5.7.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 172/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/1190
tat-12 ta' Ġunju 2017
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-GNSS bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżvizzera stabbilit permezz tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-Programmi Ewropej tan-Navigazzjoni bis-Satellita rigward l-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 172 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Il-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-Programmi Ewropej tan-Navigazzjoni bis-Satellita (1) (“il-Ftehim”) ilu japplika b'mod provviżorju mill-1 ta' Jannar 2014 fir-rigward ta' elementi li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni. |
(2) |
L-Artikolu 20 tal-Ftehim jistabbilixxi l-Kumitat tal-GNSS bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżvizzera (“il-Kumitat Konġunt”) u jipprevedi li dan għandu jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tiegħu. |
(3) |
Għalhekk, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat Konġunt, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-GNSS bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżvizzera (“il-Kumitat Konġunt”) stabbilit permezz tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-Programmi Ewropej tan-Navigazzjoni bis-Satellita rigward l-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
2. Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt jistgħu jaqblu dwar bidliet żgħar fl-abbozz tad-Deċiżjoni mingħajr ebda deċiżjoni oħra tal-Kunsill.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-12 ta' Ġunju 2017.
Għall-Kunsill
Il-President
C. CAMILLERI
ABBOZZ
DEĊIŻJONI Nru 1/2017 TAL-KUMITAT TAL-GNSS BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-IŻVIZZERA
ta' …
dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu
IL-KUMITAT TAL-GNSS BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-IŻVIZZERA,
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita, u b'mod partikolari l-Artikolu 20 tiegħu,
Billi:
(1) |
Il-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-Programmi Ewropej tan-Navigazzjoni bis-Satellita (1) (“il-Ftehim”) ilu japplika b'mod provviżorju bejn il-Konfederazzjoni Żvizzera (“Żvizzera”) u l-Unjoni mill-1 ta' Jannar 2014 fir-rigward ta' elementi li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni. |
(2) |
F'konformità mal-Artikolu 20(2) tal-Ftehim, il-Kumitat tal-GNSS bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżvizzera (“il-Kumitat Konġunt”) għandu jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tiegħu. |
(3) |
F'konformità mal-Artikolu 20(4) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt jista' jiddeċiedi li jistabbilixxi gruppi ta' ħidma jew gruppi ta' esperti sabiex jassistuh fit-twettiq tal-kompiti tiegħu. |
(4) |
F'konformità mal-Artikolu 27(2) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Iżvizzera u tal-Unjoni matul l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu Uniku
Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat Konġunt, kif stipulati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni, huma b'dan adottati.
Magħmul bl-Ingliż fi Brussell u f'Berna, […] u […], rispettivament.
Għall-Kumitat Konġunt
Il-President
Is-Segretarju għall-Unjoni Ewropea
Is-Segretarju għall-Iżvizzera
ANNESS
REGOLI TA' PROĊEDURA TAL-KUMITAT TAL-GNSS BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-IŻVIZZERA (“IL-KUMITAT KONĠUNT”)
Artikolu 1
Kompożizzjoni tal-Kumitat Konġunt
1. Il-Kumitat Konġunt għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) u tal-gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea min-naħa waħda, u minn rappreżentanti tal-Gvern Federali tal-Konfederazzjoni Żvizzera (Żvizzera) min-naħa l-oħra. Iż-żewġ naħat, minn hawn 'il quddiem, għandhom jissejħu b'mod individwali bħala “l-Parti” jew b'mod konġunt bħala “l-Partijiet”.
2. Ir-rappreżentanti tal-Partijiet jistgħu jkunu akkumpanjati minn uffiċjali oħra li jaġixxu f'isem il-Partijiet.
3. Matul l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim il-Kumitat Konġunt għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Iżvizzera, min-naħa waħda, u minn rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea, min-naħa l-oħra.
Artikolu 2
Presidenza
1. Il-presidenza tal-Kumitat Konġunt għandha talterna bejn il-Partijiet kull 12-il xahar.
Il-presidenza għandha tinżamm mill-Iżvizzera matul is-sena li fiħ jidħol fis-seħħ il-Ftehim.
2. Il-Parti li jkollha l-presidenza għandha taħtar il- president tal-Kumitat Konġunt, kif ukoll is-sostitut tiegħu.
3. Il-President għandu jmexxi x-xogħol tal-Kumitat Konġunt.
4. Matul l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim, id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw mutatis mutandis.
