17.1.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 12/22 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (Euratom) 2017/76
tal-21 ta' Novembru 2016
li tapprova l-konklużjoni, mill-Kummissjoni Ewropea, f'isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Protokoll għall-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 101 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, (“l-FSA”) ġie ffirmat fis-16 ta' Ġunju 2008 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2015 (1). |
(2) |
Ir-Repubblika tal-Kroazja saret Stat Membru tal-Unjoni fl-1 ta' Lulju 2013. |
(3) |
F'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tal-Att tal-2012 dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tal-Kroazja mal-FSA għandha tiġi miftiehma permezz tal-konklużjoni ta' protokoll għall-FSA bejn il-Kunsill, li jaġixxi unanimament f'isem l-Istati Membri, u mill-pajjiż terz ikkonċernat. |
(4) |
Fl-24 ta' Settembru 2012, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mal-Bożnija-Ħerzegovina sabiex tikkonkludi protokoll għall-FSA. |
(5) |
Dawk in-negozjati tlestew b'suċċess u l-Protokoll għall-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Bożnja-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (“il-Protokoll”) ġie inizjalat fit-18 ta' Lulju 2016. |
(6) |
Il-Protokoll ikopri kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. |
(7) |
Il-konklużjoni, mill-Kummissjoni, f'isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Protokoll għandha tiġi approvata fir-rigward ta' kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. |
(8) |
L-iffirmar u l-konklużjoni tal-Protokoll huma s-soġġett ta' proċedura separata fir-rigward ta' kwistjonijiet li jaqgħu taħt it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-konklużjoni mill-Kummissjoni Ewropea, f'isem il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, tal-Protokoll għall-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (2) hija b'dan approvata.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Novembru 2016.
Għall-Kunsill
Il-President
P. PLAVČAN
(1) ĠU L 164, 30.6.2015, p. 2.
(2) Ara l-paġna 3 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.