15.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 257/29


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1537

tat-18 ta' Lulju 2017

dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.38105 2014/C (ex 2014/NN) implimentata mir-Renju tal-Belġju favur Brussels Airlines, TUI Airlines Belgium u Thomas Cook Airlines Belgium

(notifikata bid-dokument C(2017) 5023)

(It-testi bil-Franċiż u bin-Netherlandiż biss huma awtentiċi)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li l-partijiet interessati ġew mistiedna jressqu l-kummenti tagħhom skont dawn l-Artikoli (1) u wara li ġew ikkunsidrati dawn il-kummenti,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fid-19 ta' Diċembru 2013, stqarrija lill-istampa mill-Kunsill tal-Ministri tal-gvern Belġjan ħabbret li kien ġie approvat abbozz ta' Digriet Irjali għal għajnuna finanzjarja lill-utenti tas-servizzi ta' Brussels Airport Company (minn hawn 'il quddiem “BAC”), detentur tal-liċenzja operattiva tal-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell.

(2)

Permezz tal-ittra tal-31 ta' Diċembru 2013, il-Kummissjoni rċeviet ilment dwar dan l-abbozz mingħand International Airlines group (minn hawn 'il quddiem “IAG”), grupp li jikkontrolla diversi kumpaniji tal-ajru, fosthom British Airways u Iberia.

(3)

Permezz tal-ittra tat-2 ta' Jannar 2014, il-kumpanija tal-ajru Ryanair ukoll ressqet ilment kontra dan l-abbozz.

(4)

Il-Kummissjoni bagħtet l-ilmenti ta' IAG u ta' Ryanair lill-Belġju u talbitu aktar informazzjoni permezz tal-ittra tat-13 ta' Jannar 2014. Il-Belġju ppreżenta l-kummenti tiegħu permezz tal-ittra tal-5 ta' Frar 2014.

(5)

Fis-7 ta' Jannar 2014, ġie adottat id-Digriet Irjali li l-abbozz tiegħu kien ġie ddenunzjat mill-ilmenti msemmija fil-premessi 2 u 3.

(6)

Fil-11 ta' Frar 2014, il-Kummissjoni indirizzat talba għal informazzjoni lill-Belġju. Il-Belġju ppreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu permezz tal-ittra tat-2 ta' April 2014.

(7)

Permezz tal-ittra tal-1 ta' Ottubru 2014, il-Kummissjoni infurmat lill-Belġju dwar id-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward ta' din il-miżura (minn hawn 'il quddiem il-“proċedura ta' investigazzjoni formali”). Il-Kummissjoni stiednet lill-Belġju jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu u jipprovdi kwalunkwe informazzjoni utli għall-valutazzjoni tal-miżura inkwistjoni. Fis-16 ta' Jannar 2015, il-Belġju bagħat l-osservazzjonijiet tiegħu lill-Kummissjoni.

(8)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura (minn hawn 'il quddiem id-“Deċiżjoni tal-ftuħ”) ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom rigward il-miżura kkonċernata.

(9)

Il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet mingħand Ryanair, IAG, il-kumpanija tal-ajru Brussels Airlines u mingħand parti oħra interessata li talbet li tibqa' anonima. Il-Kummissjoni bagħtet dawn l-osservazzjonijiet lill-Belġju, li bagħtilha l-kummenti tiegħu dwarhom bl-ittri tal-14 ta' Awwissu 2015 u tat-3 ta' Ġunju 2016.

(10)

Permezz tal-ittra tal-10 ta' Frar 2015, il-Kummissjoni talbet informazzjoni lill-Belġju dwar il-miżura inkwistjoni. Il-Belġju wieġeb fit-12 ta' Marzu 2015. Il-Belġju pprovda aktar informazzjoni bl-ittri tal-20 ta' Marzu u tas-16 ta' Mejju 2017.

2.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA

2.1.   Elementi preliminari – tagħrif ġenerali dwar l-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell

2.1.1.   Il-karatteristiċi tal-ajruport u t-traffiku

(11)

L-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell jinsab fil-muniċipalità ta' Zaventem fil-Grigal ta' Brussell, 12-il kilometru 'l bogħod minn Brussell.

(12)

Fl-2013, l-ajruport laqa' madwar 19-il miljun passiġġier, bil-kapaċità massima teoretika tal-ajruport tkun stmata għal 35 miljun passiġġier. It-traffiku tal-passiġġieri tal-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell mill-2005 'l hawn huwa miġbur fil-qosor fit-Tabella 1.

Tabella 1

It-traffiku tal-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell fil-perjodu ta' bejn l-2005 u l-2015 (traffiku ta' passiġġieri kummerċjali u mhux kummerċjali)  (3)

Sena

Passiġġieri

Movimenti

2005

16 179 733 (+ 3,50 %)

253 255 (– 0,30 %)

2006

16 707 892 (+ 3,30 %)

254 772 (+ 0,60 %)

2007

17 877 618 (+ 7,10 %)

264 366 (+ 3,80 %)

2008

18 515 730 (+ 3,40 %)

258 795 (– 2,10 %)

2009

16 999 154 (– 8,20 %)

231 668 (– 10,5 %)

2010

17 180 606 (+ 1,10 %)

225 682 (– 2,60 %)

2011

18 786 034 (+ 9,30 %)

233 758 (+ 3,60 %)

2012

18 971 332 (+ 1 %)

223 431 (– 4 %)

2013

19 133 222 (+ 0,90 %)

216 678 (– 3 %)

2014

21 933 190 (+ 14, 60 %)

231 528 (+ 6, 90 %)

2015

23 460 018 (+ 7 %)

239 349 (+ 3, 40 %)

(13)

L-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell huwa essenzjalment miftuħ għat-traffiku kummerċjali Ewropew u internazzjonali. It-Tabella 2 tiġbor fil-qosor is-sehem tat-traffiku Ewropew u internazzjonali tal-passiġġieri mit-traffiku totali tal-ajruport.

Tabella 2

L-iżvilupp tas-sehem ta' traffiku kummerċjali tal-passiġġieri tal-UE/MHUX TAL-UE (eskluż it-traffiku tal-passiġġieri mhux kummerċjali) fl-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell matul il-perjodu ta' bejn l-2005 u l-2015

 

UE

MHUX TAL-UE

TOTAL

2005

11 089 996 (68,74 %)

5 043 410 (31,26 %)

16 133 406

2006

11 760 414 (70,56 %)

4 906 108 (29,44 %)

16 666 522

2007

12 235 290 (68,59 %)

5 602 924 (31,41 %)

17 838 214

2008

11 986 491 (64,9 %)

6 493 416 (35,1 %)

18 479 907

2009

10 730 415 (63,2 %)

6 240 239 (36,8 %)

16 970 654

2010

10 530 785 (61,4 %)

6 618 631 (38,6 %)

17 149 416

2011

11 650 291 (62,1 %)

7 105 912 (37,9 %)

18 756 203

2012

11 437 193 (60,4 %)

7 506 495 (39,6 %)

18 943 688

2013

11 661 585 (61 %)

7 443 813 (39 %)

19 105 398

2014

14 134 723 (64,5 %)

7 770 000 (35,5 %)

21 904 723

2015

15 549 806 (66,4 %)

7 873 461 (33,6 %)

23 423 267

(14)

L-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell iservi bħala hub għal diversi kumpaniji tal-ajru bħal Brussels Airlines u l-kumpaniji tal-ajru li jikkooperaw magħha fl-alleanza Star Alliance, kif ukoll Jet Airways.

(15)

It-Tabella 3 tiddeskrivi t-traffiku tal-kumpaniji tal-ajru ewlenin li operaw fl-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell fil-perjodu ta' bejn l-2012 u l-2015:

Tabella 3

Kumpaniji tal-ajru ewlenin li operaw bi tluq mill-Ajruport nazzjonali ta' Brussell (2012 – 2015)

 

Numri ta' passiġġieri li telqu mill-ajruport (inklużi l-passiġġieri fi transitu u fi trasferiment)

 

2012

2013

Brussels Airlines

2 931 025

2 957 455

TUI Airlines Belgium

720 655

725 800

Thomas Cook Airlines Belgium

411 093

411 636

Lufthansa

420 072

410 153

easyJet

382 875

396 969


 

Numru ta' passiġġieri li telqu mill-ajruport (inklużi l-passiġġieri fi transitu u fi trasferiment)

 

2014

2015

Brussels Airlines

3 351 032

3 750 725

Ryanair

639 335

908 990

TUI Airlines Belgium

813 014

803 200

easyJet

499 129

496 576

Lufthansa

413 618

438 253

Thomas Cook Airlines Belgium

428 737

423 671

(16)

Minn Frar 2014, l-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell beda jilqa' lill-kumpaniji tal-ajru low-cost Ryanair u Vueling. Mal-wasla tagħha fl-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell, Ryanair fetħet disa' rotot minn hemmhekk u stabbiliet it-tieni bażi tagħha fil-Belġju wara dik fl-ajruport ta' Charleroi.

2.1.2.   L-operat u s-sjieda tal-infrastruttura tal-ajruport - BAC

(17)

Mill-2004, BAC tieħu ħsieb il-ġestjoni tal-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell skont id-Digriet Irjali tas-27 ta' Mejju 2004 (4) (minn hawn 'il quddiem “id-Digriet Irjali tas-27 ta' Mejju 2004”). BAC hija wkoll is-sid tal-faċilitajiet tal-ajruport.

(18)

BAC hija s-suċċessur tal-kumpanija pubblika b'responsabbiltà limitata msejħa Brussels International Airport Company (BIAC).

(19)

BAC hija kumpanija privata. 75 % tal-ishma ta' BAC huma miżmuma minn investituri privati: 38,99 % minn fond ta' pensjoni Kanadiż (5) u 36,01 % minn grupp Awstraljan (6). Il-bqija tal-ishma (25 %) huma miżmuma mill-Istat Belġjan. Il-Bord tad-Diretturi huwa magħmul minn 11-il membru li erbgħa minnhom, fosthom il-President tal-Bord tad-Diretturi, huma maħtura mill-Istat Belġjan.

2.1.3.   Qafas regolatorju dwar il-ġestjoni tal-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell

(20)

Skont l-Artikolu 6(1)(X)(7) tal-Att Speċjali tat-8 ta' Awwissu 1980 dwar ir-Riformi Istituzzjonali (7), ir-responsabbiltà tat-tagħmir u tal-operat tal-ajruporti taqa' taħt il-ġurisdizzjoni tar-reġjuni, ħlief għall-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell li l-operat tiegħu jaqa' taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istat Federali.

(21)

Il-Kapitolu IV tad-Digriet Irjali tas-27 ta' Mejju 2004 jiddefinixxi l-kundizzjonijiet tal-operat tal-faċilitajiet tal-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell. Dan l-operat huwa soġġett għall-għoti minn qabel b'Digriet Irjali ta' liċenzja operattiva individwali għal żmien indeterminat. L-Artikolu 30 tad-Digriet Irjali tas-27 ta' Mejju 2004 jipprevedi li d-detentur tal-liċenzja operattiva għandu, b'mod partikolari:

“1.

iżomm u jiżviluppa l-faċilitajiet tal-ajruport f'kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli sabiex jiżgura s-sigurtà tal-persuni u s-sikurezza tal-faċilitajiet tal-ajruport, iċ-ċertifikazzjoni kontinwa tal-faċilitajiet tal-ajruport, kapaċità suffiċjenti, skont l-iżvilupp tad-domanda u tar-rwol internazzjonali tal-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell, u livell għoli ta' kwalità”;

(22)

Il-liċenzja operattiva tal-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell ingħatat lil B.I.A.C. (li saret BAC fl-2013) permezz tad-Digriet Irjali tal-21 ta' Ġunju 2004 (8) (minn hawn 'il quddiem “id-Digriet Irjali tal-21 ta' Ġunju 2004”). L-Artikolu 4(4) ta' dan id-Digriet Irjali jipprevedi li d-detentur tal-liċenzja operattiva jiżgura “(…) li jżomm is-sikurezza u s-sigurtà fuq l-art, minbarra l-kompiti tal-pulizija ġenerali u l-ispezzjoni ajrunawtika, kif ukoll il-kompiti militari.”.

(23)

Fl-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell, hemm “attivitajiet regolati” li r-rikavat li jista' jdaħħal minnhom id-detentur tal-liċenzja operattiva tal-ajruport (in casu, BAC) huwa kkontrollat skont formula ta' kontroll tat-tariffi, intiża biex tillimita l-evoluzzjoni tar-rikavat miġbur għal kull unità ta' traffiku għal dawn l-attivitajiet (9). L-attivitajiet regolati huma dawn li ġejjin:

(a)

l-inżul u t-tluq tal-ajruplani;

(b)

l-ipparkjar tal-ajruplani;

(c)

l-użu mill-passiġġieri tal-faċilitajiet tal-ajruport disponibbli għalihom;

(d)

il-forniment tal-fjuwil tal-magni għall-ajruplani permezz ta' infrastruttura ċentralizzata;

(e)

is-servizzi għall-iżgurar tas-sigurtà tal-passiġġieri u tas-sikurezza tal-faċilitajiet tal-ajruport.

(24)

L-Artikolu 30(7) tad-Digriet Irjali tas-27 ta' Mejju 2004 jipprevedi li sistema ta' tariffi, li tikkostitwixxi sett koerenti ta' imposti tal-ajruport, (10) kif ukoll il-formula ta' kontroll tat-tariffi msemmija fil-premessa 23 jiġu stabbiliti mid-detentur tal-liċenzja operattiva, wara li jikkonsulta mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-utenti. Il-formula ta' kontroll tat-tariffi hija intiża sabiex tillimita l-iżvilupp tar-rikavat li d-detentur tal-liċenzja operattiva jista' jdaħħal għal kull unità ta' traffiku għall-attivitajiet irregolati.

(25)

Barra minn hekk, l-Artikolu 42 tad-Digriet Irjali tal-21 ta' Ġunju 2004 jistipula li l-formula ta' kontroll tat-tariffi u s-sistema ta' tariffi msemmijin fl-Artikolu 30(7) tad-Digriet Irjali tas-27 ta' Mejju 2004 għandhom ikunu stabbiliti b'mod li:

“1.

jirriflettu t-total tal-ispejjeż irregolati fuq il-bażi tar-riżultati tal-mudell tal-kostijiet ABC;

2.

jiżguraw marġni ta' profitt ġust għall-kapital investit, bl-għan li jiġi żgurat, b'mod partikolari, l-iżvilupp tal-faċilitajiet tal-ajruport (…);

3.

jallinjaw it-tariffi tal-imposti tal-ajruport tal-attivitajiet irregolati mal-prassi tat-tariffi tal-ajruporti ta' referenza abbażi tar-riżultati tal-mudell tat-tariffi ta' referenza”.

L-Artikolu 43 tad-Digriet Irjali tal-21 ta' Ġunju 2004 jipprevedi li s-sistema ta' tariffi, il-formula tal-kontroll tat-tariffi u l-iżvilupp annwali tagħhom għandhom jiġu stabbiliti minn BAC, wara li tikkonsulta mal-utenti tal-ajruport, għal perjodu ta' regolazzjoni ffissat għal ħames snin (mill-1 ta' April tas-sena “n” sal-31 ta' Marzu tas-sena “n + 5”). Jekk ma tasalx notifika ta' nuqqas ta' qbil ġustifikat mingħand utent tal-ajruport mal-proposta tat-tariffi fformulata minn BAC, il-partijiet ikunu qablu dwar is-sistema tat-tariffi u l-formula ta' kontroll tat-tariffi, skont l-Artikolu 55(1) tad-Digriet Irjali tal-21 ta' Ġunju 2004. Jekk mill-inqas żewġ kumpaniji mhux relatati li kull waħda minnhom tirrappreżenta minn tal-anqas jew 1 % tal-movimenti annwali jew 1 % tal-passiġġieri annwali, u li flimkien jirrappreżentaw minn tal-anqas jew 25 % tal-movimenti annwali jew 25 % tal-passiġġieri fis-sena kalendarja ta' qabel il-konsultazzjoni tal-utenti tal-ajruport jirrifjutaw il-formula ta' kontroll tat-tariffi jew is-sistema ta' tariffi, dawn jistgħu jippreżentaw rikors motivat quddiem l-awtorità regolatorja ekonomika. L-awtorità regolatorja ekonomika tista' mbagħad tivvalida l-formula ta' kontroll tat-tariffi u s-sistema tat-tariffi jew teżiġi ċerti adattamenti jew emendi fil-formula ta' kontroll tat-tariffi u/jew fis-sistema tat-tariffi. Il-formula ta' kontroll tat-tariffi u s-sistema tat-tariffi mbagħad jiġu soġġetti għad-deċiżjoni tal-Ministru responsabbli min-navigazzjoni bl-ajru qabel ma jiġu ppubblikati fil-Moniteur belge. L-imposta tas-sigurtà msemmija fil-premessa 26 tiġi stabbilita skont l-istess proċedura (11).

(26)

Kif speċifikat fil-premessa 23 taħt il-punt 23(e), ta' din id-Deċiżjoni, is-servizzi li jiżguraw is-sigurtà tal-passiġġieri u s-sikurezza tal-faċilitajiet tal-ajruport jagħmlu parti mill-attivitajiet irregolati. Biex tiffinanzja dawn is-servizzi, BAC titlob lill-kumpaniji tal-ajru jħallsu imposta tas-sigurtà (security charge) għal kull passiġġier li jitlaq mill-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell.

Tabella 4

L-ammont tal-imposta tas-sigurtà għall-perjodu 2013-2017

Perjodu

L-ammont tal-imposta tas-sigurtà (għal kull passiġġier li jitlaq mill-ajruport, f'EUR)

1 ta' Jannar 2013 – 31 ta' Marzu 2013

6,39

1 ta' April 2013 – 31 ta' Marzu 2014

6,62

1 ta' April 2014 – 31 ta' Marzu 2015

6,71

1 ta' April 2015 – 31 ta' Marzu 2016

6,73

1 ta' April 2016 – 31 ta' Marzu 2017

6,19

(27)

Matul il-perjodu inkwistjoni, l-imposta tas-sigurtà applikata minn BAC kienet ammont wieħed għal kull passiġġier li jitlaq mill-ajruport, mingħajr distinzjoni bejn it-tip ta' passiġġier (passiġġier li l-punt tat-tluq tal-itinerarju bl-ajru tiegħu huwa l-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell, passiġġier fi trasferiment jew passiġġier fi transitu).