Artikolu 3
Osservaturi
Il-Kumitat Konġunt jista' jiddeċiedi, bi ftehim komuni bejn il-Partijiet, li jistieden esperti jew rappreżentanti ta' korpi oħra biex jattendu l-laqgħat tal-Kumitat Konġunt bħala osservaturi sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġetti speċifiċi. Il-Kumitat Konġunt għandu jaqbel dwar it-termini u l-kundizzjonijiet li bihom dawn l-osservaturi jkunu jistgħu jattendu l-laqgħat.
Artikolu 4
Segretarjat
1. Uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u uffiċjal tal-Gvern tal-Iżvizzera għandhom jaġixxu b'mod konġunt bħala Segretarji tal-Kumitat Konġunt.
2. Is-Segretarji tal-Kumitat Konġunt għandhom ikun responsabbli għall-komunikazzjoni bejn il-Partijiet, inkluża t-trażmissjoni ta' dokumenti.
3. Il-funzjonijiet tas-segretarjat jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Parti li jkollha l-presidenza.
Artikolu 5
Laqgħat tal-Kumitat Konġunt
1. Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa' kif u meta meħtieġ, fil-prinċipju darba fis-sena.
Il-President għandu jsejjaħ, wara konsultazzjoni mal-Partijiet, il-laqgħa tal-Kumitat Konġunt f'ħin u f'post miftiehma b'mod reċiproku. Jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk jistgħu jsiru wkoll konferenzi telefoniċi u vidjokonferenzi.
Il-President għandu jsejjaħ sessjoni speċjali tal-Kumitat Konġunt kemm fuq talba tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-Iżvizzera.
Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa' fi żmien 15-il jum kalendarju minn meta ssir talba skont l-Artikolu 22(2) tal-Ftehim.
2. Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa' fi Brussell jew fl-Iżvizzera, skont il-Parti li jkollha l-presidenza, sakemm il-Partijiet ma jiftiehmux mod ieħor.
3. Il-President għandu jibgħat l-avviż dwar il-konvokazzjoni tal-laqgħa, flimkien mal-abbozz tal-aġenda u d-dokumenti għal-laqgħa, lir-rappreżentanti tal-Partijiet mill-anqas 21 jum kalendarju qabel il-laqgħa. Id-dokumenti għal-laqgħat imsejħa f'konformità mal-Artikolu 22(2) tal-Ftehim, għandhom jintbagħtu mill-anqas sebat ijiem kalendarji qabel il-laqgħa.
4. Il-President jista', bi ftehim mal-Partijiet, iqassar il-limiti ta' żmien stipulati fil-paragrafu 3 sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet ta' kwistjoni partikolari.
5. Mill-inqas sebat ijiem kalendarji qabel kull laqgħa, il-President għandu jiġi infurmat dwar il-kompożizzjoni tad-delegazzjoni ta' kull Parti.
6. Il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt ma għandhomx ikunu pubbliċi sakemm il-Partijiet ma jiddeċidux mod ieħor.
Artikolu 6
Aġenda
1. Il-President, assistit mis-Segretarji, għandu jfassal l-aġenda provviżorja għal kull laqgħa.
2. Kull Parti tista' tipproponi li jiżdiedu elementi addizzjonali fl-aġenda. Kull talba għandha tkun debitament sostanzjata u mibgħuta bil-miktub lill-President mill-anqas sebat ijiem kalendarji qabel il-laqgħa.
3. Il-Kumitat Konġunt għandu japprova l-aġenda fil-bidu tal-laqgħa.
Artikolu 7
Gruppi ta' ħidma tal-Kumitat Konġunt
1. Il-kompożizzjoni u l-funzjonament tal-gruppi ta' ħidma jew tal-gruppi ta' esperti li għandhom jiġu stabbiliti f'konformità mal-Artikolu 20(4) tal-Ftehim għandhom jiġu miftiehma abbażi ta' mandat stabbilit mill-Kumitat Konġunt.
2. Il-gruppi ta' ħidma jew il-gruppi ta' esperti għandhom japplikaw dawn ir-Regoli ta' Proċedura mutatis mutandis.
3. Il-gruppi ta' ħidma jew il-gruppi ta' esperti għandhom jaħdmu taħt l-awtorità tal-Kumitat Konġunt u jibagħtulu rapport wara kull laqgħa li jkollhom. Dawn m'għandhomx ikunu awtorizzati li jieħdu deċiżjonijiet, iżda jistgħu jressqu rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat Konġunt.
