23.10.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 264/24 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1590
tad-19 ta' Ottubru 2018
li temenda d-Deċiżjonijiet 2012/481/UE, 2014/391/UE, 2014/763/UE u 2014/893/UE fir-rigward tal-perjodu ta' validità tal-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għal ċerti prodotti u tar-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati magħhom
(notifikata bid-dokument C(2018) 6805)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar skema ta' Ekotikketta tal-UE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,
Wara li kkonsultat il-Bord tal-Ekotikkettar tal-Unjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Il-validità tal-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-karta stampata u tar-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati magħhom, stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/481/UE (2), tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2018. |
(2) |
Il-validità tal-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għas-saqqijiet tas-sodda u tar-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati magħhom, stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/391/UE (3), tiskadi fit-23 ta' Ġunju 2018. |
(3) |
Il-validità tal-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti assorbenti tal-iġjene u tar-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati magħhom, stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/763/UE (4), tiskadi fl-24 ta' Ottubru 2018. |
(4) |
Il-validità tal-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti kożmetiċi li jitlaħalħu u tar-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati magħhom, stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/893/UE (5), tiskadi fid-9 ta' Diċembru 2018. |
(5) |
F'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kontroll tal-Idoneità dwar l-Ekotikketta tal-UE tat-30 ta' Ġunju 2017 (li sar fil-kuntest tar-REFIT) (6), il-Kummissjoni, flimkien mal-Bord tal-Ekotikkettar tal-UE, ivvalutat ir-rilevanza ta' kull grupp ta' prodotti qabel ma pproponiet l-estensjoni tagħha. Din il-valutazzjoni kkonfermat l-adegwatezza tal-kriterji ekoloġiċi attwali, kif ukoll tar-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati magħhom, stabbiliti bid-Deċiżjonijiet 2012/481/UE, 2014/391/UE, 2014/763/UE u 2014/893/UE. Barra minn hekk, din il-valutazzjoni wriet l-importanza li dawn il-gruppi ta' prodotti jinżammu fl-ambitu tal-Ekotikketta tal-UE, iżda, f'xi każijiet, billi dawn il-gruppi ta' prodotti jingħaqdu flimkien ma' gruppi ta' prodotti eżistenti oħrajn sabiex jittejbu s-sinerġiji bejn il-gruppi ta' prodotti u jiżdied l-użu tal-Ekotikketta tal-UE. Fir-reviżjoni jenħtieġ li tingħata attenzjoni xierqa lill-koerenza bejn il-politiki tal-UE, il-leġiżlazzjoni u l-evidenza xjentifika rilevanti. |
(6) |
Il-prodotti tal-karta stampata u l-prodotti tal-karta ttrasformata huma marbuta mill-qrib ħafna ma' xulxin. Barra minn hekk, bħalissa għaddej proċess ta' reviżjoni għall-prodotti tal-karta grafika, li hija sottostrat tal-karta stampata. Sabiex jittejbu s-sinerġiji u jiżdied l-użu tal-Ekotikketta tal-UE għal dawn il-gruppi ta' prodotti, jenħtieġ li l-perjodu ta' validità tal-kriterji attwali għall-prodotti tal-karta stampata jiġi allinjat ma' dak tal-karta ttrasformata, u jiġi sal-31 ta' Diċembru 2020. |
(7) |
Biex jiżdied l-użu tal-Ekotikketta tal-UE għas-saqqijiet tas-sodda, jenħtieġ li jiġi kkunsidrat li dan il-grupp ta' prodotti jingħaqad mal-grupp ta' prodotti tal-għamara. Bħala l-ewwel pass, jenħtieġ li l-perjodu ta' validità tal-kriterji attwali għas-saqqijiet tas-sodda jiġi allinjat ma' dak tal-għamara, u jiġi sat-28 ta' Lulju 2022. |
(8) |
Fir-rigward tal-prodotti assorbenti tal-iġjene, jenħtieġ li l-kriterji attwali tal-Ekotikketta tal-UE għall-Prodotti Assorbenti tal-Iġjene jiġu estiżi sal-31 ta' Diċembru 2022 sabiex tingħata stabbiltà lis-suq u lid-detenturi tal-liċenzji attwali u futuri potenzjali — ħaġa li tista' twassal biex jiżdied l-użu min-naħa tal-industrija. |
(9) |
Il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti kożmetiċi li jitlaħalħu jenħtieġ li jiġu estiżi sal-31 ta' Diċembru 2021 sabiex jitħalla ż-żmien biex tiġi konkluża r-reviżjoni tagħhom. |
(10) |
Għaldaqstant, huwa xieraq li l-perjodu ta' validità ta' dawk il-kriterji u ta' dawk ir-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika jiġi estiż. |
(11) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjonijiet 2012/481/UE, 2014/391/UE, 2014/763/UE u 2014/893/UE jiġu emendati skont dan. |
(12) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 66/2010, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2012/481/UE huwa sostitwit b'dan li ġej:
“Artikolu 4
Il-kriterji ekoloġiċi għall-grupp ta' prodotti tal-“karta stampata”, kif ukoll ir-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati magħhom, għandhom jibqgħu validi sal-31 ta' Diċembru 2020.”.
Artikolu 2
L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2014/391/UE huwa sostitwit b'dan li ġej:
“Artikolu 4
Il-kriterji ekoloġiċi għall-grupp ta' prodotti “saqqijiet tas-sodda”, kif ukoll ir-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati magħhom, għandhom jibqgħu validi sat-28 ta' Lulju 2022.”.
Artikolu 3
L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2014/763/UE huwa sostitwit b'dan li ġej:
“Artikolu 4
Il-kriterji ekoloġiċi għall-grupp ta' prodotti “prodotti assorbenti tal-iġjene”, kif ukoll ir-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati magħhom, għandhom jibqgħu validi sal-31 ta' Diċembru 2022.”.
Artikolu 4
L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2014/893/UE huwa sostitwit b'dan li ġej:
“Artikolu 4
Il-kriterji ekoloġiċi għall-grupp ta' prodotti “prodotti kożmetiċi li jitlaħalħu”, kif ukoll ir-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati magħhom, għandhom jibqgħu validi sal-31 ta' Diċembru 2021.”.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Ottubru 2018.
Għall-Kummissjoni
Karmenu VELLA
Membru tal-Kummissjoni
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/481/UE tas-16 ta' Awwissu 2012 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-karta stampata (ĠU L 223, 21.8.2012, p. 55).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/391/UE tat-23 ta' Ġunju 2014 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għas-saqqijiet tas-sodda (ĠU L 184, 25.6.2014, p. 18).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/763/UE tal-24 ta' Ottubru 2014 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti assorbenti tal-iġjene (ĠU L 320, 6.11.2014, p. 46).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/893/UE tad-9 ta' Diċembru 2014 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għal prodotti kożmetiċi li jitlaħalħu (ĠU L 354, 11.12.2014, p. 47).
(6) Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-rieżami tal-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta' organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta' ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) u tar-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar skema ta' Ekotikketta tal-UE (COM(2017) 355 final).