2.2.   Id-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014

(28)

Il-miżura li hija s-suġġett ta' din id-Deċiżjoni hija l-għoti ta' sussidji, skont id-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 (12), (minn hawn 'il quddiem “id-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014”), lil diversi kumpaniji tal-ajru, li ġejjin mill-fondi li rċeviet BAC mingħand il-Gvern Federali Belġjan u ridistribwiti skont regoli stabbiliti mid-Digriet Irjali msemmi.

(29)

Skont l-Artikolu 1 tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014, sussidju li jammonta għal EUR 19 000 000 fis-sena huwa allokat lil BAC bħala appoġġ għall-infrastruttura relatata mas-sigurtà, jiġifieri mal-attivitajiet kollha li jiżguraw is-sigurtà tal-passiġġieri u tal-faċilitajiet tal-ajruport, bħall-kontroll tal-passiġġieri u tal-bagalji tagħhom malli jidħlu fiż-żona riservata tal-ajruport biex jiġi identifikat kwalunkwe splussiv jew arma jew kwalunkwe oġġett perikoluż ieħor. Dan is-sussidju għandu jingħata għas-snin baġitarji 2014, 2015 u 2016. Jitħallas kull sena fil-kont ta' BAC sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu ta' kull sena.

(30)

Skont l-Artikolu 2(1) tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014, BAC għandha tqassam lura lill-utenti tal-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell (13) li jkunu ġarrew aktar minn 400 000 passiġġier li jitilqu bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Diċembru 2012, esklużi l-passiġġieri fi transitu u fi trasferiment, is-sussidju msemmi fl-Artikolu 1 tal-imsemmi Digriet Irjali għal ammont korrispondenti għal sehem ta' dak imħallas minnhom bħala servizzi għas-sigurtà tal-passiġġieri u s-sigurtà tal-faċilitajiet tal-ajruport matul is-sena ta' qabel.

(31)

L-Artikolu 2(2) tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 jispeċifika li l-ammont imħallas lura lil kull utent li jirrispetta l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1) tal-imsemmi Digriet Irjali “huwa kkalkulat kull sena abbażi tan-numru ta' passiġġieri li jitilqu mill-ajruport, inklużi l-passiġġieri fi transitu u fi trasferiment, għas-snin 2013, 2014 u 2015; lil hinn mill-400 000 passiġġier fis-sena, l-utent huwa eżenti milli jħallas is-servizzi għas-sigurtà tal-passiġġieri u għas-sigurtà tal-faċilitajiet tal-ajruport għas-snin 2013, 2014 u 2015, għal ammont totali massimu ta' 19-il miljun euro (EUR 19 000 000) fis-sena”.

(32)

L-Artikolu 4 tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 jistipula li din il-miżura baġitarja se tiġi vvalutata matul is-sena 2015 sabiex tkun tista' tiġi adattata qabel ma jibda l-perjodu l-ġdid tat-tariffi 2016-2021. Il-perjodu ta' tariffi msemmi f'din id-dispożizzjoni jikkorrispondi għall-perjodu ta' ħames snin ta' regolamentazzjoni tat-tariffi tal-imposti tal-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell, kif previst fl-Artikolu 43 tad-Digriet Irjali tal-21 ta' Ġunju 2004.

(33)

Id-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 jistipula li jibda jgħodd mill-1 ta' Jannar 2013.

2.3.   Pagamenti mħallsa skont id-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014

(34)

Għall-kuntrarju ta' dak li jipprovdi l-Artikolu 2(1) tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 (“… BAC għandha tqassam mill-ġdid lill-utenti tal-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell (…) is-sussidju msemmi fl-Artikolu 1(…)”), il-Belġju għadda l-pagamenti dovuti direttament lill-kumpaniji tal-ajru mingħajr ma għaddew minn BAC.

(35)

Skont il-Belġju, f'ittra tat-8 ta' Lulju 2014, BAC talbet espressament lill-awtoritajiet Belġjani jħallsu direttament l-ammonti fuq il-kontijiet bankarji tal-kumpaniji tal-ajru benefiċjarji sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni amministrattiva tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014.

(36)

Fit-12 ta' Settembru 2014, il-Kunsill tal-Ministri ħa nota tax-xewqa ta' BAC espressa fl-ittra tagħha tat-8 ta' Lulju 2014 u approva s-simplifikazzjoni tal-proċedura proposta, jiġifieri l-ħlas dirett tal-ammonti kkonċernati fil-kontijiet bankarji tal-kumpaniji tal-ajru benefiċjarji.

(37)

Fit-22 ta' Settembru 2014, il-kumpaniji tal-ajru li kienu jissodisfaw il-kriterji previsti mid-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014, jiġifieri Brussels Airlines, TUI Airlines Belgium u Thomas Cook Airlines Belgium, irċevew rispettivament EUR 16 779 819, EUR 2 143 621 u EUR 76 560, għas-sena 2013.

(38)

Il-Belġju pprovda d-dettalji tal-kalkoli ta' dawn l-ammonti, u b'hekk iċċara l-metodi tal-applikazzjoni tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 (14).

(39)

Il-Belġju l-ewwel nett iddetermina li tliet kumpaniji tal-ajru biss, Brussels Airlines, TUI Airlines Belgium u Thomas Cook Airlines Belgium kienu eliġibbli għall-iskema, minħabba li l-ebda kumpanija tal-ajru oħra ma kienet ġarret aktar minn 400 000 passiġġier li telqu bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Diċembru 2012, esklużi l-passiġġieri fi transitu u fi trasferiment.

(40)

L-ammonti dovuti għal kull waħda minn dawn it-tliet kumpaniji fl-2014 ġew ikkalkulati skont in-numru ta' passiġġieri li telqu mill-ajruport fuq l-ajruplani ta' kull waħda minnhom f'kull xahar tas-sena 2013, inklużi l-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu. Għal kull kumpanija, ġew identifikati ix-xahar li matulu nqabeż il-livell limitu ta' 400 000 passiġġier li telqu mill-ajruport u ttrasportati mill-1 ta' Jannar 2013 u l-imposta tas-sigurtà fis-seħħ f'dak ix-xahar. Imbagħad ġie kkalkulat l-ammont tal-imposta tas-sigurtà dovut minn kull kumpanija, xahar b'xahar, għal kull passiġġier trasportat mill-1 ta' Jannar 2013 minbarra l-ewwel 400 000 passiġġier. Dan l-ammont jikkorrispondi għas-sussidju li huwa dovut lill-kumpanija tal-ajru skont id-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 fin-nuqqas ta' livell massimu tal-baġit.

(41)

Biex jiġi rrispettat il-livell massimu tal-baġit ta' EUR 19 000 000 fis-sena, ġiet applikata mbagħad regola ta' tlieta għal kull wieħed mit-tliet ammonti kkalkulati b'dan il-mod, sabiex jiġi stabbilit l-ammont effettivament dovut lil kull kumpanija tal-ajru għas-sena 2013.

2.4.   Benefiċjarji

(42)

Fid-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni identifikat il-kumpaniji tal-ajru li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(1) tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 bħala l-uniċi benefiċjarji potenzjali tal-miżura li jaf tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li hija s-suġġett tal-proċedura ta' investigazzjoni formali.

2.5.   Sospensjoni tal-applikazzjoni tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014

(43)

Wara l-ftuħ tal-proċedura ta' investigazzjoni formali, il-Belġju ddeċieda li jissospendi l-eżekuzzjoni tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 mit-3 ta' Diċembru 2014, bħala prekawzjoni u mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tiegħu rigward l-evalwazzjoni preliminari li għamlet il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-ftuħ. Il-Belġju ntrabat li, sa avviż ieħor, ma jagħmel ebda pagament taħt id-Digriet Irjali msemmi. Skont l-informazzjoni li għandha l-Kummissjoni, il-Belġju żamm dan l-impenn.

2.6.   Id-Digriet Irjali tal-15 ta' Marzu 2017

(44)

Fil-15 ta' Marzu 2017, ġie adottat digriet irjali (15) (minn hawn 'il quddiem “id-Digriet Irjali tal-15 ta' Marzu 2017”) li jirtira d-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014.

(45)

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2 tad-Digriet Irjali tal-15 ta' Marzu 2017, is-sussidji previsti mid-Digriet Irjali rtirat u miġbura waqt li kien fis-seħħ mill-kumpaniji tal-ajru kkonċernati, jiġifieri mill-1 ta' Jannar 2013 sas-7 ta' Jannar 2014, għandhom jitħallsu lura lill-awtoritajiet federali Belġjani sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu 2017. Dan l-Artikolu jipprevedi wkoll li l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati jagħtu lok għall-ħlas tal-imgħax li jibda mid-data li fiha s-sussidji ngħataw lill-benefiċjarju sal-irkupru effettiv tagħhom. L-imgħax għandu jiġi kkalkulat skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (16). Il-Belġju ppreżenta lill-Kummissjoni dokument li juri li Brussels Airlines, TUI Airlines Belgium u Thomas Cook Airlines Belgium ħallsu lura s-sussidji kollha li rċevew, bl-imgħaxijiet, skont l-Artikolu 2 tad-Digriet Irjali tal-15 ta' Marzu 2017.

3.   IR-RAĠUNIJIET LI WASSLU GĦALL-FTUĦ TAL-PROĊEDURA TA' INVESTIGAZZJONI FORMALI

(46)

Fid-Deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat l-ewwel nett l-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat lill-kumpaniji tal-ajru li jissodisfaw il-kundizzjonijiet definiti fl-Artikolu 2(1) tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014. Imbagħad indirizzat il-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta' din l-għajnuna eventwali. Fl-aħħar nett hija eżaminat il-kwistjoni tal-illegalità ta' din l-għajnuna eventwali u tal-irkupru eventwali tagħha.

(47)

Rigward l-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni analizzat l-ewwel nett l-attività tal-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni. Peress li l-utenti tal-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell li lilhom BAC trid tqassam mill-ġdid is-sussidju huma kumpaniji tal-ajru, il-Kummissjoni qieset li l-attività tagħhom hija ekonomika skont l-Artikolu 107(1) TFUE.

(48)

Fir-rigward tal-preżenza ta' riżorsi tal-Istat u tal-imputabilità tal-miżura lill-Istat, il-Kummissjoni nnutat li s-sussidju ngħata skont Digriet Irjali u ġie ffinanzjat mill-baġit tal-Belġju, b'mod aktar speċifiku l-baġit tas-Servizz pubbliku federali tal-Mobilità u t-Trasport. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2(1) tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014, BAC għandha tqassam lura s-sussidju msemmi fl-Artikolu 1 ta' dan id-Digriet Irjali lill-utenti tal-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell li jkunu ġarrew aktar minn 400 000 passiġġier (esklużi l-passiġġieri fi transitu u fi trasferiment) fi tluq mill-ajruport bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Diċembru 2012, skont regoli definiti għal kollox mill-imsemmi Digriet Irjali. Għaldaqstant il-Kummissjoni qieset li l-miżura, li tikkonsisti fi ħlasijiet lil ċerti kumpaniji tal-ajru skont l-Artikolu 2 tad-Digriet Irjali, kienet imputabbli lill-Belġju u ffinanzjata minn riżorsi tal-Istat.

(49)

Rigward il-preżenza ta' vantaġġ ekonomiku għall-kumpaniji tal-ajru, il-Kummissjoni nnutat li, skont l-Artikolu 2 tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014, BAC ma kinitx libera li ma tbiddilx l-imposti miġbura mingħand il-kumpaniji tal-ajru ladarba s-sussidju mogħti minn dan id-Digriet Irjali jkun inġabar, iżda kellha tagħti lil ċerti kumpaniji tal-ajru l-effetti ta' dan is-sussidju, li jikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku għal dawn il-kumpaniji.

(50)

Il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll b'mod preliminari li l-miżura hija selettiva. Minnha jistgħu jibbenefikaw biss il-kumpaniji tal-ajru li użaw l-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell u li ssodisfaw għadd ta' kundizzjonijiet ta' traffiku fl-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell fl-2012. Skont l-analiżi preliminari tal-Kummissjoni, l-eliġibbiltà tal-kumpaniji tal-ajru għall-iskema kkonċernata hija bbażata fuq kriterji diskriminatorji, mingħajr ebda rabta mal-għan u n-natura tal-miżura, u li fil-fatt jiffavorixxu tliet kumpaniji tal-ajru u jeskludu mingħajr ebda raġuni valida lill-utenti kollha l-oħrajn tal-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell.

(51)

Il-Kummissjoni kkonstatat b'mod preliminari li dan il-vantaġġ selettiv seta' joħloq distorsjonijiet fil-kompetizzjoni fis-suq intern u jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri sa fejn seta' jippermetti lill-kumpaniji tal-ajru kkonċernati jħaddmu politika ta' tariffi aktar aggressiva, kif ukoll iżommu jew iżidu artifiċjalment l-offerta tas-servizzi pprovduti meta mqabbla mal-kundizzjonijiet normali tas-suq.

(52)

Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet b'mod preliminari li s-sussidju li ħadu l-kumpaniji tal-ajru benefiċjarji kien għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE.

(53)

Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll fid-Deċiżjoni tal-ftuħ tagħha li ma kienx hemm bażi ġuridika li teżenta lill-Belġju milli jinnotifika din l-għajnuna taħt l-Artikolu 108(4) TFUE. B'mod partikolari, il-Kummissjoni nnutat li s-sussidji inkwistjoni ma kinux koperti mir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa skont il-kategorija (17) peress li ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fil-Kapitolu I tal-imsemmi Regolament. Il-Kummissjoni stmat li l-miżura tista' tikkostitwixxi għajnuna illegali, peress li d-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 daħal fis-seħħ mingħajr ma ġie nnotifikat lill-Kummissjoni.

(54)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni esprimiet dubji rigward il-kompatibbiltà tal-għajnuna eventwali mas-suq intern, l-aktar fid-dawl tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni tal-4 ta' April 2014 dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru (minn hawn 'il quddiem “il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni”) (18) li ma jipprevedux li l-għajnuna mill-Istat tista' tingħata lil kumpaniji tal-ajru għall-attivitajiet tagħhom ta' tluq mill-ajruport li jilqgħu aktar minn ħames miljun passiġġier fis-sena li mhumiex f'reġjuni mbiegħda (19), bħall-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell.

4.   IL-KUMMENTI TAL-BELĠJU DWAR ID-DEĊIŻJONI TA' FTUĦ

(55)

Fil-15 ta' Jannar 2015, il-Belġju bagħat il-kummenti tiegħu lill-Kummissjoni dwar id-Deċiżjoni tal-ftuħ.

4.1.   Fir-rigward tal-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat

(56)

Il-Belġju jfakkar l-ewwel nett il-kundizzjonijiet kumulattivi meħtieġa għall-kwalifika ta' miżura bħala għajnuna mill-Istat, l-aktar il-fatt li 1) il-benefiċjarju jew benefiċjarji jridu jkunu impriżi skont l-Artikolu 107(1) TFUE, 2) il-miżura inkwistjoni trid tingħata permezz ta' riżorsi mill-Istat u trid tkun imputabbli lill-Istat, 3) il-miżura trid tagħti vantaġġ lill-benefiċjarju jew benefiċjarji tagħha u dan il-vantaġġ irid ikun selettiv, u 4) il-miżura inkwistjoni trid toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni u trid taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(57)

Imbagħad il-Belġju jispeċifika li huwa ma jikkontestax li l-miżura inkwistjoni hija imputabbli lill-Istat u li tista' eventwalment taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(58)

Iżda l-Belġju jikkunsidra li mhuwiex 1) sussidju mogħti lil impriża li twettaq attività ekonomika, u lanqas 2) vantaġġ selettiv, li huwa biżżejjed biex jeskludi li l-miżura stabbilita mid-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat.

(59)

L-argumenti mressqa mill-Belġju insostenn ta' dawn iż-żewġ konklużjonijiet huma miġbura fil-qosor fil-premessi minn 60 sa 72.

4.1.1.   Dwar il-kunċett ta' impriża u ta' attività ekonomika

(60)

Il-Belġju jinnota li l-kunċett ta' impriża fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, jinkludi kwalunkwe entità li twettaq attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus ġuridiku ta' din l-entità u mill-mod kif hija ffinanzjata.

(61)

Huwa jenfasizza wkoll li l-attivitajiet imwettqa bħala parti mill-eżerċizzju ta' prerogattivi ta' awtorità pubblika mhumiex meqjusa “ekonomiċi”.

(62)

Fil-każ tal-ajruporti, attivitajiet bħal dawn jinkludu b'mod partikolari s-sigurtà, il-kontroll tat-traffiku tal-ajru u l-pulizija.

(63)

Skont il-Belġju, minn dan jirriżulta li l-attivitajiet relatati mas-sigurtà fl-ajruporti ma jikkostitwixxux attività ekonomika u li l-finanzjament tagħhom mhuwiex għalhekk għajnuna mill-Istat.

(64)

F'dan ir-rigward, il-Belġju jikkunsidra li huwa possibbli li entità tgħaqqad l-eżerċizzju tal-prerogattivi ta' awtorità pubblika mal-eżerċizzju ta' ċerti attivitajiet ekonomiċi, u li din l-entità tkun għalhekk soġġetta għar-regoli applikabbli għall-għajnuna mill-Istat biss f'dak li jirrigwarda l-attivitajiet ekonomiċi tagħha.

(65)

Il-Belġju jqis li l-finanzjament tas-servizzi għas-sigurtà tal-ajruport, kif stabbilit mid-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014, ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat peress li dawn l-attivitajiet jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-prerogattivi ta' awtorità pubblika.

4.1.2.   Dwar l-eżistenza ta' vantaġġ selettiv

(66)

Il-Belġju jikkunsidra wkoll li l-miżura inkwistjoni ma tagħtix vantaġġ lill-benefiċjarji tagħha fis-sens tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

(67)

B'mod aktar speċifiku, huwa jirreferi għall-fatt li l-eżistenza ta' vantaġġ għandha tiġi stabbilita permezz ta' paragun bejn is-sitwazzjoni eżaminata u s-sitwazzjoni normali.

(68)

Għaldaqstant, biex tiġi evalwata l-eżistenza ta' vantaġġ fis-sens tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat f'dan il-każ, jeħtieġ, skont il-Belġju, li jsir paragun bejn il-miżura eżaminata f'din il-proċedura u sitwazzjoni simili fil-Belġju, sabiex jiġi vverifikat jekk il-miżura kkontestata tagħtix jew le tali vantaġġ lill-kumpaniji tal-ajru benefiċjarji.