4. Il-Kumitat Konġunt jista' jiddeċiedi, f'konformità mal-Artikolu 8 ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura li jemenda jew li jtemm il-mandat tal-gruppi ta' ħidma jew tal-gruppi ta' esperti.
Artikolu 8
Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1. Il-Kumitat Konġunt għandu jieħu d-deċiżjonijiet u jfassal ir-rakkomandazzjonijiet permezz ta' ftehim komuni bejn il-Partijiet f'konformità mal-Ftehim. Dawn għandhom ikollhom it-titolu “Deċiżjoni” jew “Rakkomandazzjoni”, segwiti b'numru ta' sekwenza, id-data tal-adozzjoni u referenza għas-suġġett tagħhom.
2. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom jiġu ffirmati mill-President u mis-Segretarji u għandhom jiġu ċċirkolati lill-Partijiet.
3. Kull Parti tista' tiddeċiedi li tippubblika kwalunkwe deċiżjoni jew rakkomandazzjoni adottata mill-Kumitat Konġunt fil-ġurnal uffiċjali rispettiv tagħha. Il-Partijiet għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar l-intenzjoni tagħhom li jippubblikaw deċiżjoni jew rakkomandazzjoni.
4. Il-Kumitat Konġunt jista' jadotta d-deċiżjonijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu permezz ta' proċedura bil-miktub jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk. Il-proċedura bil-miktub għandha tikkonsisti minn skambju ta' noti bejn is-Segretarji, li jaġixxu bi qbil mal-Partijiet. Għal dak il-għan, it-test tal-proposta għandu jiġi ċċirkolat skont l-Artikolu 5 ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura, f'limitu ta' żmien ta' mhux anqas minn 21 jum kalendarju li fih għandha tiġi mgħarrfa kull riżerva jew emenda. Il-President jista' jnaqqas dak il-limitu ta' żmien, b'konsultazzjoni mal-Partijiet, sabiex jiġu meqjusa ċ-ċirkostanzi speċjali. Ladarba jkun hemm qbil dwar it-test, id-deċiżjoni jew ir-rakkomandazzjoni għandhom jiġu ffirmati mill-President u mis-Segretarji.
5. Id-Deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt li jemendaw l-Anness I tal-Ftehim għandhom ikunu adottati fil-lingwi awtentiċi tal-Ftehim.
Artikolu 9
Minuti
1. Is-Segretarjat għandu jfassal abbozz tal-minuti ta' kull laqgħa. L-abbozz għandu jindika d-deċiżjonijiet meħuda u r-rakkomandazzjonijiet imfassla. L-abbozz tal-minuti għandu jiġi ppreżentat lill-Kumitat Konġunt għall-adozzjoni. Ladarba dawn ikunu ġew adottati mill-Kumitat Konġunt, il-minuti għandhom jiġu ffirmati mill-President u mis-Segretarji.
2. L-abbozz tal-minuti għandu jitfassal fi żmien 21 jum kalendarju mid-data tal-laqgħa u jiġi ppreżentat għall-approvazzjoni tal-Kumitat Konġunt jew permezz ta' proċedura bil-miktub jew fil-laqgħa sussegwenti tal-Kumitat Konġunt.
Artikolu 10
Kunfidenzjalità
Meta Parti tippreżenta informazzjoni li tkun indikata bħala kunfidenzjali lill-Kumitat Konġunt, il-Partijiet l-oħra għandhom jittrattaw dik l-informazzjoni bħala tali.
Artikolu 11
Spejjeż
1. Kull Parti għandha tħallas kwalunkwe spiża li ġġarrab marbuta mal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt u tal-gruppi ta' ħidma jew tal-gruppi ta' esperti.
2. Il-Kumitat Konġunt għandu jaqbel dwar it-tqassim tal-ispejjeż relatati ma' kwalunkwe missjoni assenjata lill-esperti.
3. L-ispejjeż marbuta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni ta' dokumenti għandhom jitħallsu mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.
Artikolu 12
Korrispondenza
Il-korrispondenza kollha indirizzata lill-President tal-Kumitat Konġunt jew mibgħuta minnu għandha tintbagħat lis-Segretarjat tal-Kumitat Konġunt.
Artikolu 13
Emendar
Dawn ir-Regoli ta' Proċedura jistgħu jiġu emendati permezz ta' deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt f'konformità mal-Artikolu 8.