9.6.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 146/141 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/973
tat-8 ta' Ġunju 2017
li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (*1) (EULEX KOSOVO)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 28, l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni,
Billi:
(1) |
Fl-4 ta' Frar 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK (1). |
(2) |
Fl-14 ta' Ġunju 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/947 (2), li emendat l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK, estendiet il-mandat ta' EULEX KOSOVO sal-14 ta' Ġunju 2018 u pprovdiet ammont ta' referenza finanzjarja ġdid għall-implimentazzjoni tal-mandat tagħha fil-Kosovo sal-14 ta' Diċembru 2016 u biex tappoġġa l-proċedimenti ġudizzjarji rilokati fi Stat Membru sal-14 ta' Ġunju 2017. |
(3) |
Fl-14 ta' Novembru 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/1990 (3) li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK, li tipprevedi ammont ta' referenza finanzjarja għall-perijodu sal-14 ta' Ġunju 2017. |
(4) |
Jenħtieġ li jiġi pprovdut ammont ta' referenza ġdid għall-implimentazzjoni tal-mandat ta' EULEX KOSOVO sal-14 ta' Ġunju 2018. |
(5) |
Xejn f'din id-Deċiżjoni ma għandu jiġi interpretat fis-sens li jippreġudika l-indipendenza u l-awtonomija tal-imħallfin u l-prosekuturi. |
(6) |
Minħabba l-karattru speċjali tal-attivitajiet ta' EULEX KOSOVO b'appoġġ għall-proċedimenti ġudizzjarji rilokati fi Stat Membru, huwa xieraq li jiġi identifikat f'din id-Deċiżjoni l-ammont previst biex ikopri l-appoġġ għall-proċedimenti ġudizzjarji rilokati fi Stat Membru u biex tiġi prevista l-implimentazzjoni ta' dik il-parti tal-baġit permezz ta' għotja. |
(7) |
Jenħtieġ li l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK tiġi emendata skont dan. |
(8) |
EULEX KOSOVO ser titmexxa fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' timpedixxi l-ksib tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 16(1) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK, il-ħdax-il subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:
“L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa ta' EULEX KOSOVO mill-15 ta' Ġunju 2017 sal-14 ta' Ġunju 2018 għandu jkun ta' EUR 90 914 000.
Mill-ammont imsemmi fil-ħdax-il subparagrafu, l-ammont maħsub biex ikopri n-nefqa ta' EULEX KOSOVO għall-implimentazzjoni tal-mandat tagħha fil-Kosovo għandu jkun ta' EUR 49 600 000 u l-ammont maħsub biex ikopri l-appoġġ għall-proċedimenti ġudizzjarji rilokati fi ħdan Stat Membru għandu jkun ta' EUR 41 314 000.
Il-Kummissjoni għandha tiffirma ftehim ta' għotja ma' reġistratur li jaġixxi f'isem reġistru inkarigat mill-amministrazzjoni tal-proċedimenti ġudizzjarji rilokati għal l-ammont ta' EUR 41 314 000. Ir-regoli dwar l-għotjiet previsti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2) għandhom japplikaw għal dan il-ftehim ta' għotja.
L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-perijodu sussegwenti għal EULEX KOSOVO għandu jiġi deċiż mill-Kunsill.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-8 ta' Ġunju 2017.
Għall-Kunsill
Il-President
U. REINSALU
(*1) Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244 (1999) u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
(1) Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/124/PESK tal-4 ta' Frar 2008 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX KOSOVO (ĠU L 42, 16.2.2008, p. 92).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/947 tal-14 ta' Ġunju 2016 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (EULEX KOSOVO) (ĠU L 157, 15.6.2016, p. 26).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1990 tal-14 ta' Novembru 2016 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (EULEX KOSOVO) (ĠU L 306, 15.11.2016, p. 16).