(69)

Il-Belġju jispeċifika li, sal-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni, l-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell biss kien jitlob imposta mingħand l-utenti tiegħu għall-ispejjeż tas-sigurtà ġġenerati mill-użu tagħhom tal-ajruport, mingħajr intervent pubbliku. Skont il-Belġju, dan jiddistingwi lill-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell mis-sitwazzjoni tal-ajruporti l-oħrajn li jinsabu fir-reġjun ta' Walloon u fir-reġjun Fjamming, fejn l-ispejjeż kollha relatati mas-servizzi tas-sigurtà tal-ajruport huma mħallsa mir-reġjuni kkonċernati. Il-Belġju jirreferi għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ottubru 2014 fil-kawża dwar il-miżuri implimentati mill-Belġju favur l-ajruport ta' Charleroi u Ryanair (20), (minn hawn 'il quddiem “id-Deċiżjoni Charleroi”) u b'mod partikolari għall-premessi 269 u 270 tagħha.

(70)

Skont il-Belġju, minn dan jirriżulta li fil-Belġju l-prezz tas-suq tas-servizzi tal-ajruport impost fuq il-kumpaniji tal-ajru ma jidhirx li jinkludi l-ispejjeż kollha relatati mas-sigurtà fl-ajruporti. F'dan ir-rigward, huwa jqis li, fid-Deċiżjoni Charleroi, il-Kummissjoni ma kkunsidratx li dan il-fatt jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

4.1.3.   Dwar il-limitu ta' 400 000 passiġġier fis-sena u l-impatt tiegħu fuq is-selettività tal-miżura

(71)

F'dak li jirrigwarda l-limitu ta' 400 000 passiġġier, il-Belġju jirreferi prinċipalment għall-ittra tiegħu tat-2 ta' April 2014, li fiha, qabel il-ftuħ tal-proċedura ta' investigazzjoni formali, huwa ppreżenta l-argumenti tiegħu rigward il-fondatezza ta' dan il-limitu, argumenti miġbura fil-qosor fil-punti minn 46 sa 49 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ. Il-Belġju jżid jgħid ma' dawn l-argumenti li “l-għan kien li nħeġġu lill-kumpaniji tal-ajru jkomplu jiżviluppaw fi Brussell billi nikkumpensawhom għat-tnaqqis fl-ispejjeż tas-sigurtà li ġġib magħha żieda fil-passiġġieri”.

(72)

Barra minn hekk, abbażi tal-klawżola tal-evalwazzjoni perjodika tal-iskema, prevista fl-Artikolu 4 tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014, il-Belġju jirreferi għall-ipoteżi ta' estensjoni tal-miżura għal perjodu addizzjonali ta' tliet snin mutatis mutandis, jiġifieri għall-benefiċċju tal-kumpaniji tal-ajru li jkunu ttrasportaw aktar minn 400 000 passiġġier li jitilqu mill-ajruport fl-2015. Minn dan il-Belġju jiddeduċi li l-mekkaniżmu huwa inċentiv peress li jista' jġib ridistribuzzjoni tal-lista tal-benefiċjarji kull tliet snin, għall-partijiet kollha li jkunu qabżu l-limitu ta' 400 000 passiġġier waqt l-evalwazzjoni ta' kull tliet snin.

4.2.   Dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna eventwali

(73)

Peress li l-Belġju jikkunsidra li l-miżura stabbilita mid-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 mhijiex għajnuna mill-Istat, ma jqisx li huwa rilevanti li jindika fuq liema bażi ġuridika l-miżura inkwistjoni tista' tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern u li juri li l-kundizzjonijiet ta' kompatibbiltà huma ssodisfati.

4.3.   Dwar il-legalità u l-irkupru tal-għajnuna eventwali

(74)

Il-Belġju jqis li l-eżami ta' jekk il-miżura inkwistjoni ġietx innotifikata jew le lill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 108(3) TFUE huwa irrilevanti.

(75)

Huwa jqis ukoll li, għaldaqstant, lanqas il-kwistjoni ta' jekk il-miżura għandhiex tiġi rkuprata ma hija rilevanti.

5.   KUMMENTI MILL-PARTIJIET TERZI

5.1.   Kummenti minn Ryanair

(76)

Fit-13 ta' Jannar 2015, Ryanair bagħtet il-kummenti tagħha lill-Kummissjoni dwar id-Deċiżjoni tal-ftuħ.

5.1.1.   Dwar ordni eventwali ta' sospensjoni tal-għajnuna

(77)

Ryanair taqbel mal-konklużjonijiet preliminari tal-Kummissjoni rigward l-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat, u titlob lill-Kummissjoni tordna lill-Belġju biex jissospendi l-miżura inkwistjoni.

(78)

Skont Ryanair, l-għan innifsu tal-miżura huwa b'mod ċar antikompetittiv peress li din il-miżura għandha l-għan li toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni billi ddgħajjef lill-kumpaniji tal-ajru l-oħrajn preżenti fl-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell, b'mod speċjali lill-kumpaniji low-cost.

(79)

Barra minn hekk, Ryanair tqis li l-benefiċjarji tal-miżura (jiġifieri Brussels Airlines, TUI Airlines Belgium u Thomas Cook Airlines Belgium) użawha sabiex isaħħu sħubija strateġika li kienet diġà teżisti kontra grupp ta' konkorrenti effettivi, bħal Ryanair u Vueling, fil-hub tal-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell.

5.1.2.   Dwar l-istruttura tal-miżura u n-natura tagħha ta' għajnuna mill-Istat

(80)

L-ewwel nett, Ryanair tapprova l-konklużjonijiet preliminari tal-Kummissjoni dwar in-natura arbitrarja tal-limitu ta' 400 000 passiġġier, li skont Ryanair huwa nieqes mil-loġika ekonomika.

(81)

It-tieni nett, Ryanair tenfasizza li l-kumpaniji tal-ajru eliġibbli għall-iskema jintgħażlu abbażi ta' kriterju li jeskludi lill-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu, meta l-ammonti dovuti lil kull benefiċjarju jinkludu lil dawn il-kategoriji ta' passiġġieri. Ryanair tqis li dan huwa inkonsistenti, u tassumi li d-differenzi tat-trattament tal-passiġġieri fi transitu u fi trasferiment, ikkawżati mill-miżura huma loġikament ir-riżultat tax-xewqa tal-Belġju li jeskludi lill-kumpaniji mhux Belġjani mill-kamp ta' applikazzjoni tal-miżura.

(82)

Fl-aħħar nett, Ryanair taqbel mal-analiżi preliminari tal-Kummissjoni li l-għażla tas-sena 2012 bħala s-sena ta' referenza biex jiġu identifikati l-benefiċjarji tal-miżura hija arbitrarja. Ryanair tinnota li din mhijiex l-unika sena li għaliha kien hemm data disponibbli, peress li BAC tippubblika d-data dwar it-traffiku tal-passiġġieri fuq is-sit web tagħha kull xahar għax-xahar ta' qabel.

5.1.3.   Dwar l-inkompatibbiltà tal-għajnuna

(83)

Ryanair tqis li l-għajnuna ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern diment li tikser ir-regoli dwar il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi. Skont Ryanair, l-għajnuna tiffavorixxi lis-servizzi offruti minn ċerti kumpaniji tal-ajru Belġjani magħżula bir-reqqa. Ryanair tenfasizza li ebda kumpanija tal-ajru kbira Belġjana ma tidher li hija eskluża mil-lista tal-benefiċjarji, u li l-Ministru tat-Trasport Belġjan innifsu stqarr li l-għan tal-miżura kien li ssostni lill-kumpaniji tal-ajru nazzjonali.

(84)

Barra minn hekk, Ryanair tirrapporta d-dikjarazzjonijiet ostili li għamel il-Gvern Belġjan ta' dak iż-żmien fil-konfront tagħha, li skont Ryanair, kien kontra l-istabbiliment tagħha fl-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell u li permezz ta' din l-għajnuna antikompetittiva xtaq jiskoraġġixxi kwalunkwe offerta ġdida ta' servizzi ta' tluq minn dan l-ajruport minn kumpaniji low-cost.

5.1.4.   Dwar id-diffikultajiet finanzjarji ta' Brussels Airlines

(85)

Ryanair tinnota li mill-2009 'l hawn Brussels Airlines irreġistrat telf operattiv kull sena. Fil-fehma tagħha, mingħajr l-intervent tal-Belġju, kien ikollha toħroġ mis-suq f'qasir żmien jew f'terminu medju. Skont Ryanair, is-sitwazzjoni tant kienet kritika li Brussels Airlines minnufih inkludiet l-għajnuna mistennija fil-kontijiet annwali tagħha tal-2013, meta kien għadu mhux ċert jekk kellhiex dritt tirċievi din is-somma.

(86)

Ryanair titlob lill-Kummissjoni tuża “is-setgħat kollha li għandha taħt ir-Regolament (KE) Nru 659/1999” tal-Kunsill (21), sostitwit bir-Regolament (UE) 2015/1589 tal-Kunsill (22) biex titlob informazzjoni finanzjarja dettaljata u aġġornata dwar il-kontijiet ta' Brussels Airlines, TUI Airlines Belgium u Thomas Cook Airlines Belgium għall-2012, 2013 u 2014. Ryanair titlob ukoll lill-Kummissjoni sabiex tivverifika kif l-għajnuna ġiet riflessa fil-kontijiet tal-benefiċjarji sabiex tiddetermina jekk dawn il-benefiċjarji humiex impriżi f'diffikultà skont il-verżjoni tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturar applikabbli fil-mument tal-fatti.

5.2.   L-osservazzjonijiet tal-International Airlines Group (IAG)

(87)

Fis-16 ta' Frar 2015, IAG bagħat il-kummenti tiegħu lill-Kummissjoni dwar id-Deċiżjoni tal-ftuħ.

5.2.1.   Dwar l-imputabbiltà tal-miżura lill-Istat

(88)

Skont IAG huwa evidenti li l-miżura ġiet approvata mill-Belġju permezz tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014, u li hija bbażata fuq riżorsi tal-Istat, b'mod partikolari fuq il-baġit tas-“Servizz Pubbliku federali tal-Mobilità u t-Trasport”. IAG jenfasizza wkoll li r-rwol ta' BAC fil-ġestjoni u t-tqassim ta' din ir-riżorsa huwa limitat għall-applikazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Istat Belġjan, billi r-regoli tat-tqassim tal-fondi li rċeviet BAC mingħand l-Istat kienu kollha stabbiliti mid-dispożizzjonijiet ta' dak id-Digriet Irjali. Skont IAG, il-fatt li BAC hija operatur privat ma jikkontestax għalhekk il-preżenza ta' riżorsi tal-Istat u l-imputabbiltà tal-miżura lill-Istat.

5.2.2.   Dwar l-eżistenza ta' vantaġġ selettiv lil kumpaniji tal-ajru

(89)

IAG ifakkar li l-kumpaniji tal-ajru li ma operawx fl-2012 huma awtomatikament esklużi mid-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014. Huwa jqis li, għalkemm il-miżura hija ppreżentata bħala li tapplika b'mod ġenerali għall-utenti kollha tal-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell, il-miżura hija mfassla b'tali mod li tista' tapplika biss għal porzjon żgħir tal-kumpaniji tal-ajru.

5.2.3.   Dwar l-aspetti relatati mal-passiġġieri fi transitu u l-passiġġieri fi trasferiment

(90)

IAG jirreferi għal waħda mill-affermazzjonijiet tal-Belġju dwar is-selettività tal-miżura, jiġifieri li b'differenza mill-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell, ħafna ajruporti Ewropej ma jeżentawx lill-passiġġieri fi transitu u fi trasferiment mill-imposti tas-sigurtà tagħhom. IAG jibdel din l-affermazzjoni billi jibbaża fuq diversi eżempji ta' ajruporti kbar Ewropej.

(91)

Barra minn hekk, IAG jinnota li wara t-telf irreġistrat minn Brussels Airlines f'dawn l-aħħar snin, Lufthansa ddeċidiet li tipposponi d-deċiżjoni tagħha li tixtri l-ishma kollha ta' Brussels Airlines għall-2017, meta din id-deċiżjoni kienet inizjalment prevista għall-2014. Skont IAG, jista' jitqies li Lufthansa mhix se tikkonkludi x-xiri ta' Brussels Airlines qabel ma din tkun tejbet id-dikjarazzjoni tad-dħul tagħha, inkluż permezz ta' fondi pubbliċi.

5.3.   L-osservazzjonijiet ta' Brussels Airlines

(92)

Fit-23 ta' Frar 2015, Brussels Airlines bagħtet il-kummenti tagħha lill-Kummissjoni dwar id-Deċiżjoni tal-ftuħ.

(93)

Brussels Airlines tikkunsidra li l-miżura inkwistjoni ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat peress li tirrigwarda l-finanzjament ta' attivitajiet mhux ekonomiċi u, fi kwalunkwe każ, ma tagħtix vantaġġ selettiv lid-destinatarji tas-sussidju.

(94)

Barra minn hekk, Brussels Airlines tikkunsidra li l-miżura hija kompatibbli mas-suq intern qabel id-dħul fis-seħħ tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni.

5.3.1.   Il-kunċett ta' impriża u ta' attività ekonomika

(95)

Brussels Airlines tikkunsidra li s-sussidju mogħti mid-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 jirrigwarda attivitajiet mhux ekonomiċi, li għalihom huwa previst kumpens finanzjarju parzjali.

(96)

Insostenn ta' din l-analiżi, Brussels Airlines tirreferi għad-deċiżjoni tal-estensjoni tal-proċedura ta' eżami tal-21 ta' Marzu 2012 fil-Kawża SA.14093 (C76/2002) Vantaġġi mogħtija mir-Reġjun ta' Walloon lil Brussels South Charleroi Airport u lill-kumpanija tal-ajru Ryanair (23).

(97)

Skont Brussels Airlines, il-kumpaniji tal-ajru li joperaw fl-ajruport ta' Charleroi ma jħallsux spejjeż tas-sigurtà lil dan l-ajruport u, skont l-imsemmija Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Marzu 2012, dan ma jimplikax li huma qegħdin jirċievu għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, Brussels Airlines tinnota li peress li d-Deċiżjoni Charleroi msemmija qabel, għalqet il-proċedura ta' investigazzjoni formali estiża bid-Deċiżjoni tal-21 ta' Marzu 2012, hija vvalidat, skont Ministru tar-Reġjun ta' Walloon, il-kumpens finanzjarju għas-sigurtà mogħti mir-Reġjun ta' Walloon lill-ajruport ta' Charleroi u, għalhekk, skont Brussels Airlines, lill-operaturi tiegħu.

5.3.2.   Vantaġġ selettiv

(98)

Brussels Airlines issemmi l-punt 44 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, fejn il-Kummissjoni kkonkludiet dwar is-selettività tal-miżura għal tliet raġunijiet: 1) il-miżura tibbenefika biss lill-kumpaniji tal-ajru u mhux lil modi oħrajn ta' trasport tal-passiġġieri, 2) il-miżura tibbenefika biss lill-kumpaniji tal-ajru li jużaw l-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell u 3) il-miżura tibbenefika lill-kumpaniji tal-ajru li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet ta' traffiku fl-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell.

(99)

B'referenza għall-ewwel punt, Brussels Airlines għandha dubji dwar is-selettività tas-sussidju minħabba l-fatt li ngħata biss lill-kumpaniji tal-ajru. Brussels Airlines tikkunsidra li hemm raġunijiet oġġettivi li jispjegaw id-differenza bejn it-traffiku tal-ajru u l-modi l-oħrajn ta' trasport tal-passiġġieri, minħabba li dawn tal-aħħar ma joħolqux daqstant riskji ta' sigurtà daqs it-trasport bl-ajru.

(100)

F'dak li jirrigwarda t-tieni punt, Brussels Airlines tirreferi għall-ordni ġuridiku Belġjan li jwassal għat-tqassim tal-għajnuna lill-kumpaniji li jgħaddu mill-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell biss. Ir-reġjuni Belġjani huma responsabbli għat-tagħmir u l-operat tal-ajruporti u tal-ajrudromi pubbliċi, minbarra l-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell li jaqa' taħt ir-responsabbiltà federali. Minn dan Brussels Airlines tiddeduċi li l-Istat Federali jista' jagħti dan is-sussidju biss lill-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell u mhux lill-ajruporti l-oħrajn.

(101)

Rigward it-tielet punt, Brussels Airlines jistieden lill-Kummissjoni tirreferi għall-Istat Federali li adotta d-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014. Madankollu, hija tixtieq tiċċara li hija tqis li limitu marbut man-numru ta' passiġġieri huwa rilevanti fil-każ ta' sussidju għal servizzi relatati mas-sigurtà tal-ajruporti peress li l-ispejjeż tas-sigurtà fl-ajruporti huma wkoll marbuta man-numru ta' passiġġieri.

(102)

Brussels Airlines tikkunsidra wkoll li l-użu tas-sena ta' referenza 2012 huwa dovut għall-fatt li din hija l-aħħar sena li għaliha kien hemm ċifri disponibbli meta l-Kunsill tal-Ministri ddeċieda li jadotta l-miżura. Brussels Airlines tqis li ovvjament, l-għażla ta' punt ta' referenza dejjem tibqa' sa ċertu punt arbitrarja. Skont l-analiżi ta' Brussels Airlines, meta għażel is-sena ta' referenza 2012, il-Belġju ma jidhirx li qabeż il-marġni ta' diskrezzjoni tiegħu fuq dan il-punt.

(103)

Brussels Airlines tikkonkludi li l-miżura ma tagħtix vantaġġ selettiv.

5.3.3.   Il-kompatibbiltà tal-għajnuna

(104)

Brussels Airlines tixtieq tfakkar li, madankollu, kieku l-Kummissjoni kellha tikkonkludi dwar l-eżistenza ta' għajnuna, din l-għajnuna kienet tkun kompatibbli tal-anqas sal-4 ta' April 2014, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni. Brussels Airlines tirreferi dwar dan il-punt għad-Deċiżjoni Charleroi msemmija qabel, li fiha l-Kummissjoni aċċettat li diversi miżuri mogħtija mir-Reġjun ta' Walloon lill-operatur tal-ajruport ta' Charleroi, li kienu jissussidjaw l-attività ekonomika tal-ajruport b'mod selettiv u kienu għalhekk jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat illegali, ma kinux inkompatibbli mas-suq intern ħlief wara li daħlu fis-seħħ il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni.

