanijiet ta' finanzjament
1. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jipprovdu lill-BĊE bi pjanijiet ta' finanzjament li huma konformi mal-Linji Gwida tal-ABE tal-istituzzjonijiet ta' kreditu li ġejjin stabbiliti fl-Istati Membri rispettivi tagħhom:
(a) |
istituzzjonijiet ta' kreditu sinifikanti taħt superviżjoni fl-ogħla livell ta' konsolidazzjoni fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti; |
(b) |
istituzzjonijiet ta' kreditu sinifikanti li ma humiex parti minn grupp taħt superviżjoni fuq bażi individwali; |
(c) |
istituzzjonijiet ta' kreditu inqas sinifikanti li dwarhom l-awtorità kompetenti nazzjonali rilevanti hija obbligata tirrapporta lill-ABE l-pjanijiet ta' finanzjament rilevanti skont id-Deċiżjoni EBA/DC/2015/130 tal-Awtorità Bankarja Ewropea (6) fuq bażi kkonsolidata jew fuq bażi individwali jekk dawk l-istituzzjonijiet mhumiex parti minn grupp taħt superviżjoni. |
2. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jiġbru l-pjanijiet ta' finanzjament ta' istituzzjonijiet ta' kreditu sinifikanti li ma hemmx riferiment għalihom fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 għandhom jipprovdu dawn il-pjanijiet finanzjament lill-BĊE jekk jikkonformaw mal-Linji Gwida tal-ABE.
3. Il-pjanijiet ta' finanzjament għandhom jiġu ssottomessi lill-BĊE skont il-mudelli u d-definizzjonijiet armonizzati msemmija fil-mudell tal-pjan ta' finanzjament mehmuż mal-Linji Gwida tal-ABE. Il-pjanijiet ta' finanzjament għandu jkollhom data ta' referenza tal-31 ta' Diċembru tas- sena ta' qabel.
Artikolu 4
Dati ta' spedizzjoni
1. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jissottomettu l-pjanijiet ta' finanzjament tal-istituzzjoni ta' kreditu sinifikanti msemmija fl-Artikolu 3(1)(a) u (b) lill-BĊE sal-10 jum tax-xogħol wara d-dati ta' trasferiment imsemmija fil-paragrafu 8 tal-Linji Gwida tal-ABE.
2. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jissottomettu l-pjanijiet ta' finanzjament tal-istituzzjonijiet ta' kreditu msemmija fl-Artikolu 3(1)(c) u l-Artikolu 3(2) tal-BĊE sa 12.00 CET fid-dati sa meta l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jissottomettu pjanijiet ta' finanzjament lill-ABE skont il-paragrafu 8 tal-Linji Gwida tal-ABE.
Artikolu 5
Kontrolli tal-kwalità tad-dejta
1. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jimmoniterjaw u jiżguraw il-kwalità u l-affidabbiltà tad-dejta li titpoġġa għad-dispożizzjoni tal-BĊE. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom japplikaw ir-regoli ta' validazzjoni żviluppati u miżmuma mill-ABE u għandhom japplikaw il-kontrolli tal-kwalità tad-dejta addizzjonali ddefiniti mill-BĊE b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.
2. Minbarra l-konformità mar-regoli ta' validazzjoni u l-kontrolli tal-kwalità, id-dejta għandha tiġi ppreżentata skont l-istandards minimi addizzjonali li ġejjin għall-finijiet ta' preċiżjoni:
(a) |
l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jipprovdu informazzjoni, jekk applikabbli, dwar l-iżviluppi sottointiżi mid-dejta ppreżentata; u |
(b) |
l-informazzjoni għandha tkun kompleta: il-lakuni eżistenti għandhom jiġu rikonoxxuti, spjegati lill-BĊE u, jekk applikabbli, għandhom jiġu solvuti mingħajr dewmien żejjed. |
Artikolu 6
Informazzjoni kwalitattiva
1. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jissottomettu lill-BĊE mingħajr dewmien żejjed l-ispjegazzjonijiet korrispondenti f'każ li l-kwalità tad-dejta għal tabella partikolari fit-tassonomija ma tkunx iġġustifikata.
2. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jikkomunikaw lill-BĊE r-raġunijiet għal kull reviżjoni sinifikanti ppreżentata.
Artikolu 7
Speċifikazzjoni tal-format tat-trasmissjoni
1. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jissottomettu d-dejta speċifikata f'din id-Deċiżjoni bl-użu tal-eXtensible Business Reporting Language taxonomy sabiex jipprovdu format tekniku uniformi għall-iskambju ta' dejta li tirrigwarda l-Linji Gwida tal-ABE.
2. L-entitajiet taħt superviżjoni għandhom jiġu identifikati fit-trasmissjoni korrispondenti bl-użu ta' Legal Entity Identifier [Identifikatur tal-Entità Legali].
Artikolu 8
L-ewwel dati ta' referenza tar-rapportar
L-ewwel data ta' referenza għar-rapportar bis-saħħa tal-Artikolu 3 għandha tkun il-31 ta' Diċembru 2017.
Artikolu 9
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċìżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-indirizzati.
Artikolu 10
Indirizzati
Din id-Deciżjoni hija indirizzata lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri partecipanti.
Magħmula fi Frankfurt am Main, is-27 ta' Ġunju 2017.
Il-President tal-BĊE
Mario DRAGHI
(1) ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.
(2) ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1.
(3) ABE/GL/2014/04.
(4) Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).
(5) Rakkomandazzjoni BERS/2012/2 tal-Bord Ewropew dwar ir-Rskju Sistemiku tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-finanzjament ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU C 119, 25.4.2013, p. 1).
(6) Deċiżjoni ABE/DC/130 tal-Awtorità Bankarja Ewropew tat-23 ta' Settembru 2015 dwar rapportar mill-awtoritajiet kompetenti lill-ABE.