22.1.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
LI 16/6 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/88
tat-22 ta' Jannar 2018
li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/2063 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/2063 tat-13 ta' Novembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 17(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
(1) |
Fit-13 ta' Novembru 2017, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2017/2063. |
(2) |
Fit-13 ta' Novembru 2017, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-Venezwela li jirriaffermaw li d-djalogu kostruttiv u n-negozjati huma l-uniku mod sostenibbli biex tiġi indirizzata l-kriżi attwali u biex tingħata risposta għall-ħtiġijiet urġenti tal-poplu tal-Venezwela. |
(3) |
Il-Kunsill, filwaqt li enfasizza t-tħassib tiegħu fir-rigward tas-sitwazzjoni fil-pajjiż, adotta miżuri restrittivi u nnota li dawk il-miżuri ser jintużaw b'mod gradwali u flessibbli u jistgħu jiġu estiżi, billi jiffokaw fuq dawk involuti fin-nuqqas ta' rispett tal-prinċipji demokratiċi jew tal-istat tad-dritt u fil-vjolazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. |
(4) |
Fid-dawl tad-deterjorazzjoni kontinwata tas-sitwazzjoni fil-Venezwela, seba' persuni għandhom jiġu inklużi fil-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi fl-Anness IV għar-Regolament (UE) 2017/2063. |
(5) |
Għalhekk jenħtieġ li l-Anness IV għar-Regolament (UE) 2017/2063 jiġi emendat kif meħtieġ, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness IV għar-Regolament (UE) 2017/2063 huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Jannar 2018.
Għall-Kunsill
Il-President
F. MOGHERINI
(1) ĠU L 295, 14.11.2017, p. 21.
ANNESS
Il-persuni li ġejjin huma miżjuda mal-lista ta' persuni u entitajiet li tinsab fl-Anness IV għar-Regolament (UE) 2017/2063:
|
Isem |
Informazzjoni ta' identifikazzjoni |
Raġunijiet |
Data tal-elenkar |
“1. |
Néstor Luis Reverol Torres |
Data tat-twelid: 28 ta' Ottubru 1964 |
Ministru għall-Intern, il-Ġustizzja u l-Paċi; ex Kmandant Ġenerali tal-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u r-repressjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela, inkluża l-projbizzjoni u r-repressjoni ta' dimostrazzjonijiet politiċi |
22.1.2018 |
2. |
Gustavo Enrique González López |
Data tat-twelid: 2 ta' Novembru 1960 |
Kap tas-Servizz Nazzjonali tal-Intelligence Bolivarjan (SEBIN). Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem (inklużi d-detenzjoni arbitrarja, trattament inuman u degradanti, u tortura) u r-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela. |
22.1.2018 |
3. |
Tibisay Lucena Ramírez |
Data tat-twelid: 26 ta' April 1959 |
President tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (Consejo Nacional Electoral – CNE). L-azzjonijiet u l-politiki tagħha dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż bil-faċilitazzjoni tat-twaqqif ta' Assemblea Kostitwenti billi naqset milli tiżgura li s-CNE jibqa' istituzzjoni imparzjali u indipendenti skont il-Kostituzzjoni tal-Venezwela |
22.1.2018 |
4. |
Antonio José Benavides Torres |
Data tat-twelid: 13 ta' Ġunju 1961 |
Kap tal-Gvern tad-Distrett Kapitali (Distrito Capital). Kmandant Ġenerali tal-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana sal-21 ta' Ġunju 2017. Involut fir-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela, u responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana taħt il-kmand tiegħu. L-azzjonijiet u l-politiki tiegħu bħala Kmandant Ġenerali tal-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana, inkluż li l-Gwardja Nazzjonali Bolivarjana tmexxi fis-sorveljanza ta' dimostrazzjonijiet ċivili u t-tħabrik pubbliku biex il-qrati militari jkollhom ġurisdizzjoni fuq il-persuni ċivili, dgħajfu l-istat tad-dritt fil-Venezwela. |
22.1.2018 |
5. |
Maikel José Moreno Pérez |
Data tat-twelid: 12 ta' Diċembru 1965 |
President, u ex Viċi President, tal-Qorti Suprema tal-Ġustizzja tal-Venezuela (Tribunal Supremo de Justicia). F'dawn ir-rwoli, huwa appoġġa u ffaċilita l-azzjonijiet u l-politiki tal-Gvern li dgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, u huwa responsabbli għal azzjonijiet u dikjarazzjonijiet li użurpaw l-awtorità tal-Assemblea Nazzjonali. |
22.1.2018 |
6. |
Tarek William Saab Halabi |
Data tat-twelid: 10 ta' Settembru 1963 |
Avukat Ġenerali tal-Venezwela maħtur mill-Assemblea Kostitwenti. F'dan ir-rwol u r-rwoli preċedenti bħala Ombudsman u President tal-Kunsill Morali Repubblikan, huwa dgħajjef id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela billi pubblikament appoġġa azzjonijiet kontra avversarji tal-Gvern u l-irtirar ta' kompetenzi mill-Assemblea Nazzjonali. |
22.1.2018 |
7. |
Diosdado Cabello Rondón |
Data tat-twelid: 15 ta' April 1963 |
Membru tal-Assemblea Kostitwenti u l-Ewwel Viċi President tal-Partit Soċjalista Magħqud tal-Venezwela (PSUV). Involut f'azzjonijiet li jdgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Venezwela, inkluż bl-użu tal-media biex jiġu attakkati u mhedda pubblikament l-oppożizzjoni politika, media oħra u s-soċjetà ċivili. |
22.1.2018.” |