(105)

Dan jimplika, skont l-analiżi ta' Brussels Airlines, li s-sussidji mħallsa għas-servizzi tas-sigurtà pprovduti qabel din id-data ma jistgħux bl-ebda mod jiġu rkuprati mingħand l-impriżi li rċevewhom.

5.3.4.   Konklużjoni

(106)

Brussels Airlines tqis li l-miżura inkwistjoni ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat peress li ma tissussidjax attività ekonomika u ma tagħti ebda vantaġġ selettiv. Fi kwalunkwe każ, hija tinnota li l-miżura għandha titqies kompatibbli mas-suq intern qabel id-dħul fis-seħħ tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni.

5.4.   L-osservazzjonijiet ta' parti kkonċernata oħra li talbet li tibqa' anonima

(107)

Fis-26 ta' Frar 2015, parti oħra kkonċernata, li talbet li tibqa' anonima (minn hawn 'il quddiem “il-parti kkonċernata li talbet li tibqa' anonima”), bagħtet il-kummenti tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-ftuħ lill-Kummissjoni.

(108)

L-ewwel nett, il-parti kkonċernata li talbet li tibqa' anonima tfakkar li l-Liġi Qafas tat-30 ta' Diċembru 2001 (24) tipprevedi espressament (25) li l-imposti tal-ajruport miġbura minn BAC għandhom ikunu nondiskriminatorji, trasparenti u orjentati skont il-kostijiet.

(109)

Hija tenfasizza mbagħad li d-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 ma jistax jippreġudika d-dispożizzjonijiet tal-Liġi Qafas peress li din ġejja minn standard ogħla minn Digriet Irjali.

(110)

Il-parti kkonċernata li talbet li tibqa' anonima tosserva li fuq il-bażi tal-Liġi Qafas, il-Belġju ta lil BAC liċenzja li tippermettilha topera l-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell. Għaldaqstant, skont il-parti kkonċernata li talbet li tibqa' anonima, il-Belġju għandu jiżgura l-konformità mal-kundizzjonijiet marbuta mal-liċenzja u allura l-karattru nondiskriminatorju tal-imposti tal-ajruport. Il-parti kkonċernata li talbet li tibqa' anonima tqis li jekk BAC ma tirrispettax dawn il-kundizzjonijiet, il-Belġju jista', u għandu, jieħu miżuri biex jirrimedja għal dan.

(111)

Il-parti kkonċernata li talbet li tibqa' anonima tistaqsi għalhekk jekk il-Belġju riedx jappoġġa lill-kumpaniji tal-ajru Belġjani kkonċernati mingħajr preġudizzju għar-regolamenti ekonomiċi msemmija fil-premessa 108 u tistaqsi jekk hijiex ir-responsabbiltà ta' BAC li tagħti l-istess skont fuq l-ispiża tal-miżuri tas-sigurtà lill-kumpaniji kollha tal-ajru li jużaw l-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell.

(112)

Barra minn hekk, il-parti kkonċernata li talbet li tibqa' anonima tfakkar li hemm ftehim ta' ħames snin bejn BAC u l-kumpaniji tal-ajru rigward is-sistema ta' tariffi u l-metodi ta' kontroll tat-tariffi. Kwalunkwe tibdil fil-ftehim fis-seħħ jeżiġi konsultazzjoni ġdida mal-kumpaniji tal-ajru.

(113)

Minn dan il-parti kkonċernata li talbet li tibqa' anonima tiddeduċi li l-Belġju jitlaq mill-prinċipju li BAC għandha tagħti skont nondiskriminatorju lill-kumpaniji kollha tal-ajru, (jiġifieri tnaqqas b'mod ġenerali l-kostijiet relatati mal-miżuri ta' sigurtà). Il-kuntrarju ta' dan ikun vantaġġ selettiv għal ċerti kumpaniji tal-ajru u jikser l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta' Chicago (26) u d-Direttiva 2009/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27).

6.   IL-KUMMENTI TAL-BELĠJU DWAR L-OSSERVAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET TERZI

6.1.   Kummenti dwar l-osservazzjonijiet ta' Ryanair

(114)

L-ewwel nett, il-Belġju jfakkar li fl-osservazzjonijiet tiegħu tas-16 ta' Jannar 2015 kif ukoll fit-tweġiba tiegħu tat-12 ta' Marzu 2015 għat-talba ta' informazzjoni tal-10 ta' Frar 2015, huwa kien spjega fid-dettall għalfejn il-miżura kkontestata ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

(115)

Barra minn hekk, il-Belġju jikkunsidra li l-elementi mressqa minn Ryanair aktar jirriflettu l-istrateġija kummerċjali tagħha milli argumentazzjoni purament ġuridika.

6.1.1.   Dwar it-talba ta' sospensjoni tal-għajnuna

(116)

Il-Belġju jfakkar li wara li l-Kummissjoni esprimiet dubji fid-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-Ministru tal-Mobilità ddeċieda li jissospendi l-eżekuzzjoni tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014, bħala prekawzjoni u mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tiegħu rigward l-evalwazzjoni preliminari li għamlet il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-ftuħ.

6.1.2.   Dwar l-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat

(117)

Meta kkummenta fuq l-argumenti ta' Ryanair dwar l-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat, b'mod partikolari dwar in-natura allegatament arbitrarja tal-limitu ta' 400 000 passiġġier fis-sena, in-natura allegatament mhux tas-soltu tat-trattament tal-passiġġieri fi transitu u fi trasferiment għall-identifikazzjoni tal-benefiċjarji tal-għajnuna u l-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna, u n-natura allegatament arbitrarja tal-użu tas-sena 2012 bħala sena ta' referenza għall-għażla tal-benefiċjarji tal-għajnuna, il-Belġju jirreferi lill-Kummissjoni għall-osservazzjonijiet tiegħu tas-16 ta' Jannar 2015 u għat-tweġiba tiegħu tat-12 ta' Marzu 2015 għat-talba ta' informazzjoni tal-10 ta' Frar 2015.

(118)

Fir-rigward tal-argumenti dwar is-sena 2012 bħala sena ta' referenza, skont il-Belġju, Ryanair naqset milli tispeċifika li għalkemm huwa minnu li ċ-ċifri dwar it-traffiku tax-xahar preċedenti jiġu ppubblikati kull xahar fuq is-sit web ta' BAC, din hija biss statistika ġenerali dwar in-numru ta' passiġġieri li jitilqu, jaslu, jittransitaw jew jiġu trasferiti, u mhux imqassma skont il-kumpaniji tal-ajru.

(119)

Rigward id-dikjarazzjoni tal-eks Segretarju tal-Istat għall-Mobilità msemmija minn Ryanair, il-Belġju jqis li din id-dikjarazzjoni bl-ebda mod ma tindika l-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat, u lanqas ta' xi pjan ieħor tal-Gvern Belġjan li jostakola l-kompetizzjoni eżerċitata minn Ryanair fil-konfront tal-kumpaniji tal-ajru l-oħrajn.

6.1.3.   Dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna allegata mas-suq intern

(120)

F'dan ir-rigward, il-Belġju jfakkar li l-miżura ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat peress li tkopri servizzi mhux ekonomiċi u, b'mod sussidjarju, peress li ma tagħtix vantaġġ lill-benefiċjarji tagħha.

(121)

Minn dan il-Belġju jikkonkludi li l-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-allegata għajnuna mill-Istat mhijiex rilevanti f'dan il-każ.

6.1.4.   Dwar it-talba għal informazzjoni finanzjarja mingħand il-benefiċjarji

(122)

F'dan ir-rigward, il-Belġju jenfasizza li l-miżura inkwistjoni ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat u għaldaqstant il-Kummissjoni ma għandha ebda raġuni għalfejn titlob informazzjoni finanzjarja mingħand Brussels Airlines, TUI Airlines Belgium u Thomas Cook Airlines Belgium.

(123)

Fi kwalunkwe każ, il-Belġju jemmen li huma t-tliet kumpaniji tal-ajru kkonċernati li għandhom jiġu mitluba, jekk ikun il-każ, jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom.

6.2.   Kummenti dwar l-osservazzjonijiet ta' IAG

(124)

Fil-kummenti tiegħu dwar l-osservazzjonijiet ta' IAG, il-Belġju jirreferi lill-Kummissjoni għall-osservazzjonijiet tiegħu tas-16 ta' Jannar 2015 kif ukoll għat-tweġiba tiegħu tat-12 ta' Marzu 2015 għat-talba ta' informazzjoni tal-10 ta' Frar 2015, fejn huwa jqis li kien spjega fid-dettall għalfejn il-miżura inkwistjoni ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

6.3.   Kummenti dwar l-osservazzjonijiet ta' Brussels Airlines

(125)

Il-Belġju nnota b'attenzjoni l-osservazzjonijiet li għamlet Brussels Airlines, li fihom hija tikkonkludi prinċipalment li l-miżura inkwistjoni ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat. Il-Belġju jinforma lill-Kummissjoni li huwa jaqbel f'dan ir-rigward ma' din il-konklużjoni ta' Brussels Airlines.

6.4.   Kummenti dwar l-osservazzjonijiet tal-parti kkonċernata li talbet li tibqa' anonima

(126)

Il-Belġju jirreferi għall-osservazzjonijiet tiegħu tas-16 ta' Jannar 2015 kif ukoll għat-tweġiba tiegħu tat-12 ta' Marzu 2015 għat-talba ta' informazzjoni tal-10 ta' Frar 2015, fejn huwa jqis li kien spjega fid-dettall għalfejn il-miżura inkwistjoni ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

7.   EVALWAZZJONI

7.1.   L-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat

(127)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat, kull għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat f'kull forma li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti oġġetti għandha tkun inkompatibbli mas-suq intern, sa fejn taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(128)

Għalhekk, biex miżura nazzjonali tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, iridu jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin: 1) il-benefiċjarji tal-miżura jkunu impriżi fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, 2) il-miżura inkwistjoni tkun iffinanzjata b'riżorsi tal-Istat u tkun imputabbli lill-Istat, 3) il-miżura tagħti vantaġġ ekonomiku lill-benefiċjarji tagħha u dan il-vantaġġ ikun selettiv u 4) il-miżura inkwistjoni twassal għal distorsjoni jew thedded li ġġib distorsjoni fil-kompetizzjoni u tista' taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri (28).

7.1.1.   Il-kunċett ta' impriża u ta' attività ekonomika

(129)

Skont l-Artikolu 107(1) TFUE, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat japplikaw biss fejn il-benefiċjarju huwa “impriża”. Il-kunċett ta' impriża jkopri kull entità impenjata f'attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus ġuridiku tagħha u mill-mod kif tiġi ffinanzjata (29). Kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta' prodotti u servizzi f'suq partikolari titqies li hija attività ekonomika (30). Kif fakkret il-Kummissjoni fil-punt 34 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni, il-kwistjoni ta' jekk entità, tkun liema tkun, tikkostitwixxix impriża jew le, hija dejjem marbuta ma' attività speċifika.

(130)

Skont il-Belġju, is-sussidju mħallas skont id-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 jiffinanzja servizzi li jiżguraw is-sigurtà tal-passiġġieri u tal-faċilitajiet tal-ajruport, u għalhekk, ma jsostnix attivitajiet ta' natura ekonomika. Il-Belġju jirreferi għad-Deċiżjoni Charleroi li fiha l-Kummissjoni kkunsidrat li l-finanzjament mir-Reġjun ta' Walloon ta' ċerti attivitajiet li jaqgħu taħt il-prerogattivi ta' awtorità pubblika fl-ajruport ta' Charleroi ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, b'mod partikolari minħabba li dawn l-attivitajiet ma kinux ta' natura ekonomika. Brussels Airlines ippreżentat argumenti simili.

(131)

Il-Kummissjoni ma tikkontestax li l-Belġju jista' eventwalment jagħti kumpensi lil BAC għall-attivitajiet ta' sigurtà li twettaq fl-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell, u li dawn il-kumpensi jistgħu ma jikkwalifikawx bħala għajnuna mill-Istat lil BAC. Madankollu, is-suġġett ta' din il-proċedura mhuwiex sussidju mogħti lil BAC, iżda sussidju lill-kumpaniji tal-ajru.

(132)

F'dan ir-rigward, ta' min jinnota li d-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 jipprevedi li BAC għandha tgħaddi s-sussidju kollu li tirċievi lill-kumpaniji tal-ajru li jkunu ġarrew aktar minn 400 000 passiġġier mill-ajruport fl-2012. Għaldaqstant, is-sussidju previst mid-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014, jagħti vantaġġ lill-kumpaniji tal-ajru li jkunu ġarrew aktar minn 400 000 passiġġier mill-ajruport fl-2012, permezz tal-mekkaniżmu ta' ridistribuzzjoni stabbilit mill-Artikolu 2 tal-istess Digriet Irjali.

(133)

Is-sussidji li l-kumpaniji tal-ajru jirċievu mingħand BAC taħt l-Artikolu 2 tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 għandhom l-għan li jkoprulhom parti mill-imposta tas-sigurtà dovuta lil BAC. L-imposta tas-sigurtà hija waħda mill-imposti tal-ajruport li permezz tagħha l-kumpaniji tal-ajru jħallsu lil BAC għall-aċċess għall-infrastruttura tal-ajruport u għall-provvista ta' servizzi tal-ajruport. Għaldaqstant hija waħda mill-komponenti tal-prezz tas-servizzi kummerċjali, iddeterminat minn operatur privat li jipprovdi servizzi. Barra minn hekk, l-imposta tas-sigurtà hija ammont mitlub għal kull passiġġier ittrasportat mill-kumpanija tal-ajru bi tluq mill-ajruport. Għaldaqstant huwa evidenti li s-sussidji inkwistjoni jiffinanzjaw attivitajiet ta' trasport kummerċjali tal-passiġġieri, li, kif spjegat il-Kummissjoni fil-punt 27 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni, jikkostitwixxu attivitajiet ekonomiċi. Dan bl-ebda mod ma huwa kumpens għall-kostijiet li jkollhom iġarrbu l-kumpaniji tal-ajru għall-attivitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istat fl-eżerċizzju tal-prerogattivi uffiċjali tiegħu ta' awtorità pubblika.

(134)

Fid-Deċiżjoni Charleroi, il-Kummissjoni eżaminat il-finanzjament tal-attivitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istat fl-eżerċizzju tal-prerogattivi uffiċjali tiegħu ta' awtorità pubblika, imwettqa mill-operatur tal-ajruport ta' Charleroi. Ma eżaminatx xi mekkaniżmu ta' ridistribuzzjoni lill-kumpaniji tal-ajru bħal dak li ġie stabbilit mill-Artikolu 2 tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014. Lanqas ma kkonkludiet li kwalunkwe finanzjament li rċevew il-kumpaniji tal-ajru ma kienx jikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat minħabba li kien se jiffinanzja attivitajiet mhux ekonomiċi. Għaldaqstant id-Deċiżjoni Charleroi mhijiex rilevanti fl-analiżi tal-miżura eżaminata f'din id-Deċiżjoni.

(135)

Jirriżulta minn dak li ntqal qabel li l-miżura eżaminata, jiġifieri s-sussidju lill-kumpaniji tal-ajru mogħti permezz tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014, jiffinanzja attività ekonomika, jiġifieri t-trasport kummerċjali tal-passiġġieri. Il-benefiċjarji tagħha, li huma kumpaniji tal-ajru, huma b'mod ċar impriżi fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

7.1.2.   Ir-riżorsi tal-Istat u l-imputabilità lill-Istat

(136)

Is-sussidju huwa mogħti skont Digriet Irjali adottat fil-Kunsill tal-Ministri. L-Artikolu 6 tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 jistipula li l-Ministru responsabbli għan-navigazzjoni bl-ajru huwa inkarigat mill-eżekuzzjoni tad-Digriet.

(137)

Barra minn hekk, is-sussidju huwa ffinanzjat minn riżorsi li ġejjin mill-baġit tal-Istat Belġjan. L-Artikolu 3 tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 jispeċifika fil-fatt: “Is-sussidju msemmi fl-Artikolu 1 għandu jitħallas mill-allokazzjoni bażika 52.60.31.32.01, ‘Għajnuna lis-settur tal-ajrunawtika’, (…) tal-Baġit tas-Servizz Pubbliku Federali tal-Mobilità u t-Trasport għas-sena baġitarja 2014.”.

(138)

Barra minn hekk, l-Artikolu 2 tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 jimponi lil BAC li tqassam lura mill-ġdid is-sussidju kollu riċevut mingħand l-Istat lil ċerti kumpaniji tal-ajru, f'ammonti determinati għal kull kumpanija tal-ajru skont metodu interament stabbilit mid-Digriet Irjali. Din id-dispożizzjoni ma tħalli ebda libertà lil BAC fl-għażla tal-kumpaniji tal-ajru benefiċjarji u fl-ammonti allokati lil kull waħda minnhom. Għaldaqstant, il-pagamenti li ħallset BAC lill-kumpaniji tal-ajru taħt id-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 għandhom jitqiesu imputabbli lill-Istat u ffinanzjati minn riżorsi tal-Istat, mingħajr ma din il-konklużjoni tiġi affettwata mill-fatt li BAC hija kumpanija b'75 % tal-ishma tagħha miżmuma minn investituri privati (31).

(139)

Barra minn hekk, ta' min jinnota li l-uniċi pagamenti li saru skont id-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 saru mingħajr ma ġew segwiti eżattament il-modi previsti inizjalment mid-digriet. Fil-fatt, l-ammonti dovuti lil kull kumpanija tal-ajru, ikkalkulati skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tal-imsemmi Digriet Irjali, tħallsu direttament mill-Istat lill-kumpaniji li ssodisfaw il-kriterji previsti fl-Artikolu 2(1) tal-istess Digriet Irjali, mingħajr ma għaddew minn BAC. B'hekk, fit-22 ta' Settembru 2014, l-Istat Belġjan ħallas l-ammonti li ġejjin direttament lill-kumpaniji tal-ajru: EUR 16 779 819 (Brussels Airlines), EUR 2 143 621 (TUI Airlines Belgium), EUR 76 560 (Thomas Cook Airlines Belgium). Huwa ovvju li dawn il-pagamenti diretti huma imputabbli lill-Istat u ffinanzjati permezz ta' riżorsi tal-Istat.

(140)

Abbażi ta' dawn l-elementi, għandu jiġi konkluż li l-mekkaniżmu tas-sussidji lill-kumpaniji tal-ajru stabbilit mill-Artikolu 2 tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 huwa imputabbli lill-Istat u mogħti mill-Belġju permezz ta' riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

7.1.3.   Vantaġġ ekonomiku

(141)

Sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura tal-Istat tikkostitwix għajnuna lil impriża, għandu jiġi ddeterminat jekk il-kumpanija inkwistjoni tgawdix minn vantaġġ ekonomiku li jippermettilha tevita kostijiet li kieku kien ikollha tħallas mir-riżorsi finanzjarji proprji tagħha, jew jekk tgawdix minn vantaġġ li kieku ma kinitx tirċievi f'kundizzjonijiet normali tas-suq (32).

(142)

Huwa biss l-effett tal-miżura fuq l-impriża li huwa rilevanti, mhux il-kawża jew l-objettiv tal-intervent mill-Istat (33). Kull meta s-sitwazzjoni finanzjarja ta' impriża tittejjeb bħala riżultat ta' intervent mill-Istat fuq termini li jkunu differenti mill-kundizzjonijiet tas-suq normali, ikun hemm vantaġġ (34). Sabiex dan jiġi vvalutat, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża li ssegwi l-miżura għandha tiġi mqabbla mas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha li kieku l-miżura ma ġietx introdotta (35). Minħabba li l-effett tal-miżura fuq l-impriża biss huwa importanti, huwa irrelevanti jekk il-vantaġġ huwiex obbligatorju għall-impriża fis-sens li ma setgħetx tevitah jew tirrifjutah (36).

(143)

Skont l-Artikolu 2 tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014, BAC għandha tqassam lura is-sussidju li tirċievi mingħand l-Istat lill-utenti tal-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell li jkunu ġarrew aktar minn 400 000 passiġġier (esklużi l-passiġġieri fi transitu u fi trasferiment) li jkunu telqu mill-ajruport bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Diċembru 2012, skont modi definiti minn dan l-istess Artikolu. Dawn il-pagamenti jikkonsistu fir-rimborż ta' parti mill-imposta tas-sigurtà dovuta lil BAC minn kull waħda mill-kumpaniji tal-ajru kkonċernati, kif juri l-kalkolu ppreżentat fil-premessi 39 sa 41. L-imposta tas-sigurtà tagħmel parti mill-imposti tal-ajruport stabbiliti minn BAC u fatturata lill-kumpaniji tal-ajru bi skambju għal servizzi kummerċjali, fosthom l-aċċess għall-infrastruttura tal-ajruport, li l-kumpaniji tal-ajru jkollhom bżonn biex jipprovdu s-servizzi ta' trasport bl-ajru tagħhom. Barra minn hekk, din l-imposta hija espressa bħala ammont fatturat għal kull passiġġier ittrasportat mill-ajruport u għalhekk taqa' direttament taħt l-attivitajiet ta' trasport kummerċjali tal-passiġġieri mill-kumpaniji tal-ajru. Għaldaqstant hija tagħmel parti mill-ispejjeż li l-kumpaniji tal-ajru li joperaw fl-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell ikollhom iġarrbu f'kundizzjonijiet normali tas-suq. Għaldaqstant, il-miżura inkwistjoni tevita lill-kumpaniji tal-ajru kkonċernati li jġarrbu spejjeż li normalment kien ikollhom iħallsu mir-riżorsi finanzjarji proprji tagħhom u tagħtihom vantaġġ li ma kinux jirċievu f'kundizzjonijiet normali tas-suq.

(144)

Skont il-Belġju, biex tiġi evalwata l-eżistenza ta' vantaġġ ekonomiku f'dan il-każ, jeħtieġ li jsir paragun bejn il-miżura eżaminata f'din il-proċedura u sitwazzjoni simili fil-Belġju. Il-Belġju jenfasizza f'dan ir-rigward li, sal-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni, l-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell biss kien jitlob imposta mingħand l-utenti tiegħu għall-ispejjeż tas-sigurtà ġġenerati mill-użu tagħhom tal-ajruport, mingħajr intervent pubbliku. Skont il-Belġju, dan jiddistingwi lill-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell mis-sitwazzjoni tal-ajruporti l-oħrajn li jinsabu fir-Reġjun ta' Walloon u fir-Reġjun Fjamming, fejn il-kostijiet kollha relatati mas-servizzi tas-sigurtà tal-ajruport huma mħallsa mir-reġjuni kkonċernati. Il-Belġju jirreferi f'dan ir-rigward għad-Deċiżjoni Charleroi, u b'mod partikolari għall-premessi 269 u 270 tagħha. Abbażi tal-punti minn 54 sa 60 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni, li jirrigwardaw l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur f'ekonomija tas-suq għall-miżuri meħuda favur il-kumpaniji tal-ajru, u l-użu tal-metodi ta' tqabbil bejn l-ajruporti għal dan il-għan, il-Belġju jikkonkludi li l-miżura inkwistjoni ma tagħti ebda vantaġġ ekonomiku lill-kumpaniji tal-ajru kkonċernati. Brussels Airlines tressaq argumenti simili, billi tenfasizza n-nuqqas ta' imposta ta' sigurtà mitluba mingħand il-kumpaniji tal-ajru fl-ajruport ta' Charleroi.

(145)

Il-Kummissjoni ma taqbilx mal-pożizzjoni tal-Belġju rigward il-metodu li għandu jiġi applikat biex tivvaluta l-eżistenza ta' vantaġġ ekonomiku f'din il-kawża. Il-Kummissjoni tinnota l-ewwel nett li s-silta tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni li għaliha jirreferi l-Belġju tirrigwarda l-analiżi tal-imġiba ta' operatur ta' ajruport fir-rigward ta' kumpanija jew diversi kumpaniji tal-ajru, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-imposti mitluba minn dan l-operatur humiex konformi mal-prinċipju tal-operatur f'ekonomija tas-suq. Il-miżura eżaminata ma tidħolx f'dan il-kuntest peress li hija miżura ta' rimborż parzjali mill-Istat ta' imposti mitluba minn operatur ta' ajruport privat lil tliet kumpaniji tal-ajru speċifiċi.

(146)

Barra minn hekk, għall-kumpaniji tal-ajru li joperaw fil-Belġju, il-kundizzjonijiet normali tas-suq jikkorrispondu għal sitwazzjoni fejn huma jġorru l-piż finanzjarju kollu tal-imposti tal-ajruport mitluba mingħandhom, ikunu xi jkunu d-differenzi bejn dawn l-imposti, li l-livell tagħhom huwa stabbilit mid-diversi operaturi tal-ajruporti skont għadd ta' fatturi bħall-politiki kummerċjali rispettivi tagħhom, il-livelli ta' kostijiet rispettivi tagħhom, il-qafas regolatorju reġjonali jew nazzjonali li fih ikollhom jistabbilixxu dawn l-imposti, kif ukoll kemm ikollhom iġorru mill-piż finanzjarju tal-attivitajiet li jaqgħu taħt il-prerogattivi ta' awtorità pubblika. Il-kundizzjonijiet normali tas-suq ma jassumux li l-imposti tal-ajruport ikunu l-istess fid-diversi ajruporti Belġjani, anki jekk wieħed iqis li dawn huma komparabbli biżżejjed biex ikun jista' jiġi applikat il-metodu rakkomandat fil-punti minn 54 sa 60 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni, xi ħaġa li l-Belġju ma ppruvax juri. Għaldaqstant, sussidju li jqarreb l-imposti mitluba f'ajruport Belġjan mal-imposti mitluba f'ajruporti Belġjani oħrajn ma jistax ma jiġix ikkwalifikat bħala vantaġġ ekonomiku.

(147)

Barra minn hekk, ir-referenza tal-Belġju għall-premessi 269 u 270 tad-Deċiżjoni Charleroi ma tidhirx li hija rilevanti. F'dawn il-premessi, il-Kummissjoni ma tiħux pożizzjoni iżda tiġbor fil-qosor il-kummenti tal-Belġju dwar l-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati fil-kuntest tal-proċedura ta' investigazzjoni formali fir-rigward tal-ajruport ta' Charleroi. Barra minn hekk, il-premessi inkwistjoni jirrigwardaw l-għażla tal-awtoritajiet pubbliċi Belġjani jekk jassumux jew le r-responsabbiltà tal-eżekuzzjoni jew tal-finanzjament tal-attivitajiet imwettqa mill-operaturi tal-ajruport u li dawn l-awtoritajiet iqisu li jaqgħu taħt il-prerogattivi ta' awtorità pubblika. Din il-kwistjoni mhijiex rilevanti għall-analiżi tal-miżura li qed tiġi eżaminata. Kif indikat qabel fil-premessa (131) ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ma tikkontestax il-possibbiltà li l-Istat Federali jikkumpensa spejjeż imġarrba minn BAC għall-attivitajiet ta' sigurtà tagħha iżda tipprova tiddetermina jekk il-mekkaniżmu ta' ridistribuzzjoni tas-sussidju stabbilit mid-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 lill-kumpaniji tal-ajru jagħtix vantaġġ ekonomiku lil dawn tal-aħħar.

(148)

Jirriżulta minn dak li ntqal li l-argumenti ppreżentati mill-Belġju u minn Brussels Airlines ma jippreġudikawx il-konklużjoni li l-miżura li qed tiġi eżaminata tipprevjeni li l-kumpaniji tal-ajru kkonċernati jġarrbu l-kostijiet li normalment kien ikollhom iħallsu mir-riżorsi finanzjarji proprji fil-kundizzjonijiet normali tas-suq.

(149)

Barra minn hekk, fl-ipoteżi li BAC irċeviet sussidju fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1 tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 u dan ma kienx soġġett għal ebda obbligu li jitqassam fost il-kumpaniji tal-ajru, huwa improbabbli li BAC kienet se tgħaddi l-effett ta' dan is-sussidju fuq l-imposta tas-sigurtà mitluba mingħand il-kumpaniji tal-ajru bl-istess mod kif previst fl-Artikolu 2 tal-imsemmi Digriet Irjali.

(150)

L-ewwel nett, xejn ma jindika b'mod ċar li taħt l-effett ta' tali sussidju, BAC kienet se tnaqqas l-imposta tas-sigurtà jew kienet se tirrimborża parti minnha. BAC tista' talloka s-sussidju għall-finanzjament ta' investimenti addizzjonali fil-qasam tas-sigurtà, mhux previsti fil-programm ta' investiment eżistenti tagħha. F'tali konfigurazzjoni, BAC ma jkollha ebda raġuni biex tnaqqas l-imposta tas-sigurtà jew li tirrimborża parti minnha. Min-naħa l-oħra, kif indikat fit-Taqsima 2.1.3, is-sistema tal-kontroll tat-tariffi u l-formula ta' kontroll tat-tariffi huma stabbiliti minn BAC għal perjodu regolatorju ta' ħames snin. Id-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 ġie adottat matul il-perjodu regolatorju 2011-2015. Huwa improbabbli li bħala riżultat tas-sussidju, BAC setgħet issib jew kienet issib inċentiv biex tipproponi tnaqqis fl-imposta tas-sigurtà jew rimborż parzjali ta' din l-imposta qabel tmiem dan il-perjodu regolatorju, jiġifieri kważi sentejn wara l-adozzjoni tad-Digriet Irjali.

(151)

Barra minn hekk, anki jekk wieħed jassumi li bħala riżultat ta' dan is-sussidju, BAC setgħet tqis u qieset li kien ikun tajjeb li tgħaddi r-riżultat ta' dan is-sussidju fuq il-kumpaniji tal-ajru billi tnaqqas l-imposta tas-sigurtà jew billi tirrimborża parti minnha, huwa raġonevoli li wieħed jaħseb li dan kienet tagħmlu b'mod uniformi għall-utenti kollha tal-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell. Fil-fatt, l-imposta tas-sigurtà attwalment għandha l-forma ta' ammont wieħed għal kull passiġġier li jitlaq mill-ajruport irrispettivament mit-tip ta' passiġġier. Sussidju li jnaqqas l-ispejjeż tas-sigurtà ta' BAC għandu għalhekk loġikament iwassal għal tnaqqis ta' dan l-ammont wieħed, u b'hekk igawdu l-kumpaniji kollha tal-ajru b'mod proporzjonali għan-numru ta' passiġġieri li huma jġorru bi tluq mill-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell. Madankollu, il-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 2 tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 iwassal għal riżultati differenti ħafna. B'mod partikolari, permezz ta' dan il-mekkaniżmu, ħafna mill-utenti tal-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell ma jgawdu minn ebda rimborż parzjali tal-imposta tas-sigurtà tagħhom, filwaqt li tliet kumpaniji tal-ajru biss jaqsmu fosthom il-baġit disponibbli ta' EUR 19 000 000 fis-sena.

(152)

Għalhekk, il-mekkaniżmu ta' ridistribuzzjoni jibdel il-piżijiet finanzjarji mġarrba mill-kumpaniji tal-ajru li jużaw l-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell favur it-tliet kumpaniji tal-ajru li jgawdu minn dan il-mekkaniżmu, meta mqabbel ma' sitwazzjoni ipotetika fejn BAC kienet tirċievi sussidju fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1 tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 mingħajr ma dan is-sussidju jkun marbut ma' xi obbligu ta' ridistribuzzjoni lill-kumpaniji tal-ajru.

(153)

Barra minn hekk, il-miżura ma tistax titqies bħala kumpens finanzjarju li l-Istat jagħti lill-kumpaniji tal-ajru kkonċernati għall-provvista ta' xi servizz ta' interess ekonomiku ġenerali, peress li l-Belġju ma invokax l-eżistenza ta' tali servizz ta' interess ekonomiku ġenerali fdat lill-kumpaniji tal-ajru kkonċernati. Għaldaqstant il-miżura ma tistax titqies li hija eżenti minn vantaġġ ekonomiku skont is-Sentenza Altmark (37).

(154)

Jirriżulta minn dan kollu li ntqal li l-miżura inkwistjoni tagħti vantaġġ ekonomiku lil xi kumpaniji tal-ajru.

(155)

Il-Kummissjoni tinnota li fis-26 ta' Awwissu 2014, is-sit web tas-Sur Melchior Wathelet, li dak iż-żmien kien il-Viċi Prim Ministru u l-eks Segretarju tal-Istat għall-Ambjent, l-Enerġija, il-Mobilità u r-Riformi Istituzzjonali, kien jindika li “il-Kumitat Ministerjali Ristrett iddeċieda f'Diċembru 2012 li jagħti pakkett ta' EUR 20 000 000 fis-sena biex jappoġġja lill-kumpaniji tal-ajru Belġjani (…)”. Fis-27 ta' Awwissu 2014, is-Sinjura Catherine Fonck, li dak iż-żmien kienet is-Segretarju tal-Istat għall-Mobilità, iddikjarat: “Il-gvern ħa deċiżjoni ċara ħafna. Is-sussidji lill-kumpaniji tal-ajru li jgħaddu minn Brussels Airport iridu jitħallsu”. Dawn id-dikjarazzjonijiet ministerjali jispjegaw il-konklużjoni li l-mekkaniżmu ta' ridistribuzzjoni stabbilit mill-Artikolu 2 tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 jagħti vantaġġ ekonomiku lill-kumpaniji tal-ajru kkonċernati, u saħansitra jissuġġerixxu li l-għoti ta' dan il-vantaġġ lil dawn il-kumpaniji tal-ajru seta' kien l-għan ewlieni ta' dan id-Digriet Irjali.

(156)

Jonqos li jiġi ddeterminat jekk il-vantaġġ ekonomiku identifikat fil-premessi minn 141 sa 154 huwiex selettiv.

7.1.4.   Selettività

(157)

L-Artikolu 107(1) TFUE jirrikjedi li miżura, sabiex tiġi definita bħala għajnuna mill-Istat, għandha tiffavorixxi “ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti oġġetti”. Għalhekk, il-miżuri li jagħtu vantaġġ b'mod selettiv lil ċerti impriżi jew kategoriji ta' impriżi jew lil ċerti setturi ekonomiċi biss jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

(158)

Il-Kummissjoni tinnota l-ewwel nett li skont id-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014, it-tliet kumpaniji tal-ajru li ġarrew aktar minn 400 000 passiġġier mill-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell fl-2012 biss setgħu jgawdu mill-miżura, jiġifieri Brussels Airlines, TUI Airlines Belgium u Thomas Cook Airlines Belgium, jiġifieri sottogrupp ta' kumpaniji tal-ajru li effettivament jew potenzjalment iġorru passiġġieri bi tluq mill-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell. B'hekk, meta ġie adottat id-Digriet Irjali, l-uniċi benefiċjarji possibbli tal-miżura kienu perfettament identifikabbli u kienu jiffurmaw sottogrupp ristrett ta' kumpaniji tal-ajru li jittrasportaw passiġġieri bi tluq mill-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell, iddeterminat esklussivament skont id-data dwar is-sena 2012 li kienet disponibbli meta ġie adottat id-Digriet Irjali. Madankollu, vantaġġ ekonomiku mogħti lil grupp ristrett magħmul minn impriżi perfettament identifikabbli fil-mument tal-għoti, huwa bilfors selettiv, kemm de jure kif ukoll de facto.

(159)

Il-miżura li qed tiġi eżaminata tagħti għalhekk vantaġġ selettiv lill-kumpaniji tal-ajru li jibbenefikaw minnha. Din il-konklużjoni ma tikkontradixxix ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza li tat fil-21 ta' Diċembru 2016 fil-Kawża Hansestadt Lübeck (38), għar-raġunijiet mogħtija fil-premessi 161 u 162.

(160)

F'din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-kundizzjonijiet li fihom regolament li jistabbilixxi l-ammont tal-imposti tal-ajruport ta' Lübeck seta' jimplika vantaġġ selettiv. Hija qieset li l-kuntest ta' riferiment rilevanti sabiex jiġi eżaminat il-kriterju ta' selettività tar-regolament inkwistjoni kien dak tal-iskema ta' imposti applikabbli għall-ajruport ta' Lübeck (39). B'hekk, huwa fi ħdan il-grupp kostitwit mill-utenti attwali u potenzjali tal-Ajruport ta' Lübeck li jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk ir-regolament inkwistjoni jagħtix vantaġġ lil ċerti impriżi fuq oħrajn, u fejn xieraq, li jiġi ddeterminat jekk l-għoti ta' dan il-vantaġġ huwiex iġġustifikat min-natura u l-ekonomija tas-sistema li taħtha taqa' l-miżura.

(161)

Il-miżura li qed tiġi eżaminata hija differenti mill-miżura inkwistjoni fil-każ Hansestadt Lübeck peress li ma tikkonsistix mir-regolazzjoni tal-imposti tal-ajruport applikabbli għall-grupp miftuħ tal-utenti kollha tal-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell, iżda tagħti sussidju lil sottogrupp magħluq ta' dak il-grupp. B'mod partikolari, kwalunkwe kumpanija tal-ajru li ttrasportat inqas minn 400 000 passiġġier bi tluq mill-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell fl-2012 hija eskluża mill-benefiċċju tal-miżura, irrispettivament min-numru u t-tip ta' passiġġieri li ġarret matul il-perjodu ta' applikazzjoni tal-miżura. Għaldaqstant il-mudell ta' analiżi tas-selettività li għażlet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ Hansestadt Lübeck ma japplikax għall-miżura li qed tiġi eżaminata.

(162)

Madankollu, anki jekk wieħed jassumi li l-mekkaniżmu ta' ridistribuzzjoni stabbilit mill-Artikolu 2(1) tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 jista' jitqies bħala miżura għall-iffissar tal-imposti tal-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell u li s-selettività eventwali tal-miżura għandha tiġi eżaminata billi jittieħed bħala referenza l-grupp iffurmat mill-utenti attwali u potenzjali tal-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell, xorta waħda tibqa' miżura selettiva, kif se jintwera fil-premessi minn 163 sa 192.

(163)

Fl-ipoteżi msemmija fil-premessa 162, jenħtieġ li jitqies li l-kuntest ta' referenza rilevanti għall-valutazzjoni tas-selettività eventwali tal-miżura inkwistjoni jikkonsisti mis-sistema ta' imposti tal-ajruport fis-seħħ ġewwa l-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell u l-iskema ta' finanzjament tal-attivitajiet ta' sigurtà ta' dan l-ajruport. Barra minn hekk, l-eżami tal-eżistenza ta' trattament differenti kkawżat mill-miżura eżaminata u l-ġustifikazzjonijiet possibbli tiegħu, irid isir fi ħdan il-grupp iffurmat mill-utenti attwali u potenzjali tal-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell. Dan huwa l-approċċ li l-Belġju uża, tal-inqas b'mod impliċitu, waqt il-proċedura. Fil-fatt, ta diversi ġustifikazzjonijiet għal ċerti aspetti tal-miżura li kkawżaw trattament differenti fost l-utenti attwali u potenzjali tal-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell, fosthom il-limitu ta' 400 000 passiġġier u l-użu ta' data dwar is-sena 2012 biex jidentifika l-impriżi benefiċjarji. Il-Kummissjoni tqis li dan il-metodu mhuwiex applikabbli għal dan il-każ, għar-raġunijiet imsemmija fil-premessa 161. Barra minn hekk, kif jintwera fil-premessi minn 164 sa 192, l-applikazzjoni ta' dan il-metodu twassal għall-konklużjoni li l-miżura hija selettiva.

(164)

Jekk wieħed japplika l-metodu deskritt fil-premessa 162, bil-kuntest ta' referenza ddeterminat kif indikat fil-premessa 163, għandu jkun innutat li l-miżura toħloq vantaġġ għal ċerti impriżi u mhux għal oħrajn li jinsabu f'sitwazzjoni fattwali u ġuridika simili. Fil-fatt, il-kumpaniji kollha tal-ajru li jagħmlu titjiriet mill-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell jinsabu f'sitwazzjoni fattwali u ġuridika simili, peress li kollha huma soġġetti għall-istess sistema ta' imposti tal-ajruport u b'mod partikolari għal imposta tas-sigurtà li tikkonsisti f'ammont wieħed mitlub għal kull passiġġier li jitlaq mill-ajruport irrispettivament mit-tip u n-numru ta' passiġġieri. Madankollu, filwaqt li ċerti utenti, f'dan il-każ dawk li jissodisfaw il-kriterju definit fl-Artikolu 2(1) tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014, jibbenefikaw minn rimborż parzjali tal-imposta tas-sigurtà tagħhom, oħrajn ma jieħdu ebda rimborż.

(165)

Jonqos li jiġi ddeterminat jekk dan it-trattament differenti huwiex iġġustifikat min-natura u l-ekonomija tas-sistema li taħtha taqa' l-miżura. F'dan ir-rigward, ta' min ifakkar l-għan tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 li stabbilixxa l-miżura inkwistjoni. Skont it-termini tiegħu stess, din hija miżura ta' appoġġ għall-infrastrutturi tas-sigurtà fl-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell. Ta' min ifakkar ukoll li skont ir-regolamenti fis-seħħ, hija BAC li għandha tiddetermina l-livell tal-imposti tal-ajruport, fil-limiti tal-qafas regolatorju deskritt fit-Taqsima 2.1.3. Fil-fatt, skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-premessa 25 BAC għandha tistabbilixxi, wara li tikkonsulta mal-utenti tal-ajruport, is-sistema ta' tariffi u l-formula ta' kontroll tat-tariffi, li jitqiesu li huma miftiehma bejn il-partijiet jekk utent ma jibgħatx notifika ta' nuqqas ta' qbil ġustifikat. L-awtorità regolatorja ekonomika tista' teħtieġ ċerti adattamenti jew modifiki fil-formula ta' kontroll tat-tariffi jew fis-sistema tat-tariffi jekk il-partijiet ma jaqblux skont l-Artikolu 55(4) tad-Digriet Irjali tal-21 ta' Ġunju 2004. Il-formula ta' kontroll tat-tariffi u kwalunkwe modifika f'din il-formula mill-awtorità regolatorja ekonomika, kif ukoll is-sistema tat-tariffi, iridu jiġu approvati mill-Ministru responsabbli għan-navigazzjoni bl-ajru. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota li BAC stabbiliet imposta ta' sigurtà maħsuba biex tiffinanzja l-attivitajiet ta' sigurtà tagħha, tal-anqas sakemm jiġi introdott is-sussidju stabbilit permezz tal-Artikolu 1 tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014. L-elementi mfakkra f'din il-premessa jagħmlu parti min-natura u l-ekonomija tas-sistema li taħtha taqa' l-miżura inkwistjoni.

(166)

L-imposta tas-sigurtà tikkonsisti f'ammont wieħed mitlub għal kull passiġġier li jitlaq mill-ajruport, irrispettivament mit-tip ta' passiġġier ittrasportat. Miżura ta' finanzjament pubbliku tal-attivitajiet ta' sigurtà għandha għalhekk loġikament twassal lil BAC, biex tal-anqas tuża s-sussidju kollu biex tiffinanzja spejjeż ta' sigurtà addizzjonali, biex tbaxxi l-imposta tas-sigurtà b'mod uniformi. B'hekk, l-utenti kollha tal-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell igawdu mill-effetti ta' dan il-finanzjament skont in-numru ta' passiġġieri li jġorru bi tluq mill-ajruport. Madankollu, il-miżura kkonċernata twassal għal riżultat ferm differenti, anki għas-sempliċi fatt li ħafna utenti ma jistgħux igawdu minn rimborż taħt l-Artikolu 2 tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014. Għaldaqstant il-miżura tiddevja mill-ekonomija ġenerali tas-sistema ta' imposti tal-ajruport mingħajr raġuni oġġettiva u għal diversi raġunijiet. L-ewwel nett, hija r-riżultat ta' deċiżjoni unilaterali tal-Gvern Federali li ma għandu ebda kompetenza biex jiddetermina l-imposti tal-ajruport. Fil-fatt, ir-rwol tal-Gvern Federali huwa biss li japprova jew ma japprovax il-formula ta' kontroll u s-sistema tat-tariffi meta jintemm il-proċess deskritt fit-Taqsima 2.1.3, li qatt ma ġie segwit biex tiġi adottata l-miżura inkwistjoni. Imbagħad il-miżura hija inkonsistenti mal-istruttura tal-imposta tas-sigurtà, li għandha l-forma ta' ammont għal kull passiġġier li jitlaq mill-ajruport u li ma tagħmilx distinzjoni bejn it-tip jew in-numru ta' passiġġieri ttrasportati. B'hekk it-trattament differenti kkawżat mill-miżura ma jistax ikun iġġustifikat min-natura u l-ekonomija tas-sistema li taħtha taqa' l-miżura msemmija.

(167)

Fil-bqija ta' din id-deċiżjoni, u għall-fini ta' kompletezza, il-Kummissjoni xorta se teżamina l-ġustifikazzjonijiet mogħtija mill-Belġju (40) u minn ċerti partijiet terzi dwar il-parametri li jiddeterminaw il-benefiċjarji tal-miżura.

Dwar il-limitazzjoni tan-numru ta' benefiċjarji abbażi tal-limitu ta' 400 000 passiġġier fis-sena 2012, minbarra l-passiġġieri fi transitu u fi trasferiment.

(168)

Skont il-Belġju, l-idea sottostanti tal-miżura hija li tirrifletti l-karattru dekrexxenti tal-kost marġinali għal kull passiġġier tal-ispejjeż tas-sigurtà u li b'hekk jiġi evitat li jiġu penalizzati l-utenti li huma l-aktar li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tat-traffiku tal-passiġġieri tal-ajruport.

(169)

Rigward l-għażla tal-limitu ta' 400 000 passiġġier fis-sena, minbarra l-passiġġieri fi transitu u fi trasferiment, biex jiġu ddeterminati l-benefiċjarji, il-Belġju jispjega li dan il-limitu ġie stabbilit abbażi tal-analiżijiet li ġejjin:

41 % tal-kost tas-sigurtà huwa fiss, filwaqt li 59 % huwa varjabbli;

it-trasferiment tal-passiġġieri mhuwiex eżenti mill-ispejjeż tas-sigurtà, li jikkostitwixxi differenza notevoli minn ħafna ajruporti Ewropej.

il-mod ta' ffissar tat-tariffi tas-sigurtà fl-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell ma jirriflettix id-digressjoni tal-kostijiet tas-sigurtà u l-kostijiet reali ta' ġestjoni tal-passiġġieri mhumiex għalhekk riflessi f'din il-prattika ta' tariffi;

il-kumpaniji tal-ajru tal-passiġġieri jikkontribwixxu aktar għall-ispejjeż tas-sigurtà mit-trasportaturi tal-merkanzija peress li l-imposti huma bbażati fuq in-numru ta' passiġġieri filwaqt li sehem kbir tal-kostijiet tas-sigurtà ġej mill-ġestjoni tas-sigurtà għal dawn it-trasportaturi tal-merkanzija.

(170)

Skont il-Belġju, din l-analiżi twassal għall-konklużjoni li t-trasportaturi tal-passiġġieri ġew iċċarġjati żżejjed u li kienu meħtieġa miżuri ta' korrezzjoni peress li l-iżvilupp tal-ajruport jirrikjedi li jiżdied speċifikament in-numru ta' passiġġieri li jitilqu mill-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell.

(171)

Ma' dawn il-ġustifikazzjonijiet, il-Belġju jżid jgħid li kienet kwistjoni ta' stabilizzazzjoni tal-operazzjonijiet tat-trasportaturi ewlenin permezz ta' inċentiv ċar u oġġettiv. Skont il-Belġju, l-inċentiv jista' jkollu effett hekk kif jinqabeż il-limitu ta' 400 000 passiġġier bi tluq mill-ajruport. Fil-fatt valur inqas, skont il-Belġju, ikollu bħala effett li jnaqqas il-miżura li tissussidja biss terz tal-ispejjeż tas-sigurtà tal-ajruport, filwaqt li valur ogħla jagħmilha diffiċli ħafna għall-kumpaniji tal-ajru li jixtiequ joperaw fl-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell li jilħqu l-għan.

(172)

Fl-aħħar nett, fil-kummenti tiegħu dwar id-Deċiżjoni tal-ftuħ il-Belġju żied jgħid: “l-għan kien li nħeġġu lill-kumpaniji tal-ajru jkomplu jiżviluppaw fi Brussell billi nikkumpensawhom għat-tnaqqis fil-kostijiet tas-sigurtà li ġġib magħha żieda fil-passiġġieri” (41).

(173)

Il-Kummissjoni tinnota l-ewwel nett li l-kunsiderazzjonijiet li għamel il-Belġju dwar it-trasportaturi tal-merkanzija ma jiġġustifikawx id-differenzi kkawżati mill-miżura fost it-trasportaturi tal-passiġġieri, li huma s-suġġett ta' din l-analiżi.

(174)

L-argumenti l-oħrajn imressqa mill-Belġju, kif miġburin fil-qosor fil-premessi minn 169 sa 172, ma jistgħu jiġġustifikaw la l-eżistenza tal-limitu ta' 400 000 passiġġier fis-sena u lanqas il-livell tiegħu, u lanqas il-fatt li jirrigwarda d-data storika tas-sena 2012. Fil-fatt, dawn l-argumenti jistgħu jinġabru f'żewġ punti prinċipali. L-ewwel nett, il-limitu huwa ġġustifikat mix-xewqa li jiġi promoss jew żviluppat it-traffiku tal-ajruport, l-aktar billi jiġi stabbilizzat it-traffiku tal-operaturi li jittrasportaw l-aktar passiġġieri. It-tieni, huwa ġġustifikat mill-għan li jiġu korretti l-effetti tal-imposta tas-sigurtà attwali, li ma tirriflettix tajjeb ir-realtà tal-kostijiet tas-sigurtà ġġenerati mit-traffiku tal-passiġġieri ta' kull kumpanija tal-ajru.

(175)

Rigward l-ewwel punt, il-Kummissjoni tinnota li l-għan li jiġi stabbilizzat jew żviluppat it-traffiku tal-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell ma għandu x'jaqsam xejn mal-għan iddikjarat fid-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014, jiġifieri l-finanzjament tal-infrastrutturi tas-sigurtà. Barra minn hekk, l-għan ta' stabilizzazzjoni jew ta' żvilupp tat-traffiku ġej fir-realtà mill-istrateġija u l-politika kummerċjali ta' BAC. Ta' min ifakkar f'dan ir-rigward li s-sistema tal-imposti tal-ajruport fl-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell ma tipprovdi bl-ebda mod li l-Gvern Federali jista' jieħu post BAC fl-implimentazzjoni tal-inċentivi finanzjarji għall-promozzjoni tat-traffiku. Kif ġie indikat qabel, skont ir-regolamenti fis-seħħ, hija BAC li għandha tiddetermina l-livell tal-imposti tal-ajruport, fil-limiti tal-qafas regolatorju deskritt fit-Taqsima 2.1.3. Barra minn hekk, għalkemm l-objettiv tal-Belġju huwa li jżid it-traffiku fl-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell, ir-raġunijiet li għalihom l-inċentivi finanzjarji għandhom ikunu riżervati għall-kumpaniji li ttrasportaw aktar minn 400 000 passiġġier fl-2012, data preċedenti għad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi Digriet Irjali, mhumiex ċari. B'mod partikolari, il-kumpaniji tal-ajru li ma laħqux il-limitu tat-traffiku fl-2012 huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tal-miżura meta jista' jkun li huma kapaċi jżidu t-traffiku tagħhom b'mod sinifikanti fis-snin ta' wara f'każ li jingħataw inċentivi xierqa.

(176)

L-uniċi elementi kkwantifikati mogħtija mill-Belġju sabiex jiġġustifika l-limitu ta' 400 000 passiġġier huma data dwar in-numru ta' passiġġieri li jitilqu mill-ajruport trasportati fl-2012 u fl-2013 mill-kumpaniji tal-ajru li ttrasportaw aktar minn 100 000 passiġġier mill-ajruport matul waħda minn dawn is-sentejn, u li jiddistingwu bejn il-passiġġieri fi trasferiment, il-passiġġieri fi transitu u l-passiġġieri l-oħrajn li jitilqu mill-ajruport. (42) Il-Belġju jikkummenta din id-data hekk: “L-analiżi taċ-ċifri mogħtija fl-Anness 2 turi għas-sena 2012 li huwa mil-limitu ta' 400 000 passiġġier li jitilqu mill-ajruport li tiżdied b'mod sinifikanti r-rata ta' tkabbir – tal-koeffiċjent angolari tal-kurva derivata minn din id-data. Għaldaqstant huwa minn dan il-valur li l-inċentiv jista' jipproduċi dawn l-effetti” (43). Madankollu, sa fejn din id-data turi biss il-bidliet fin-numru ta' passiġġieri trasportati bejn l-2012 u l-2013, u mhux ir-relazzjonijiet bejn l-imposti tal-ajruport, b'mod partikolari dik tas-sigurtà, u n-numru ta' passiġġieri ttrasportati, din ma tippermettix, fil-prinċipju, il-valutazzjoni tal-effetti ta' inċentiv tal-miżura kkonċernata fuq it-traffiku tal-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell.

(177)

Il-Kummissjoni tqis għalhekk li l-ewwel punt prinċipali tal-argumenti mressqa mill-Belġju, kif miġbura fil-qosor fil-premessa 174 ma jiġġustifikax il-limitu ta' 400 000 passiġġier li jitilqu mill-ajruport fis-sena kkunsidrat fl-Artikolu 2(1) tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014.

(178)

Rigward it-tieni punt prinċipali msemmi fil-premessa 174, il-Kummissjoni tinnota li l-ħsieb li jiġi korrett il-mod kif BAC tiġbor il-kostijiet tas-sigurtà tagħha mingħand id-diversi kumpaniji tal-ajru, li l-Belġju jqis li huwa meħtieġ sabiex tiġi riflessa r-realtà tal-kostijiet ikkawżati mid-diversi kumpaniji tal-ajru, ma għandux x'jaqsam mal-għan tal-miżura, jiġifieri l-appoġġ għall-infrastruttura tas-sigurtà. Fil-fatt, għalkemm l-għoti ta' sussidju lil BAC biex tonqos l-istruttura tal-kostijiet tagħha tas-sigurtà (44) huwa potenzjalment ta' natura tali li jappoġġa lill-infrastrutturi tas-sigurtà, il-mod kif BAC tqassam is-sehem minn dan is-sussidju fost id-diversi kumpaniji tal-ajru jidher li ma għandu l-ebda effett fuq dan l-objettiv. Barra minn hekk, ta' min ifakkar li hija r-responsabbiltà ta' BAC li tipproponi sistema ta' tariffi u formula ta' kontroll tat-tariffi li jirriflettu r-realtà tal-kostijiet. L-awtorità regolatorja ekonomika tista' biss tieħu deċiżjoni definittiva f'ċerti ċirkostanzi u wara proċess ta' konsultazzjoni li jinvolvi lill-utenti tal-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell. Bl-intervent unilaterali tiegħu, permezz tal-miżura inkwistjoni, sabiex jikkoreġi l-istruttura tal-imposta tas-sigurtà, il-Gvern Federali injora mingħajr raġuni l-objettiv tas-sistema ġenerali ta' ffissar tal-imposti tal-ajruport.

(179)

Barra minn hekk, anki jekk wieħed jassumi li l-Gvern Federali seta' leġittimament jagħmel din il-korrezzjoni sabiex tiġi riflessa r-realtà tal-kostijiet tas-sigurtà kkawżati mid-diversi kumpaniji tal-ajru, l-esklużjoni tal-kumpaniji tal-ajru li ttrasportaw inqas minn 400 000 passiġġier bi tluq mill-ajruport fl-2012, esklużi l-passiġġieri fi transitu u fi trasferiment, ma tippermettix li jintlaħaq dan l-għan. Fil-fatt, għalkemm mhux eskluż li l-kost marġinali tal-ispejjeż tas-sigurtà għal kull passiġġier qed jonqos, xejn ma jindika fl-elementi pprovduti mill-Belġju li huwa biss mill-400 000 passiġġier li dan l-effett ta' tnaqqis jistħoqqlu jiġi kkunsidrat, u li l-kumpaniji tal-ajru li jittrasportaw numru inqas ta' passiġġieri ma jistgħux jibbenefikaw mill-ħlas mill-Istat ta' sehem mill-kostijiet ta' sigurtà ta' BAC. Il-Belġju ma pprovda ebda ġustifikazzjoni kwalitattiva jew kwantitattiva għal dan il-punt. Għandu jkun innutat li matul kwalunkwe sena tal-applikazzjoni tal-iskema, kumpanija tal-ajru eliġibbli tista' tiġi rimborżata l-imposta tas-sigurtà sħiħa dovuta għal kull passiġġier li jitlaq mill-ajruport wara l-400 000 wieħed sakemm ikun jippermetti l-pakkett baġitarju ta' EUR 19-il miljun. Madankollu, skont il-Belġju, sehem kbir mill-ispejjeż tas-sigurtà ta' BAC (59 %) huwa varjabbli. Minn dan jirriżulta li kull passiġġier addizzjonali, inkluż wara l-400 000 wieħed, joħloq kostijiet ta' sigurtà addizzjonali pjuttost sinifikanti. Il-miżura inkwistjoni għalhekk ftit tista' tirrifletti b'mod korrett ir-realtà tal-kostijiet tas-sigurtà kkawżati mid-diversi utenti tal-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell.

(180)

Min-naħa tagħha, Brussels Airlines qieset li limitu marbut man-numru ta' passiġġieri kien rilevanti fil-każ ta' sussidju għal servizzi relatati mas-sigurtà tal-ajruporti peress li l-kostijiet tas-sigurtà fl-ajruporti huma wkoll marbuta man-numru ta' passiġġieri. Madankollu, Brussels Airlines ma speċifikatx kif il-mod li bih il-kostijiet tas-sigurtà jvarjaw b'mod preċiż skont in-numru ta' passiġġieri jiġġustifika l-għażla ta' limitu espress f'numru ta' passiġġieri li jeskludi mill-bidu kategorija sħiħa ta' kumpaniji tal-ajru. Brussels Airlines lanqas ma pprovdiet xi ġustifikazzjoni għal-livell tal-limitu magħżul.

(181)

Barra minn hekk, kumpanija tal-ajru li ttrasportat aktar minn 400 000 passiġġier mill-ajruport fis-sena, fl-2013, fl-2014 jew fl-2015, esklużi l-passiġġieri fi trasferiment jew fi transitu, ma tirċievi ebda rimborż parzjali tal-imposta tas-sigurtà tagħha għal dawn is-snin skont l-Artikolu 2 tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 jekk hija ma tkunx laħqet il-limitu ta' 400 000 passiġġier fl-2012, u tibqa' penalizzata mill-istruttura tal-imposta tas-sigurtà li skont il-Belġju ma tirriflettix biżżejjed it-tnaqqis gradwali fil-kostijiet tas-sigurtà. B'hekk, l-esklużjoni a priori tal-kumpaniji tal-ajru li ttrasportaw inqas minn 400 000 passiġġier bi tluq mill-ajruport fl-2012 mill-kamp ta' applikazzjoni tal-miżura, esklużi l-passiġġieri fi transitu u fi trasferiment, hija inkonsistenti mal-għan li tiġi riflessa aħjar ir-realtà tal-kostijiet tas-sigurtà fl-imposta tas-sigurtà.

(182)

Fl-aħħar nett, fil-ġustifikazzjonijiet tiegħu, il-Belġju jinnota li t-trasferiment tal-passiġġieri ma kienx eżenti mill-ispejjeż tas-sigurtà tal-Ajruport Nazzjonali tal-Brussell, li ma jirriflettix it-tnaqqis fil-kostijiet tas-sigurtà. Jekk wieħed jassumi li hija korretta, din id-dikjarazzjoni hija inkonsistenti mal-fatt li l-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu mhumiex ikkunsidrati biex jiġu identifikati l-kumpaniji tal-ajru li jaqbżu l-limitu ta' 400 000 passiġġier ittrasportati mill-ajruport fl-2012 u għalhekk eliġibbli għal rimborż taħt il-miżura inkwistjoni.

(183)

Fid-dawl ta' dak li ntqal, it-tieni punt prinċipali tal-argumenti mressqa mill-Belġju, kif imsemmi fil-premessa (174) ma jiġġustifikax il-limitu ta' 400 000 passiġġier li jitilqu mill-ajruport fis-sena kif ikkunsidrat fl-Artikolu 2(1) tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014.

(184)

Barra minn hekk, filwaqt li skont l-Artikolu 2(1) tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014, il-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu huma esklużi mill-għadd tan-numru ta' passiġġieri biex jiġu ddeterminati l-kumpaniji tal-ajru benefiċjarji, dawn il-passiġġieri huma inklużi meta l-kumpaniji tal-ajru benefiċjarji jiġu biex jitħallsu skont l-Artikolu 2(2) ta' dan id-Digriet Irjali. Madankollu, il-metodi ta' kalkolu tas-sussidji għandhom ikunu konsistenti mal-kriterju użat biex jiġu ddeterminati l-benefiċjarji, inkella ma jistgħux ikunu konsistenti mal-għanijiet sottostanti għall-għażla tal-kriterju ta' selezzjoni tal-benefiċjarji.

(185)

Ryanair innutat din l-inkonsistenza fil-kummenti tagħha. Fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-kummenti ta' Ryanair, il-Belġju sempliċiment irrefera għall-komunikazzjonijiet preċedenti tiegħu fir-rigward ta' dan il-punt. Iżda dawn il-komunikazzjonijiet ma jispjegawx id-differenza tat-trattament tal-passiġġieri fi trasferiment u fi transitu fid-definizzjoni tal-kriterju ta' selezzjoni tal-benefiċjarji u fil-metodi ta' kalkolu tas-sussidju.

(186)

Il-Kummissjoni tosserva dwar dan li, kieku l-passiġġieri fi transitu u fi trasferiment kienu ġew inklużi fl-għadd tal-passiġġieri taħt l-Artikolu 2(1) tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014, kien ikun hemm, fil-prinċipju, żewġ kumpaniji tal-ajru oħrajn eliġibbli għall-iskema, jiġifieri Lufthansa u Jet Airways. (45)

(187)

Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal, jidher li l-limitazzjoni tan-numru ta' benefiċjarji għall-kumpaniji tal-ajru biss li ttrasportaw aktar minn 400 000 passiġġier bi tluq mill-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell fl-2012, minbarra l-passiġġieri fi transitu u fi trasferiment, mhijiex oġġettivament iġġustifikata min-natura u l-ekonomija tas-sistema li taħtha taqa' l-miżura.

Dwar l-għażla tas-sena 2012

(188)

Skont il-Belġju (46), is-sena 2012 intgħażlet bħala sena ta' referenza għall-fatt li din hija l-aħħar sena li għaliha kien hemm ċifri disponibbli meta l-Kunsill tal-Ministri ddeċieda li jadotta l-miżura. Skont il-Belġju, il-fatt li ġew ikkunsidrati ċ-ċifri tal-2012 jiżgura ċerta ċertezza tad-dritt għall-impriżi benefiċjarji.

(189)

Madankollu l-Kummissjoni tqis li dan l-argument mhux validu. L-Artikolu 2(2) tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 jipprevedi li s-sussidji li jirċievu l-kumpaniji tal-ajru jiġu kkalkulati skont sena partikolari (2013, 2014 jew 2015) billi jiġi kkunsidrat in-numru ta' passiġġieri li telqu mill-ajruport (inklużi l-passiġġieri fi transitu u fi trasferiment) matul dik is-sena. Għaldaqstant ma hemm l-ebda raġuni oġġettiva biex jiġu esklużi a priori ċerti kumpaniji tal-ajru mil-lista tal-benefiċjarji abbażi tad-data tas-sena 2012. Fir-realtà, il-kriterju tal-Artikolu 2(1) tal-imsemmi Digriet Irjali ma joffri ebda ċertezza oħra lill-kumpaniji tal-ajru li ma jissodisfawhx għajr li huma esklużi mill-iskema. Għaldaqstant l-argument tal-Belġju dwar iċ-ċertezza tad-dritt huwa ineffettiv.

(190)

Skont Brussels Airlines, li fuq dan il-punt taqbel mal-Belġju, l-użu tas-sena ta' referenza 2012 huwa dovut għall-fatt li din hija l-aħħar sena li għaliha kien hemm ċifri disponibbli meta l-Kunsill tal-Ministri ddeċieda li jadotta l-miżura. Brussels Airlines tqis li ovvjament, l-għażla ta' punt ta' referenza tibqa' dejjem arbitrarja sa ċertu punt, iżda bl-għażla tas-sena 2012 bħala referenza, il-Belġju ma qabiżx il-marġni ta' evalwazzjoni diskrezzjonali tiegħu. Madankollu, dawn l-argumenti huma bbażati b'mod impliċitu fuq is-suppożizzjoni li kien jeħtieġ a priori li n-numru ta' benefiċjarji jiġi ristrett minn fost l-utenti kollha tal-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell, skont id-data ta' ċerta sena ta' referenza li għaddiet. Għar-raġunijiet imsemmija qabel, il-Kummissjoni tqis li din is-suppożizzjoni mhijiex eżatta, u dan jagħmel l-argument ta' Brussels Airlines ineffettiv.

(191)

Skont il-Belġju, il-miżura tippermetti li tittieħed deċiżjoni ġdida għall-perjodu baġitarju 2016, 2017 u 2018, dwar l-għażla tal-kumpaniji tal-ajru benefiċjarji abbażi tan-numru ta' passiġġieri ttrasportati fl-2015, li, jekk ikun meħtieġ, tiftaħ il-benefiċċju tal-miżura għal kumpaniji tal-ajru oħrajn jew teskludi benefiċjarju attwali wieħed jew aktar. Għaldaqstant il-Belġju jqis li l-mekkaniżmu huwa inċentiv peress li jista' jġib ridistribuzzjoni tal-lista tal-benefiċjarji kull tliet snin (47). Il-Kummissjoni tinnota f'dan ir-rigward li l-miżura hija stabbilita biss għas-snin 2013, 2014 u 2015. Għalhekk l-estensjoni tagħha fiż-żmien hija biss ipotetika.

(192)

Fid-dawl ta' dak li ntqal, ir-restrizzjoni tan-numru ta' benefiċjarji skont data tat-traffiku għas-sena 2012 mhijiex iġġustifikata min-natura u l-ekonomija tas-sistema li taħtha taqa' l-miżura msemmija.

Konklużjoni

(193)

Il-miżura tagħti vantaġġ lil tliet utenti speċifiċi tal-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell fuq oħrajn, u dan il-vantaġġ mhuwiex iġġustifikat min-natura u l-ekonomija tas-sistema li taħtha taqa' l-miżura msemmija. Din il-konklużjoni tikkonferma n-natura selettiva tal-miżura.

(194)

Barra minn hekk, jirriżulta minn dak kollu li ntqal li l-utenti l-oħrajn tal-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell huma esklużi mill-iskema u għalhekk ma jirċievu ebda sussidju, u din l-esklużjoni mhijiex iġġustifikata min-natura u l-ekonomija tas-sistema li taħtha taqa' l-miżura msemmija. Għaldaqstant, is-sussidju kollu li rċevew il-benefiċjarji tal-iskema jikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku selettiv.

7.1.5.   Effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u fuq il-kompetizzjoni

(195)

L-għajnuna pubblika għall-impriżi tikkostitwixxi biss għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE jekk “twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi” u sa fejn “tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri.”

(196)

Meta l-għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta' impriża speċifika mqabbla ma' impriżi oħra li jikkompetu fil-kummerċ intern tal-Unjoni, dan tal-aħħar għandu jitqies li jiġi affettwat minn dik l-għajnuna. Skont il-ġurisprudenza (48), biex għajnuna titqies li toħloq jew thedded li toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni, huwa biżżejjed li l-benefiċjarju tal-għajnuna jkun f'kompetizzjoni diretta ma' kumpaniji oħrajn fi swieq miftuħa għall-kompetizzjoni.

(197)

Rigward l-effett fuq il-kummerċ, “hemm lok mhux li jiġi stabbilit effett reali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri […], iżda biss li jiġi eżaminat jekk din l-għajnuna tistax taffettwa lil dan il-kummerċ” (49). B'mod partikolari, il-Qrati tal-Unjoni stabbilew li meta għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta' impriża meta mqabbla mal-pożizzjoni ta' impriżi kompetituri oħra fil-kummerċ intra-Komunitarju, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu li huma affettwati mill-għajnuna (50).

(198)

Il-miżura inkwistjoni tippermetti lill-kumpaniji tal-ajru benefiċjarji li jħaddmu politika ta' tariffi aktar aggressiva, kif ukoll iżommu jew iżidu artifiċjalment l-offerta tas-servizzi pprovduti meta mqabbla mal-kundizzjonijiet normali tas-suq, u għalhekk, li joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni mal-kumpaniji l-oħrajn li ma jibbenefikawx mill-miżura. Għaldaqstant il-miżura tista' ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-impriżi benefiċjarji meta mqabbla ma' kumpaniji tal-ajru oħrajn attivi fis-suq tat-trasport tal-passiġġieri bl-ajru fl-Unjoni. Dan is-suq issa ġie kompletament liberalizzat u miftuħ għall-kumpaniji tal-ajru kollha tal-Unjoni taħt l-effett tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

(199)

Minn dan jirriżulta li bid-distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn il-kumpaniji tal-ajru li joperaw fis-suq intern, din il-miżura tista' wkoll tfixkel il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

7.1.6.   Konklużjoni dwar il-preżenza ta' għajnuna lill-kumpaniji tal-ajru

(200)

Il-miżura eżaminata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, lill-kumpaniji tal-ajru li jissodisfaw il-kundizzjonijiet definiti fl-Artikolu 2(1) tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014.

7.2.   Il-legalità tal-għajnuna

(201)

Skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat, “Il-Kummissjoni għandha tiġi informata, fil-ħin sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, dwar kull proġett sabiex tiġi mogħtija jew sabiex tiġi modifikata għajnuna. (…) L-Istat Membru interessat ma jistax idaħħal fis-seħħ il-proġetti proposti tiegħu qabel ma dik il-proċedura jkollha deċiżjoni finali.”

(202)

F'dan il-każ, il-miżura inkwistjoni diġà ġiet implimentata, peress li d-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 daħal fis-seħħ mingħajr ma l-Kummissjoni ġiet innotifikata dwar il-miżura. Is-sospensjoni sussegwenti tal-imsemmi Digriet Irjali ma għandhiex effett fuq l-illegalità tal-għajnuna.

(203)

Il-Kummissjoni ma identifikat ebda bażi ġuridika li teżenta lill-Belġju mill-obbligu li jinnotifika din l-għajnuna. Fil-fatt, is-sussidju mogħti la huwa kopert mir-Regolament (KE) Nru 800/2008, u lanqas mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 (51) li l-Artikolu 58(1) tiegħu jipprovdi li “Dan ir-Regolament japplika għal għajnuna individwali mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet rispettivi ta' dan ir-Regolament, fejn l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f'dan ir-Regolament, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 9”. Barra minn hekk, hija eskluża mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/21/UE (52), anki sempliċiment minħabba li l-livell tat-traffiku fl-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell jaqbeż il-limitu ta' 200 000 passiġġier fis-sena stabbilit mill-Artikolu 2(1)(e) ta' dik id-Deċiżjoni.

(204)

Għaldaqstant il-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi għajnuna illegali.

7.3.   Il-kompatibbiltà tal-għajnuna

(205)

Minħabba li s-sussidju msemmi huwa għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, jenħtieġ li jiġi eżaminat jekk hijiex kompatibbli mas-suq intern. Peress li l-Belġju qies li l-miżura ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, ma rreferiex għal bażi ġuridika jew għal xi raġunament li fuq il-bażi tiegħu l-miżura tista' tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern f'każ li kellha tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat.

(206)

Min-naħa tagħha Brussels Airlines sostniet li kieku l-Kummissjoni kellha madankollu tikkonkludi dwar l-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat, din l-għajnuna kellha tkun iddikjarata kompatibbli tal-anqas sal-4 ta' April 2014, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni. Brussels Airlines tirreferi dwar dan il-punt għad-Deċiżjoni Charleroi, fejn il-Kummissjoni kkunsidrat li diversi miżuri ta' għajnuna mogħtija mir-Reġjun ta' Walloon kienu kompatibbli mas-suq intern sal-4 ta' April 2014.

(207)

Madankollu, il-miżuri eżaminati fid-Deċiżjoni Charleroi, li għalihom tirreferi Brussels Airlines, kienu miżuri ta' għajnuna lill-operatur tal-ajruport ta' Charleroi, iddikjarati parzjalment kompatibbli mas-suq intern abbażi tat-Taqsima 5.1.2 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni, li tirrigwarda l-għajnuna operattiva lill-ajruporti. Minħabba li l-miżura eżaminata hija għajnuna lill-kumpaniji tal-ajru, u mhux lill-operaturi tal-ajruporti, l-argument ta' Brussels Airlines huwa irrilevanti.

(208)

Minkejja n-nuqqas ta' argumenti invokati mill-Belġju sabiex jiġġustifika l-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern, il-Kummissjoni eżaminat il-kompatibbiltà eventwali tal-għajnuna fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE li skontu “għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet jew ta' ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni” tista' titqies kompatibbli mas-suq intern.

(209)

Fil-fatt, jidher li għajnuna ma tistax tkun iddikjarata kompatibbli fuq il-bażi ta' ebda bażi ġuridika oħra. B'mod partikolari, il-miżura ma tistax titqies bħala kumpens lill-kumpaniji tal-ajru għall-provvista ta' xi servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali. Għaldaqstant, il-miżura ma tistax tkun iddikjarata kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikolu 106(2) TFUE.

(210)

Il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni jipprovdu qafas ġenerali ta' evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mogħtija lill-kumpaniji tal-ajru fir-rigward tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

(211)

Ħlief għall-għajnuna ta' natura soċjali, li tibbenefika lill-konsumatur finali għal konnessjoni speċifika, u li ovvjament il-miżura inkwistjoni ma tagħmilx parti minnha, l-għajnuna għall-bidu tan-negozju hija l-unika għajnuna lill-kumpaniji tal-ajru li tista' tkun awtorizzata abbażi tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni.

(212)

Skont il-punt 174 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni fil-każ ta' għajnuna illegali għall-bidu tan-negozju lill-kumpaniji tal-ajru il-Kummissjoni se tapplika r-regoli fis-seħħ dakinhar li tkun ingħatat l-għajnuna. Id-Digriet Irjali ġie adottat fis-7 ta' Jannar 2014, jiġifieri qabel l-4 ta' April 2014. F'din id-data, l-għajnuna għall-bidu tan-negozju lill-kumpaniji tal-ajru kienet irregolata mil-Linji Gwida Komunitarji dwar il-finanzjament tal-ajruporti u l-għajnuna mill-Istat għall-bidu tan-negozju lill-kumpaniji tal-ajru li jitilqu mill-ajruporti reġjonali (53) (minn hawn 'il quddiem “il-Linji Gwida tal-2005”).

(213)

Skont il-punt 79(c) tal-Linji Gwida tal-2005, l-għajnuna għall-bidu tan-negozju għandha tapplika biss għall-ftuħ ta' rotot jew frekwenzi ġodda li jwassal għal żieda fil-volum nett tal-passiġġieri. Il-miżura inkwistjoni ma tissodisfax din il-kundizzjoni peress li l-passiġġieri li jagħtu d-dritt għar-rimborż previst fl-Artikolu 2(1) tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 mhumiex neċessarjament passiġġieri li qed jaqbdu rotot ġodda jew rotot ta' frekwenzi ġodda li jwasslu għal żieda fin-numru ta' passiġġieri.

(214)

Barra minn hekk, għalkemm il-punt 15 tal-Linji Gwida tal-2005 jiddistingwi fost erba' kategoriji ta' ajruporti, A, B, C u D, il-punt 79(b) tal-imsemmija linji gwida jeħtieġ li l-għajnuna għall-bidu tan-negozju titħallas għal rotot bejn ajruport reġjonali tal-kategoriji C u D u ajruport ieħor tal-Unjoni, peress li l-għajnuna għar-rotot bejn ajruporti nazzjonali (il-kategorija B) tista' titqies biss f'każ eċċezzjonali. Il-punt 79(b) ma jipprevedix li l-għajnuna għall-bidu tan-negozju tista' tingħata għal rotot bejn ajruport ta' kategorija A u ajruport ta' kategorija A jew B jew ajruport li jinsab barra mill-Unjoni. Madankollu, l-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell jilqa' aktar minn għaxar miljun passiġġier fis-sena u għalhekk jappartjeni għall-kategorija A. Peress li ma hemm ebda kundizzjoni marbuta mal-miżura rigward l-ajruport ta' destinazzjoni tar-rotot li jieħdu l-passiġġieri u li jagħtu d-dritt għar-rimborż tal-imposta tas-sigurtà skont l-Artikolu 2(1) tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014, il-kundizzjoni msemmija fil-punt 79(b) tal-linji gwida msemmija mhijiex issodisfata.

(215)

Għaldaqstant l-għajnuna ma tissodisfax il-kriterji ta' kompatibbiltà li jipprevedu l-Linji Gwida tal-2005 għall-għajnuna għall-bidu tan-negozju.

(216)

Fid-dawl ta' dak li ntqal, l-għajnuna hija inkompatibbli mas-suq intern.

8.   IRKUPRU

(217)

Skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat u l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti, il-Kummissjoni hija kompetenti biex tiddeċiedi jekk l-Istat Membru kkonċernat għandux jabolixxi jew jibdel l-għajnuna meta tkun sabet li din tkun inkompatibbli mas-suq intern. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet ukoll b'mod konsistenti li l-obbligu ta' Stat Membru li jabolixxi għajnuna kkunsidrata mill-Kummissjoni bħala mhux kompatibbli mas-suq intern, huwa maħsub sabiex terġa' tiġi stabbilita s-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel.

(218)

F'dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet li dan l-għan jintlaħaq meta l-benefiċjarju jkun ħallas lura l-ammonti mogħtija taħt l-għajnuna illegali. B'din ir-rifużjoni, il-benefiċjarju jitlef il-vantaġġ li kien igawdi fuq il-kompetituri tiegħu fis-suq, u tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kien hemm qabel il-ħlas tal-għajnuna.

(219)

F'konformità ma' dik il-ġurisprudenza, l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2015/1589 jipprevedi li “Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f'każijiet ta' għajnuna kontra l-liġi, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju (…)”.

(220)

Għaldaqstant, peress li l-miżuri inkwistjoni ġew implimentati bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE u huma inkompatibbli mas-suq intern, huma għandhom jiġu rkuprati sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti fis-suq qabel l-għoti tagħha. L-irkupru għandu jkopri l-perjodu minn meta ngħata l-vantaġġ lill-benefiċjarji, jiġifieri minn meta l-għajnuna saret disponibbli għall-benefiċjarji, sal-irkupru effettiv tagħha. L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati għandhom għalhekk jinkludu l-imgħaxijiet sal-irkupru effettiv tagħhom.

(221)

Permezz tal-ittra tal-20 ta' Marzu 2017, il-Belġju informa lill-Kummissjoni li kien ħassar id-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 permezz tad-Digriet Irjali tal-15 ta' Marzu 2017. Għaldaqstant, il-Belġju abolixxa l-miżura tal-għajnuna, li mhux se jkollha effett fil-futur.

(222)

Barra minn hekk, permezz tal-ittra tas-16 ta' Mejju 2017, il-Belġju pprovda l-elementi kollha meħtieġa li juru li, skont id-Digriet Irjali tal-15 ta' Marzu 2017, il-kumpaniji tal-ajru Brussels Airlines, TUI Airlines Belgium u Thomas Cook Airlines Belgium, kienu rrimborżaw l-ammonti tal-għajnuna li rċevew u l-imgħaxijiet ikkalkulati mit-22 ta' Settembru 2014, fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 (54) li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004, jiġifieri, rispettivament, EUR 16 779 819 f'għajnuna u EUR 543 546,30 f'imgħax, EUR 2 143 621 f'għajnuna u EUR 69 438,01 f'imgħax, u EUR 76 560 f'għajnuna u EUR 2 480 f'imgħax.

(223)

Fid-dawl ta' dawn l-elementi, u b'kont meħud tar-rimborż tal-ammonti ta' għajnuna riċevuti u tal-imgħaxijiet korrispondenti, il-Kummissjoni tqis li l-benefiċjarji tilfu l-vantaġġ li kienu ngħataw fis-suq meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom u li s-sitwazzjoni kompetittiva ta' qabel il-ħlas tal-għajnuna ġiet stabbilita mill-ġdid.

(224)

Fid-dawl ta' dak li ntqal, ma hemmx lok li l-Belġju jiġi ordnat jabolixxi l-miżura u jirkupra l-għajnuna inkompatibbli mingħand il-benefiċjarji peress li diġà ħa dawn l-azzjonijiet minn rajh.

9.   KONKLUŻJONI

(225)

Il-Kummissjoni tinnota li l-Belġju implimenta għajnuna illegali favur kumpaniji tal-ajru li ssodisfaw il-kundizzjonijiet definiti fl-Artikolu 2(1) tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014, bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE. Minħabba li ma tista' tiġi identifikata ebda raġuni ta' kompatibbiltà għas-sistema inkwistjoni, din tirriżulta bħala inkompatibbli mas-suq intern.

(226)

Madankollu, peress li l-Belġju rtira d-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 u rkupra l-għajnuna u l-imgħaxijiet korrispondenti, ġiet stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel ingħatat l-għajnuna illegali u inkompatibbli mill-Istat. Għaldaqstant ma hemmx lok li tiġi ordnata l-abolizzjoni tal-miżura u l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Is-sussidju mogħti mid-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 lil ċerti kumpaniji tal-ajru jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

2.   L-għajnuna msemmija fl-ewwel paragrafu, implimentata illegalment mir-Renju tal-Belġju, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea hija inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 24, 23.1.2015, p. 10.

(2)  Ara n-nota 1 ta' qiegħ il-paġna.

(3)  Iċ-ċifri fil-parentesi jirrappreżentaw id-differenza fin-numru ta' passiġġieri jew movimenti mis-sena ta' qabel.

(4)  Id-Digriet Irjali tas-27 ta' Mejju 2004 dwar it-tibdil ta' Brussels International Airport Company f'kumpanija privata b'responsabbiltà limitata u dwar il-faċilitajiet tal-ajruport (Moniteur belge, 24 ta' Ġunju 2004, p. 51750).

(5)  Ontario Teachers' Pension Plan.

(6)  MAp Airports via Macquarie European Infrastructure Fund I u Macquarie European Infrastructure Fund III.

(7)  L-Att Speċjali tat-8 ta' Awwissu 1980 dwar ir-Riformi Istituzzjonali (Moniteur belge, 15 ta' Awwissu 1980, p. 9434).

(8)  Id-Digriet Irjali tal-21 ta' Ġunju 2004 li jagħti l-liċenzja operattiva tal-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell lill-kumpanija b'responsabbiltà limitata B.I.A.C. (Moniteur belge, 15.7.2004, p. 55640).

(9)  L-Artikolu 1(12) u l-Artikolu 30(7) tad-Digriet Irjali tas-27 ta' Mejju 2004.

(10)  L-Artikolu 35(1) tad-Digriet Irjali tas-27 ta' Mejju 2004.

(11)  Tweġiba tat-12 ta' Marzu 2015 għat-talba għal informazzjoni tal-10 ta' Frar 2015 (tweġiba għall-mistoqsija 5b).

(12)  Id-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 li jagħti sussidju lil Brussels Airport Company, detentur tal-liċenzja operattiva tal-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell, għall-appoġġ għall-infrastruttura tas-sigurtà (Moniteur belge, 23 ta' April 2014, p. 34506).

(13)  It-terminu “utenti tal-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell” jindika f'dan il-kuntest il-kumpaniji tal-ajru li joperaw titjiriet li jitilqu minn dan l-ajruport.

(14)  Tweġiba tat-12 ta' Marzu 2015 għat-talba ta' informazzjoni tal-10 ta' Frar 2015.

(15)  Id-Digriet Irjali tal-15 ta' Marzu 2017 li jirtira d-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014 li jagħti sussidju lil Brussels Airport Company, detentur tal-liċenzja operattiva tal-Ajruport Nazzjonali ta' Brussell, għall-appoġġ għall-infrastruttura tas-sigurtà (Moniteur belge, 24.3.2017).

(16)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1). Notifika tal-Kummissjoni dwar ir-rati ta' interessi ta' rkupru preżenti għall-Għajnuna mill-Istat u rati ta' referenza/tnaqqis għat-28 Stat Membru applikabbli mill-1 ta' Jannar 2014 (Ippubblikat skont l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1)), (ĠU C 2, 7.1.2014, p. 7).

(17)  Ir-Regolament (KE) Nru 800/2008 tal-Kummissjoni tas-6 ta' Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta' għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3).

(18)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru (ĠU C 99, 4.4.2014, p. 3).

(19)  Il-punt 145 tal-Linji Gwida tal-Avjazzjoni.

(20)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2016/2069 tal-1 ta' Ottubru 2014 dwar il-miżuri SA.14093 (C76/2002) li l-Belġju implimenta favur Brussels South Charleroi Airport u Ryanair (ĠU L 325, 30.11.2016, p. 63).

(21)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

(22)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta' Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9).

(23)  ĠU L 325, 30.11.2016, p. 63.

(24)  Moniteur Belge tal-31 ta' Diċembru 2001.

(25)  B'mod partikolari fl-Artikolu 158(1), (2) u (4) tagħha.

(26)  Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, Chicago, is-7 ta' Diċembru 1944, Nazzjonijiet Uniti, Ġabra tat-Trattati, vol. 15, Nru 102, Artikolu 15.

(27)  Id-Direttiva 2009/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-imposti tal-ajruporti (ĠU L 70, 14.3.2009, p. 11).

(28)  Ara, pereżempju, is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Jannar 2006, Ministero dell'Economia e delle Finanze vs Cassa di Risparmio di Firenze SpA, C-222/04, ECLI:EU:C:2006:8, il-punt 129.

(29)  Ara s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta' Ġunju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-35/96, ECLI:EU:C:1998:303, il-punt 36; is-Sentenza tat-23 ta' April 1991, Höfner u Elser, C-41/90, ECLI:CU:C:1991:161, il-punt 21; is-Sentenza tas-16 ta' Novembru 1995, FFSA et vs Ministère de l'Agriculture et de la Pêche, C-244/94, ECLI:EU:C:1995:392, il-punt 14 u s-Sentenza tal-11 ta' Diċembru 1997, Job Centre, C-55/96, ECLI:EU:C:1997:603, il-punt 21.

(30)  Is-Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Ġunju 1987, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-118/85, ECLI:EU:C:1987:283, il-punt 7, u tat-18 ta' Ġunju 1998, Il-Kummissjoni vs l-Italja, C-35/96, ECLI:EU:C:1998:303, il-punt 36.

(31)  Ara, pereżempju, is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C-206/06, ECLI:EU:C:2008:413, il-punti minn 58 sa 74.

(32)  Ara, b'mod partikolari, is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, C-301/87, ECLI:EU:C:1990:67, il-punt 41.

(33)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni, 173/73, ECLI:EU:C:1974:71, il-punt 27.

(34)  It-terminu “interventi mill-Istat” ma jirreferix biss għal azzjonijiet pożittivi mill-Istat iżda jkopri wkoll il-fatt li l-awtoritajiet ma jiħdux miżuri f'ċerti ċirkostanzi, pereżempju biex jinfurzaw id-dejn. Ara, pereżempju, is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Ottubru 2000, Magefesa, C-480/98, ECLI:EU:C:2000:559, il-punti 19 u 20.

(35)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni, 173/73, ECLI:EU:C:1974:71, il-punt 13.

(36)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/339/KE tal-15 ta' Ottubru 2003 dwar il-miżuri implimentati mill-Italja għar-RAI SpA (ĠU L 119, 23.4.2004, p. 1), il-premessa 69; Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Fennelly tas-26 ta' Novembru 1998, Franza vs Il-Kummissjoni C-251/97, ECLI:UE:C:1998:572, il-punt 26.

(37)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta' Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg vs Nahverkehrsgesellschaft Altmark GmbH, C-280/00, ECLI:EU:C:2003:415, il-punti minn 87 sa 93.

(38)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C-524/14 P, ECLI:EU:C:2016:971.

(39)  Is-Sentenza Il-Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, imsemmija qabel fin-nota ta' qiegħ il-paġna Nru 36, il-punt 62.

(40)  Il-Belġju ppreżenta l-argumenti tiegħu f'dan ir-rigward fit-tweġiba tiegħu tat-2 ta' April 2014 għat-talba għal informazzjoni tal-11 ta' Frar 2014, fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar id-Deċiżjoni tal-ftuħ u fit-tweġiba tiegħu tat-12 ta' Marzu 2015 għat-talba għal informazzjoni tal-10 ta' Frar 2015.

(41)  Il-kummenti tal-Belġju dwar id-Deċiżjoni ta' ftuħ (Ittra tal-15 ta' Jannar 2015).

(42)  L-Anness 2 għat-tweġiba tat-2 ta' April 2014 għat-talba ta' informazzjoni tal-11 ta' Frar 2014.

(43)  It-tweġiba tat-2 ta' April 2014 għall-mistoqsija 14 tat-talba ta' informazzjoni tal-11 ta' Frar 2014.

(44)  Ara t-tielet premessa tad-Digriet Irjali tas-7 ta' Jannar 2014, li tiddikjara dan l-objettiv.

(45)  It-tweġiba tal-Belġju tat-12 ta' Marzu 2015 għall-mistoqsija 2 tat-talba ta' informazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Frar 2015.

(46)  It-tweġiba tat-2 ta' April 2014 għat-talba għal informazzjoni tal-11 ta' Frar 2014 u t-tweġiba tat-12 ta' Marzu 2015 għat-talba għal informazzjoni tal-10 ta' Frar 2015.

(47)  It-tweġiba tal-14 ta' Marzu 2015 għat-talba ta' informazzjoni tal-10 ta' Frar 2015.

(48)  Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta' April 1998, Het Vlaamse Gewest vs Il-Kummissjoni, T-214/95, ECLI:UE:T:1998:77, il-punti 46 u minn 49 sa 53.

(49)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Jannar 2015, Eventech vs The Parking Adjudicator, C-518/13, ECLI:EU:C:2015:9, il-punt 65. Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Mejju 2013, Libert et, Kawżi magħquda C-197/11 u C-203/11, ECLI:UE:C:2013:288, il-punt 76.

(50)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Jannar 2015, Eventech vs The Parking Adjudicator, C-518/13, ECLI:EU:C:2015:9, il-punt 66. Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Mejju 2013, Libert et, Kawżi magħquda C-197/11 u C-203/11, ECLI:UE:C:2013:288, il-punt 77; Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta' April 2001, Regione Friuli Venezia Giulia vs Il-Kummissjoni, T-288/97, ECLI:EU:T:2001:115, il-punt 41.

(51)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta' Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta' għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).

(52)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/21/UE tal-20 ta' Diċembru 2011 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta' kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 7, 11.1.2012, p. 3).

(53)  ĠU C 312, 9.12.2005, p. 1.

(54)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 tat-30 ta' Jannar 2008 li jemenda ir-Regolament (KE) Nru 794/2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 82, 25.3.2008, p. 1).


  翻译: